Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pitkalija — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet li jikkonċernaw il-pitkalija ħarġu tenders għalihom matul l-2015? Liema minn dawn it-tenders diġà ġew allokati u f’liema każ diġà sar ix-xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi lista ta’ tenders li nħarġu matul l-2015. Sadanittant ta’ min ifakkar li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Pitkalija għall-Budget 2016 ġiet ivvutata s-somma ta’ €1.6 miljun sabiex tintuża fuq ir-riforma tal-Pitkalija. Infurmat ukoll li bħalissa qed jitħejjew tenders oħra sabiex isiru xogħlijiet fil-Pitkalija.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – reklamar fuq media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas s’issa f’reklamar (li jinkludu reklami fuq television, radio, gazzetti u l-online portals, kif ukoll google adverts jew permezz ta’ kwalunkwe medium ieħor) mill-Ministeru kif ukoll minn kwalunkwe dipartiment, awtorità u entità oħra li taqa’ taħtu mill-1 ta’ April 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba l-mistoqsija parlamentari, kif ukoll il-valur tar-reklami li għadhom ma tħallsux imma huma bbukjati? Jista’ jgħid jekk dawn ir-reklami tħallsux jew hux se jitħallsu minn Fondi Ewropej, jew jekk tħallsux jew se jitħallsu minn xi fond ieħor? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont li tħallas jew se jitħallas minn kull fond imsemmi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni miġbura qed tiġi vverifikata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti u t-tweġiba tingħata fl-iqsar żmien possibli.

Annimali perikolużi – Lista

Question

B’referenza għall-intervista li ngħatat minn uffiċjal fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali u li ġiet ippublikata fil-ġurnal lokali Times of Malta tad-9 ta’ Diċembru 2015 dwar annimali perikolużi li ż-żamma tagħhom se tiġi pprojbita permezz ta’ regolamenti li se jinħarġu, jista’ l-Ministru jispjega għaliex ġiet elenkata l-ispeċi Thylacine iktar magħrufa bħala t-Tasmanian Tiger jew Tasmanain Wolf bħala speċi perikolużi meta din l-ispeċi ilha estinta mis-sena 1937? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, abbozz ta’ din l-istess lista ta’ annimali perikolużi? Min hu responsabbli biex ifformula din il-lista?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-lista li qed jagħmel riferenza għaliha l-Onor. Interpellant għadha fi stadju ta' abbozz u għalhekk mhijiex finali. Però jkun tajjeb jekk l-Onor. Interpellant jinnota li fl-amministrazzjoni preċedenti, proprjament fl-2010, legiżlazzjoni simili bħal din kienet abbozzata u kienet tinkludi lista ta' annimali li l-esperti ta' dak iż-żmien u li għadhom hemm illum, inkludew dan l-annimal. Hija stramba u ħasra l-ħaġa li, minkejja li f'dak iż-żmien bdew ifaqqsu stabbilimenti u kollezzjonijiet privati għaż-żamma ta' dawn it-tip ta' annimali, għal xi raguni jew oħra, din il-liġi qatt ma rat id-dawl tax-xemx. Naħseb li l-Onor. Interpellant jaqbel illi kieku l-amministazzjoni preċedenti kellha l-kuraġġ li timbotta biex l-affarijiet ikunu regolati kif suppost kieku llum qiegħdin f’pożizzjoni aħjar. Dan il-Gvern għandu l-kuraġġ li l-Gvern ta’ qabel ma kellux u għalhekk qed jimbotta din il-liġi. Iżda li l-Onor. Interpellant jaqbad fuq xi ħaġa purament teknika sabiex jipprova b’xi mod joskura jew joffuska x-xogħol siwi li qed jagħmel il-Gvern mhix aċċettabbli. Jien qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-abbozz li għandna s’issa fuq il-materja iżda nistenna li l-Onor. Interpellant japprezza li din il-lista għadha abbozz u fl-istess waqt nistiednu sabiex jekk għandu xi rakkomandazzjoni x’jagħmel iressaqilna u nwiegħduh li din tingħata il-kunsiderazzjoni li jixirqilha.

Santwarju tal-Annimali — definizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi d-definizzjoni ta’ Santwarju tal-Annimali? Kemm hemm santwarji tal-annimali li s’issa applikaw għal-liċenzja? Kemm-il liċenzja għal santwarju tal-annimali nħarġet s’issa? Kemm saru spezzjonijiet f’santwarji tal-annimali s’issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 439.14 tiddefinixxi santwarju ta’ annimali f'regolament 2. Infurmat ukoll li m’hemm l-ebda santwarju tal-annimali li applika għal-liċenzja u ma saret l-ebda spezzjoni f’santwarju tal-annimali s’issa.

Boarding Kennels — definizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi d-definizzjoni ta’ boarding kennel? Kemm hemm boarding kennels li s’issa applikaw għal-liċenzja? Kemm-il liċenza ta’ boarding kennels inħarġet s’issa? Kemm saru spezzjonijiet f’boarding kennels s’issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-Legiżlazzjoni Sussidjarja 439.15 tiddefinixxi ’boarding kennels’ f'regolament 2 . Infurmat ukoll li hemm stabbiliment wieħed li kien applika għal-liċenzja u nħarġitlu liċenzja ta’ ‘boarding kennel’. S’issa saru żewġ spezzjonijiet fuq l-istess stabbiliment.

Annimali – speċi fil-petting farms ta’ Ta’ Qali, Family Park u fl-Għammieri

Question

Jista’ l-Ministru jagħti separatament, kemm hemm speċi ta’ annimali, is-sess, bl-età u n-numru tagħhom fl-Għammieri, fil-petting farm f’Ta’ Qali u fil-Family Park f’Wied il-Għajn fil-preżent? Min hu s-sid ta’ dawn l-annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

MEPA – permessi għat-tħaffir għal Xelter għaż-Żwiemel fi Ġnien Howard fl-Imdina

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi kollha inkluż il-permessi tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), il-permess ta’ tħaffir fit-toroq maħruġ minn Transport Malta, kif ukoll il-permess maħruġ mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali relatat mal-istallazzjoni ta’ xelters għaż-żwiemel inkluż dawk relatati ma’ xogħol li qed issir preżentament fi Ġnien Howard fl-Imdina matul il-perjodu li jkopri Marzu 2014 sal-ġurnata tal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Construction waste pproċessat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ construction waste ġiet ipproċessata mill-Wasteserv kemm mis-Civic Amenity sites kif ukoll direttament mill-industrija, bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 u l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014 separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Materjal riċiklabbli illi ġie esportat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ materjal riċiklabbli u kemm kien il-volum illi ġie esportat (mingħajr ma sar xi trattament lokali fuqu), bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 u l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014 separatament? Jista’ l-Ministru jagħti tali informazzjoni separatament għal kull tip ta’ materjal?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba safejn din tikkonċerna l-Wasteserv. Għall-informazzjoni iktar mifruxa li tista’ tkun tinżamm mill-MEPA nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Materjal riċiklabbli — trattat lokalment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ materjal riċiklabbli ġie ttrattat lokalment u kemm kien il-volum, bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 u l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014 separatament? Jista’ jagħti tali informazzjoni separatament għal kull tip ta’ materjal? Jista’ jgħid ukoll x’kien it-tip u l-volum illi eventwalment ġie esportat? Jista’ jagħti tali informazzjoni separatament għal kull tip ta’ materjal?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba safejn din tikkonċerna l-Wasteserv. Għall-informazzjoni iktar mifruxa li tista’ tkun tinżamm mill-MEPA nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Riċiklaġġ ta’ Ħġieġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ ħġieġ plastik ġiet irriċiklata bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 u bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014? Jista’ jgħid x’tip ta’ ħġieġ kien u kemm kien hemm minn kull tip bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 u l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014 separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba sa fejn din tikkonċerna l-Wasteserv. Għall-informazzjoni aktar mifruxa li tista’ tkun tinżamm mill-MEPA, nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat

Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – annimali miġbura

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19649, fid-dokument impoġġi fuq il-mejda Tabella C, kolonna ħmistax u kolonna għoxrin, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu il-201 “annimali oħra” fil-bidu tax-xahar u kif ukoll 201 “annimali fl-aħħar tax-xahar” imsemmija f’kull xahar minn Mejju 2013 sa Diċembru 2015 miżmuma mid-Direttorat tal-Animal Welfare? Jista’ l-Ministru jipprovdi lista’ ta dawn il-201 annimali speċi bi speċi u kif ukoll jgħid fejn huma miżmuma fil-preżent? Jista’ l-Ministru jispjega kif dawn il-201 annimal ma ġewx imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20891 fejn il-Ministru intalab jagħti rendikont tan-numru ta’ annimali li qed jinżammu f’kull post separatament u li qegħdin fil-pussess tad-Direttorat tal-Animal Welfare?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-Tabella korretta għall-Mistoqsija Parlamentari 19649.

Għalf u Prodotti Nutrizzjonali

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 20892, jista’ l-Ministru jispjega għaliex kien hemm żieda daqshekk sostanzjali fl-ispejjeż relatati max-xiri tal-għalf mid-Direttorat tal-Animal Welfare fejn il-kontijiet telgħu għall-€5,111.76 f’Diċembru 2104, €4,677 f’Marzu 2015, €3,285.20 f’Mejju 2015, €4,638.60 f’Lulju 2015, €6,079.40 f’ Awissu 2015, € 4,566.20 f’Settembru 2015, u €4,176.60 f’Ottubru 2015 rispettivament? Kif jista’ il-Ministru jiġġustifika dawn l-ispejjeż meta n-numru ta’ annimali fil-pussess tad-Direttorat, il-figuri jindikaw li spiża ta’ għalf b’rata ta’ €27.51 kull annimal fix-xahar f’Marzu 2015 u €25.76 kull annimal fix-xahar f’Awissu 2015 meta kkumparat ma' rata ta’ €7.75 kull annimal fix-xahar f’Settembru 2014? X’passi ser jittieħdu f’dan r-rigward? Ser issir investigazzjoni indipendenti mill-Internal Audit and Investigations Department (IAID) biex tivverifika din id-diskrepanza sostanzjali u biex tivverifika jekk kienx hemm abbużi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li skont id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ż-żieda fl-ispejjeż tal-ikel hija primarjament dovuta għall-bidla fir-reġim ta’ kif jingħataw l-ikel l-annimali li jżomm id-Dipartiment li b’riżultat t’hekk l-annimali qed jingħataw aktar ikel. Sadanittant saret talba lill-Internal Audit and Investigations Department (IAID) sabiex jagħmel audit tas-sistemi relatati.

Direttorat tal-Animal Welfare — ikel tal-annimali - xiri

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu qed jinxtara l-ikel tal-Annimali mid-Direttorat tal-Animal Welfare? eta ġie iffirmat dan il-kuntratt, meta hi d-data tat-terminazzjoni u kemm hu l-valur globali ta’ dan it-tender? Jista’ jgħid x’inhi l-proċedura biex jinxtara l-għalf mid-Direttorat tal-Animal Welfare? Fejn qed jinżamm l-għalf li qed jinxtara għall-annimali mill-imsemmi Direttorat? Min għandu aċċess għall-post fejn jinżamm dan l-għalf u x’inhi il-proċedura interna ta’ kontroll biex jiżgura li kull ikel li jinħareġ ikun awditjat? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda kopja ta’ prattiċi bil-miktub li jeżistu f’dan ir-rigward?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-kuntratt in kwistjoni kien iffirmat fid-19 ta’ Novembru 2014 u jiskadi fi żmien sentejn minn tali data u għandu valur ta’ €53,565 VAT inkluż. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt in kwistjoni mingħajr l-informazzjoni li hija kkunsidrata ta’ natura kummerċjali u sensittiva. Mgħarraf ukoll li l-għalf jinxtara mill-istore officer abbażi ta’ dan il-kuntratt ħlief fejn ikun hemm ikel speċjalizzat li jinxtara ad hoc. L-animal carers jieħdu l-ikel mill-istore skont il-ħtieġa u jiffirmaw għalih. L-uffiċjal tal-istore jżomm rendikont dettaljat tal-ikel kollu li jinħareġ u ta’ min ħa r-responsabbilità li tali ikel inħareġ kif muri fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Sadanittant ninsab infurmat ukoll li saret talba lill-Internal Audit and Investigations Department (IAID) sabiex jagħmel audit tal-proċessi relatati.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — petrol u diesel - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intuża petrol u diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti, għall-karozza li juża l-istess Ministru minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015? Jista’ jgħid ukoll kemm intuża petrol u/jew diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti għat-tieni karozza u karozzi oħra li juża l-istess Ministru, jew xi ħadd awtorizzat minnu, minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015?

Response (BRINCAT, LEO)

Tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — petrol u diesel - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intuża petrol u diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti, għall-karozza li juża s-Segretarju Parlamentari fl-uffiċċju tal-istess Ministru minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015? Jista’ jgħid ukoll kemm intuża petrol u/jew diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti għat-tieni karozza u karozzi oħra li juża s-Segretarju Parlamentari fl-uffiċċju tal-istess Ministru, jew xi ħadd awtorizzat minnu, minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015?

Response (BRINCAT, LEO)

Tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

Għallis – engineered landfill – tqattigħ ta’ blat u tneħħija ta’ materjal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar tqattigħ ta’ blat u tneħħija ta’ materjal fl-engineered landfill tal-Għallis xahar b’xahar minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi skont informazzjoni mogħtija lilli mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — nefqa fuq reklamar u informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa fuq kampanji ta' reklamar u informazzjoni mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b'sena mill-2013 'l hawn, entità b'entità u dipartiment b'dipartiment?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni miġbura qed tiġi vverifikata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti u t-tweġiba tingħata fl-iqsar żmien possibli.

Wasteserv – fly ash

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ fly ash iġġenerat il-Wasteserv bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013, bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014 u bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Ottubru 2015 separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra.

Wasterserv – CA sites – skart riċiklat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ skart ġiet irriċiklat mis-Civic Amenity sites tal-Wasteserv minn kull waste stream, bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 u bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014 separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13516.