Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar – kera l-ġdida fuq postijiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsiderazzjonijiet jittieħdu mill-Awtorità tad-Djar biex tiġi stabbilità l-kera l-ġdida fuq postijiet li għandha mikrija lill-inkwilini tagħha u li l-kuntratt tagħhom ser jiskadi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar tieħu inkonsiderazzjoni li l-kundizzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt preċidenti għadhom qed jiġu osservati u dejjem iżżomm f’moħħha wkoll n-natura tal-każ; jiġifieri iċ-ċirkustanzi soċjali u l-vulnerabilita’ tal-inkwilin.

Awtorità tad-Djar – żieda massima tal-kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija ż-żieda massima ta' kera li l-Awtorità tad-Djar titħallas fuq kirjiet ta' postijiet li għandha mikrija lill-inkwilini tagħha meta tiġi biex tagħmel kuntratt ġdid mal-inkwilini?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26128.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – persuni reġistrati mal-KNPD

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni bi bżonnijiet speċjali reġistrati mal-KNPD u li huma residenti fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ persuni b’diżabilità reġistrati mal-KNPD residenti fil-lokalitajiet imsemmija minnu huwa kif ġej: Mellieħa – 339 Naxxar – 264 San Pawl il-Baħar – 673

Santa Venera – Thouret House – Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk bejn Jannar u Mejju 2016 seħħewx inċidenti f’Thouret House f’Santa Venera fejn anke ssejħu l-pulizija? Jista’ jindika kemm-il darba ssejjħu l-pulizija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Mejju 2016 seħħew 8 inċidenti fir-residenza f’Santa Venera, li fihom issejħu l-pulizija.

Santa Venera – Thouret House — sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex titħares is-sigurtà tal-persuni li jaħdmu f’Thouret House f’Santa Venera?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, s-sigurtà tal-impjegati tal-Fondazzjoni hija priorità u tittieħed b’serjetà kbira. Għaldaqstant, ġew installati cameras tas-sigurtà sabiex jirrekordjaw dak li jkun għaddej u l-ħaddiema għandhom wkoll aċċess jaraw min ikun hemm wara l-bieb ta’ barra. Il-ħaddiema ta’ din id-dar jirċievu wkoll taħriġ speċjalizzat sabiex ikunu jistgħu jipprovdu l-aħjar servizz għal dawn it-tfajliet filwaqt li tkun assigurata wkoll is-sigurtà tal-istess ħaddiema. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, matul il-lejl, ikun hemm dejjem il-preżenza ta’ security guard . Isiru diskussjonijiet kontinwi mal-Korp tal-Pulizija tad-Distrett kif ukoll mal-Iskwarda ta’ Kontra l-Vizzji ( Vice Squad ) sabiex niżguraw li l-ħaddiema jingħataw l-għajnuna immedjata jekk tinqala’ l-ħtieġa. Finalment, bħalma jsir f’kull servizz ieħor li toffri l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, isiru evalwazzjonijiet spissi tas-servizz offrut, u jiġi kkreat pjan ta’ azzjoni sabiex nagħmlu fiż-żgur li r-rakkomandazzjonijiet li jiġu mressqa f’kull evalwazzjoni, ikunu jistgħu jiġu implimentati.

Bord tal-Home help

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta reġa’ ġie kompost il-bord tal-home help? Jista’ jgħid kemm ġew deċiżi talbiet għall-home help minn Jannar 2016 sal-lum u jagħti informazzjoni skont kull lokalità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Bord għall-Allokazzjoni tas-Servizz tal-Home Help reġa’ ġie kompost fl-1 ta’ Frar 2016. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu dwar kemm ġew deċiżi talbiet għall- home help minn Jannar 2016 sad-data li fiha qed tinġabar din l-informazzjoni, skont il-lokalita’, hija kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar – applikazzjonijiet għall-bini ta’ appartamenti

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25557, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-siti kollha li fuqhom l-Awtorità tad-Djar kellha applikazzjonijiet pendenti, jew permessi validi, f'Marzu 2013? Kemm minn dawk is-siti nbnew, jew qed jinbnew bħalissa fuq l-istess permessi validi li kien hemm dak iż-żmien? Kemm, f'kull każ kien mistenni li jinbnew units, u x'tip ta’ units kienu ser jinbnew, (one, two jew three bedroomed)? F'kull każ min kien il-perit ta' dawn l-istess proġetti separatament? Liema minn dawn il-proġetti hu mistenni li jitkompla x-xogħol fuqhom matul iż-żmien li ġej? X'bidliet seħħew f'kull wieħed minn dawn il-proġetti, u f'kull każ min hu l-perit responsabbli minn dan ix-xogħol illum? X'wassal għall-bidliet kemm fil-pjanti, kif ukoll fil-periti responsabbli, fejn dan hu l-każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, informazzjoni dettaljata dwar is-siti kollha li fuqhom l-Awtorita’ tad-Djar kellha applikazzjonijiet pendenti u permessi validi, diġa’ ngħatat f’mistoqsijiet parlamentari 19417 u 19626. L-aħħar tenders tal-Awtorita’ tad-Djar għall-bini ta’ units ġodda kienu nħarġu fl-2010, għaldaqstant għadu ma sar l-ebda bini fuq is-siti msemmija. Informazzjoni oħra mitluba dwar kull sit individwali u l-perit li kiseb il-permess relattiv qed tingħata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar liema proġetti hu mistenni jitkompla x-xogħol fuqhom matul iż-żmien li ġej, kif diġa’ ngħad f’mistoqsija parlamentari numru 25557, il-proċess għadu qed jigi mistħarreġ waqt li l-periti li ser ikunu responsabbli għal dawn il-progetti ser ikunu periti privati.

Residenza San Vincenz de Paule — promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm ingħataw promozzjonijiet bejn Jannar 2014 u Mejju 2016 fost il-ħaddiema fir-Residenza San Vinċenz de Paule, min kienu dawn il-ħaddiema u f'liema dipartimenti/swali kienu jaħdmu qabel u fejn spiċċaw jaħdmu issa wara li ħadu dawn il-promozzjonijiet, x' kien il-grad tagħhom qabel u issa wara li ħadu l-promozzjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Residenza San Vinċenz de Paule – sala Rużar Briffa — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi tal-awtoritajiet konċernati b'rabta max-xogħlijiet li qed isiru fis-Sala Rużar Briffa 1?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjrifika għal liema permessi qiegħed jirreferi.

Residenza San Vinċenz de Paule – kuntrattur tat-tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa l-kuntrattur tat-tindif fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista' jgħid kif intgħażel dan il-kuntrattur u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender relattiv u l-kuntratt ta' servizz li ġie ffirmat ma' dan il-kuntrattur?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-kuntrattur huwa X-Clean Ltd. Dan intagħżel wara li saret proċedura negozzjabli ma’ numru ta’ kuntratturi, skont il-proċeduri stabbliti mid-Dipartiment tal-Kuntratti.

Residenza San Vinċenz de Paule – spezzjonijiet mill-Awdituri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ispezzjoni saret mill-Awdituri fir-Residenza San Vinċenz de Paule fis-snin 2013, 2014, 2015 u 2016 sal-lum, separatament minn xulxin? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti li saru minn dawn l-Awdituri f'dawn is-snin imsemmija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, saru 3 rapporti mill-Awdituri ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule, fis-snin imsemmija. Dawn jinkludu: · 2013 – Rapport tal-NAO fuq Public Accounts – Overtime, Allowances and Expenditure (pgs 222 to 240) · 2014 – Rapport tal-IAID - Procurement Procedures at SVPR · 2015 – Rapport tal-IAID - Systems and Compliance Audit at SVPR

Residenza San Vinċenz de Paule – kuntrattur li jieħu ħsieb il-ġonna

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa l-kuntrattur jew il-kuntratturi li jieħdu ħsieb il-ġonna fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista' jgħid kif intgħażel dan il-kuntrattur jew kuntratturi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tenders relattivi u l-kuntratti ta' servizz li ġew iffirmati ma' dan il-kuntrattur jew kuntratturi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi, iż-żamma u t-tindif tal-ġonna ġewwa r-Residenza San Vinċenz De Paule huwa parti mis-servizzi anċillari fil-kuntratt tat-tindif.

Residenza San Vinċenz de Paule – kuntrattur li jieħu ħsieb il-laundry

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa l-kuntrattur li jieħu ħsieb il-laundry fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista' jgħid kif intgħażel dan il-kuntrattur u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender relattiv u l-kuntratt ta' servizz li ġie ffirmat ma' dan il-kuntrattur?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, m’ hemm l-ebda kuntrattur jieħu ħsieb il-laundry tar-Residenza San Vincenz de Paule. Il-Laundry tar-Residenza titmexxa mill-istess ħaddiema tar-Residenza.

Residenza San Vinċenz de Paule – kuntratt tas-servizz tal-ikel

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jiskadi l-kuntratt tas-servizz tal-ikel fir-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt tas-servizz tal-ikel preżenti jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2016.

Residenza San Vinċenz de Paule – anzjani li għandhom pressure sores

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paule li għandhom pressure sores?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule bħalissa hemm 96 pazjent li għandhom pressure sores.

Il-Mellieħa – Ċentru ta’ Matul il-Jum – sistema ta’ Wifi

Question

Jista’ l-Ministru jara li s-sistema tal-Wi-Fi li hemm preżentament fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Mellieħa jiġi estiż ukoll għall-kumpless kollu ta’ Dar il-Madonna tal-Mellieħa b’mod partikolari fil-parti residenzjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, bħalissa s-sistema tal-Wi-Fi li hemm fiċ-Ċentru ta` Matul il-Jum ġewwa l-Mellieħa qegħda fil-proċess li tiġi estiża wkoll għall-kumpless kollu ta’ Dar il-Madonna tal-Mellieħa, b’mod partikolari fil-parti residenzjali, minn kumpanija privata.

Marsaskala – persuni reġistrati mal-KNPD

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni reġistrati mal-KNPD li huma residenti fil-lokalità ta’ Marsaskala?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ persuni reġistrati mal-KNPD residenti fil-lokalità ta’ Marsaskala huwa 355.

File mediku – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn għandha bżonn file mediku tar-raġel li huwa mejjet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25650.