Skejjel Pubbliċi — statistika/rapporti dwar learning disabilities
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aktar statistika/rapporti riċenti b’rabta mal-learning disabilities fl-iskejjel pubbliċi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-aħħar għaxar snin (2006-2015) in-numru tat-tfal li jattendu fi skejjel pubbliċi u li ġew statemented minħabba learning disabilities huwa kif gej:
2006200720082009201020112012201320142015
249282262290297345280360241181
Community Work Scheme Enterprise Foundation — impjegati
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' entitajiet kollha li magħhom ġew assenjati l-impjegati li qed jaħdmu mal-Community Work Scheme Enterprise Foundation?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-entitajiet kollha li magħhom ġew assenjati l-impjegati li qed jaħdmu mal-Community Work Scheme Enterprise Foundation.
Attachments:PQ 25228 - CWSEF - list of entities.xlsx
Billi minn żmien għal żmien qed jingħad li Sport Malta, jew il-korp li qabel kien jeżisti minflok Sport Malta, għadda minn sitwazzjoni fejn fl-2013 kellha dejn qawwi, u li issa, fl-2015, kellha surplus ta' 'l fuq minn €1.3 miljun, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex jikkonsisti dan is-surplus, u fejn hu mistenni li jiġi użat, matul din is-sena jew fis-snin ta' wara?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul l-2014 SportMalta attwa pjan strateġiku li kien sar fi tmiem l-2013. Dan il-pjan ta sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ kif in-nefqa ta’ SportMalta tiġi kkontrollata. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu jvarjaw minn ħlasijiet żejda ta' riżorsi umani għall-operat fejn kien hemm ħela li setgħet faċilment tiġi kkontrollata. Dan is-surplus ippermetta lil Sportmalta li fl-2016 iniedi sensiela sħiħa ta’ proġetti żgħar short term li ser jiġu konklużi sa tmiem din is-sena.
San Pawl il-Baħar — Skola Primarja – tħaffir ta’ parkeġġ
Question
Billi jirriżulta li l-applikazzjoni PA283/16 għal tħaffir ta' art li fuqha għandha tinbena l-Iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar, fil-fatt ħareġ, u jidher li mhux se jkun hemm tħaffir biżżejjed biex ikun hemm iktar minn sular ta' parkeġġ, parkeġġ li fejn hi proposta li tinbena l-iskola hu meħtieġ ħafna, jista' l-Ministru jikkunsidra li fil-fatt ikun hemm iktar minn livell wieħed ta' parkeġġ, u dan għall-użu ta' dawk kollha li jersqu lejn dawn l-inħawi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pjanti proposti diġà jinkludu żewġ sulari ta' parkeġġ. Dan kien jidher fis-sezzjoni tal-proġett li kienet tifforma parti mill-pjanti sottomessi mat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 23698 (proposed Sections & Detail A).
Jista' l-Ministru, issa li għaddiet terz mis-sena 2016, jagħti tagħrif dwar liema ser ikunu l-proġetti li għandhom rabta ma’ xi sport partikulari, li mistennija jibdew matul din is-sena, jew b'finanzjament dirett waħdu mill-Gvern jew inkella b'finanzjament fejn parti ser issir mill-Gvern, u parti ssir minn xi organizzazzjoni privata? Kemm hu mistenni li jintefaq, matul din is-sena, fuq dawn it-tip ta' proġetti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-proġetti b’rabta mal-isport li mistennija jibdew matul din is-sena, huma kif se nsemmi:
Id-Deck tal-pixxina
Il-Gate tal-East Block fil-Pixxina
Hand Rails kollha fil-Pixxina
Sistema CCTV fil-Pixxina
Power Factor fil-Pixxina
Upgrade tar-reception area u toilets fiz-zona tar-reception fil-Pixxina
Reservoir fil-Pixxina
Boiler fil-Padiljun tal-Università
Tinda tal-Judo f’Pembroke
Warm Up Track fil-Marsa
Ristrutturar tal-Padiljun tal-Baskitbol
Ristrutturar tal-Jogging track f’Santa Luċija
Bini mill-ġdid tal-outdoor basketball court fis-Siggiewi
Apparat tal-Ġinnastika għall-Kumplessi ta’ SportMalta
L-art ġdida fil-Kumpless tal-Kottonera
Sala tal-Konferenzi fil-Kumpless tal-Kottonera b’faċilitajiet anċillari għal klabbs u Assoċjazzjonijiet
u faċilitajiet oħra li jistgħu jibdew dejjem suġġetti għall-preżentazzjoni u approvazzjoni tal-pjanti.
Il-valur ta’ dan kollu jilħaq 2.2 miljun Ewro
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' parteċipanti fl-iskema Community Work fl-aħħar ta' Diċembru 2015 u kemm minn dawn il-parteċipanti ffirmaw kuntratt ta' impjieg mal-Community Work Scheme Enterprise Foundation sa issa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-31 ta’ Diċembru 2015 kien hemm 581 parteċipant fl-iskema Community Work. Minn dawn 559 persuna iffirmaw kuntratt ta’ impjieg mal-Community Work Scheme Enterprise Foundation.
Community Work Scheme Enterprise Foundation – taħriġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ qed jingħata lill-persuni kollha li qed jaħdmu mal-Community Work Scheme Enterprise Foundation?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li peress li dan l-eżerċizzju ta’ reklutaġġ ta’ ħaddiema mal-Fondazzjoni għadu fil-fażi inizjali tiegħu, din ħadet l-inkarigu li tiltaqa’ ma’ kull individwu, tassessja l-ħiliet tiegħu/tagħha, u tara x-xogħol li jwettaq/twettaq mal-entitajiet. Sadanittant, kienu qed jitfasslu proċeduri biex jiġi assigurat li kull ħaddiem ikun qed jopera b’mod aċċettabli. Saru wkoll laqgħat mal-entitajiet u issa qed isir moniteraġġ fuq il-post tax-xogħol biex ikun jista’ jitfassal Training Needs Analysis.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pjanijiet li tinbena skola primarja flok il-ground tal-Football tar-Rabat, Għawdex inbidlux? Jekk iva, għaliex inbidlu u meta nbidlu? Fejn hu maħsub li tinbena din l-iskola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex jekk inbidlu l-pjanijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pjan li tinbena skola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex ma nbidilx. Se jinbnew skola primarja, underground car park u sports field li tinkludi 9-a-side football ground. Il-grawnd tal-futbol tar-Rabat se jkun parti integrali mill-proġett.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-aħħar żviluppi li seħħew għal dak li jikkonċerna x-shooting range ta' livell internazzjonali? Meta saret l-applikazzjoni għall-bini ta' din ix-shooting range, fejn tinsab u meta hu mistenni li tkun lesta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat tal-Isport għadu f’kuntatt kontinwu mal-Malta Shooting Federation u għaqdiet oħra dwar fejn u meta se tinbena shooting range tal-ogħla livell.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pendenzi fil-ħlasijiet ta’ maintenance grants fl-MCAST u jekk iva, għal liema korsijiet u meta se jitħallsu l-istudenti ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-preżent ma jeżistu l-ebda ħlasijiet pendenti tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-istudenti tal-MCAST u fil-fatt l-istudenti qegħdin jitħallsu b’mod regolari. L-uffiċċju tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol huwa kommess, fejn teknikament possibbli, li jipproċessa kull applikazzjoni għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti fl-iqsar żmien possibbli. Sfortunatament għad hemm studenti li ma applikawx u/jew ma kkonfermawx id-dettalji tagħhom fuq l-applikazzjoni u għaldaqstant id-dettalji tagħhom għadhom ma ġewx proċessati għall-ħlas. Il-ħaddiema fl-uffiċċju tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti flimkien mal-uffiċċju fl-MCAST huma dejjem lesti li jgħinu lill-istudenti fid-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom f’dan ir-rigward.
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema bażi u b'liema proċedura ġġedded il-kuntratt ta’ position of trust, b’€6,709 żieda fil-paga, lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, wara li r-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) indika li taħt it-tmexxija tiegħu l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) kien hemm nuqqas ta’ verifika indipendenti fil-payroll tal-ħaddiema, nuqqas ta’ attendanza għax-xogħol u nuqqasijiet oħra marbuta mal-overtime tal-ħaddiema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt tal-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament ġie mġedded fid-29 ta’ Frar 2016 bl-istess termini u kundizzjonijiet tal-kuntratt ta' qabel.
Il-kuntratt tiegħu ġie mġedded skont il-proċeduri stabbiliti fejn jidħol tiġdid ta’ kuntratti.
Taħt it-tmexxija ta’ din il-persuna, l-MCST kisbet riżultati pożittivi, tejjbet l-operat tal-entità u ttieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet imsemmija fir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO).
Riċerka u innovazzjoni – lista ta’ benefiċjarji mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jippubblika lista ta’ benefiċjarji li bbenefikaw mill-fondi mill-Unjoni Ewropea fuq riċerka u innovazzjoni, kemm sar infiq u kemm–il pajjiż ipparteċipa f’involviment ta’ proġetti fejn Malta kienet qed tipparteċipa bħala lead country?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li sa Frar 2016, ħamsa u għoxrin entità differenti Maltija iffirmaw sitta u tletin Grant Agreement taħt il-Programm Horizon 2020. Sitt proġetti huma mmexxija minn entità Maltija (lead partner). Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’dawn il-Grant Agreements jammontaw għal nefqa ta’ €5.4 miljun li minnhom il-kontribuzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropeja hi €5.2 miljun (mill-Horizon 2020).
L-Università ta’ Malta hi l-entità bl-ikbar ammont ta’ proġetti (13-il Grant Agreement iffirmat).
Il-lista ta’ entitatjiet hija:
Università ta’ Malta
Aquabiotech Ltd.
Divers Alert Network Europe Foundation
Acrosslimits Ltd.
Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST)
Aġenzija Maltija għall-Informatika u t-Teknoloġija (MITA)
Projects in Motion Ltd.
Ministeru għat-Turiżmu
Paragon Ltd.
Aġenzija Eżekuttiva għall-Enerġija Intelliġenti (MIEMA)
Malta Air Traffic Services Ltd.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
Marsec-XL International
Awtorità għat-Trasport (Transport Malta)
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima (MSDEC)
Ministeru tal-Finanzi
Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)
Karl Borg Events Ltd.
Malta Enterprise
Sustainable Energy and Water Conservation Unit
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura
Kamra Maltija tax-Xjentisti
Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u l-Industrija
Studio Seven Co. Ltd.
Malta Business Foundation Malta (MBB)
Jista’ l-Ministru jgħid min hu s-service provider tal-internet ġewwa l-MCAST minn Marzu 2013 sal-lum, jekk skadiex il-kuntratt, kemm qed jiswa dan is-servizz, għalfejn qed jiġi limitat id-download limit għall-istudenti tal-MCAST partikularment dawk tal-Istitut għall-Arti Kreattiva u jekk jaqbilx mad-deċizjoni komunikata mid-Direttur tal-Istitut lill-istudenti li jekk jinqabeż 1GB download fil-ġurnata, l-aċċess jiġi blokkat awtomatikament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li s-service provider tal-Internet ġewwa l-MCAST huwa Go plc li ilu provider minn qabel Marzu 2013. Il-kuntratt li kien hemm qabel Marzu 2013, ġie mġedded b’kundizzjonijiet aħjar għal tliet snin oħra f'Novembru 2014. L-MCAST qegħda tħallas is-somma ta’ €7677.08 fix-xahar għas-servizz ta’ bandwidth għal Internet. Dan il-prezz jinkludi s-servizz li jingħata kemm fil-kampus tal-MCAST f'Paola kif ukoll tal-Mosta. Id-download limit kemm għall-istudenti kif ukoll għall-istaff tal-MCAST qatt ma ġie limitat u ma hemmx il-ħsieb li dan isir. Lanqas mhuwa l-każ li jekk jinqabeż il-1 GB download fil-ġurnata l-aċċess jiġi blokkat awtomatikament u m’hemm l-ebda deċiżjoni f’dan is-sens.
Jista’ l-Ministru, fil-kuntest ta’ tweġibiet preċedenti fuq nuqqas ta’ attrezzar ta’ skejjel dwar saħħa u sigurtà u b’mod partikulari fuq emerġenzi ta’ nirien, jgħid kif u kemm isiru spezzjonijiet? Kemm minn dawn l-iskejjel jiġu nnotifikati fuq l-ommissjonijiet li ħarġu? X’kienu d-diffikultajiet? X’follow-up sar mid-dipartiment konċernat b’mod uffiċjali sabiex jiġu rranġati l-affarijiet? Jista’ jgħid ukoll meta huwa maħsub li ser tiġi ppubblikata din ir-riforma li ppropona?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li d-Direttorat Għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DKSE) hija l-awtorità responsabbli biex tassigura l-ħarsien tal-Att dwar Edukazzjoni u l-Kondizzjonijiet Minimi Nazzjonali għall-Iskejjel Kollha (SL327.12). L-għan prinċipali hu biex jippromwovi titjib kontinwu fil-kwalità tas-servizz edukattiv ipprovdut mill-iskejjel.
Minn żmien għal żmien isiru External Reviews u Compliance Checks li jħarsu lejn l-istandards u ż-żamma tal-liġi tal-Edukazzjoni li tinkludi l-klawżola 1.4 (SL327.12) “il-post m’għandux ikollu perikli għall-persuna u għas-saħħa.”
L-iskejjel jingħataw rapport fejn fih jiġu identifikati oqsma li qed jirnexxu u oħrajn li għandhom bżonn żvilupp jew titjib kif ukoll rakkomandazzjonijiet ta’ x’jista’ jsir biex iseħħ it-titjib b’mod effettiv. Sa sena fuq ir-rapport, l-iskejjel jerġgħu jiġu evalwati fuq il-progress li sar dwar ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport.
Fis-sena 2014/2015 saru 41 External Review u follow-ups relatati magħhom, filwaqt li matul din is-sena skolastika (2015/2016) huma pproġettati li jkunu saru 57 External Review u follow-ups.
Bl-istess mod, fis-sena 2014/2015 saru 15-il Compliance Check filwaqt li matul din is-sena skolastika huwa pproġettat li jkunu saru 41 Compliance Check u follow-up.
Madankollu, fl-operat tagħha ta’ kuljum kull skola, hekk kif stipulat anke mill-Att dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol f’Kapitlu 424 tal-liġijiet ta’ Malta, hija responsabbli li taderixxi mal-leġislatura relevanti.
Sal-lum il-ġurnata, moniteraġġ ulterjuri tal-Iskejjel tal-Istat dwar is-saħħa u sigurtà jaqa’ fi ħdan id-Dipartiment tar-Riżorsi Edukattivi (Direttorat għas-Servizzi Edukattivi). Imma dan qed jiġi estiż fuq livell nazzjonali sabiex ikompli jissaħħaħ l-aspett tas-Saħħa u s-Sigurtà fost l-operaturi kollha (Stat, Knisja, Indipendenti u Internazzjonali), b’mod kontinwu u konsistenti. Fil-fatt bħalissa diġà beda l-proċess fejn qed jiġi evalwat dan il-moniteraġġ, sabiex jiġu identifikati l-proċessi li qed jirnexxu u oħrajn li għandhom bżonn jitjiebu bl-għan li jiġi implimentat l-aħjar mudell fuq livell nazzjonali għall-benefiċċju ta’ kull min jagħmel parti mill-komunità tal-iskola. Dan l-eżerċizzju għandu jiġi ffinalizzat sal-aħħar ta’ Lulju biex jippermetti li proċessi msaħħa jidħlu fis-seħħ matul is-sena skolastika 2016/17.
Jista’ l-Ministru jgħid ir-raġuni għalfejn l-MCAST fin-Naxxar għalqet il-canteen? X’alternattiva se tinħoloq għar-rikreazzjoni tal-istudenti? Kemm saru diskussjonjiet mal-għaqdiet tal-istudenti f’dan ir-rigward? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar kuntratt li sar mal-operatur?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mhuwiex minnu li l-canteen tal-MCAST fin-Naxxar ingħalaq. Infurmat li fil-fatt qed jopera b’mod normali.
Kopja tal-kuntratt li sar mal-operatur tal-canteens tal-MCAST se tingħata lill-Onor. Interpellant b'mod kunfidenzjali.
Korsijiet fl-IT, Xjenza u l-Matematika — inizjattivi
Question
Jista’ l-Ministru jelenka lista ta’ inizjattivi li ttieħdu mill-Gvern u li jmorru oltrè minn kampanji ta’ promozzjoni, sabiex iħajjru lin-nisa minn età żgħira sabiex jieħdu korsijiet fl-IT, ix-Xjenza u l-Matematika? X’inhuma l-istudji xjentifiċi li saru li wasslu għal dawn l-inizjattivi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li #CanDoScience hija inizjattiva li ttieħdet bejn il-Malta Girl Guides u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. L-għan kien illi jitħajjru aktar bniet minn età żgħira biex jagħżlu s-suġġetti tax-Xjenza, it-Teknoloġija, il-Matematika u l-Inġinerija. Ibbażata fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropeja msejħa Science: It’s a Girl Thing – Nisa fir-Riċerka u l-Innovazzjoni, din l-attività, li kienet mifruxa fuq tlett ijiem, attendew għaliha madwar 100 tifla ta’ età bejn it-13 u t-18-il sena minn diversi gruppi ta’ Girl Guides f’Malta.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li f’pajjizna, in-numru ta’ studenti subien u bniet li jirreġistraw għas-SEC fis-suġġetti tax-Xjenza u l-Istudju tal-Kompjuter juri xejriet differenti. Fil-Bijoloġija u fil-Kimika jirreġistraw iktar bniet milli subien filwaqt li fil-Fiżika u l-Istudji tal-Kompjuter jirreġistraw iktar subien milli bniet. B’dawn in-numri f’idejna, l-attivitajiet u l-inizjattivi li jittieħdu jimmiraw li jolqtu kemm lis-subien kif ukoll lill-bniet.
Iċ-Ċentru tax-Xjenza fi ħdan id-Dipartiment tal-Immaniġġjar tal-Kurrikulu ttieħdu diversi inizjattivi biex jippromwovi s-suġġetti marbutin max-Xjenza, t-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (STEM) fis-setturi edukattivi, kemm dawk primarji kif ukoll dawk sekondarji. Dawn l-inizjattivi kienu mmirati kemm lejn studenti subien kif ukoll studenti bniet. Dawn jinkludu: X’HemM?, High5-Junior Mathematics Challenge, Oly Maths, Juniour Science Club fis-settur primarju (b’kollaborazzjoni ma’ żewġ Kunsilli Lokali), Science Safari, Teen Science Cafe, Malta Junior Science Olympiad, Maths Olympiad, Maths Venture, Maths Robotics Olympiad, D&T Expo, u Technology Workshops fil-livell sekondarju.
X’HemM? – numru ta’ attivitajiet tax-Xjenza u l-Matematika, li fihom l-istudenti jieħdu sehem f’investigazzjonijiet prattiċi, barra mill-klassi, f’lokalitajiet differenti bħal X’HemM? Il-Forti Sant’Iermu u X’HemM? Il-Mellieħa.
High 5 – attività maħsuba biex toffri opportunità lil dawk l-istudenti meqjusin bħala gifted and talented biex ikomplu jiżviluppaw it-talenti tagħhom permezz ta’ problemi matematiċi aktar avvanzati u stimulanti.
Oly Maths – opportunità biex l-istudenti jinvolvu rwieħhom f’attivitajiet hands-on, kemm fi¿iċi kif ukoll matematiċi, li jippromwovu pedagoġija interkurrikulari marbuta mal-Logħob Olimpiku ta’ din is-sena f’Rio de Janeiro.
Junior Science Club – din hija inizjattiva li toffri lill-istudenti l-opportunità biex jiżviluppaw fil-prattika ħiliet relatati ma’ proċessi xjentifiċi, ħsieb kritiku, komunikazzjoni, analiżi u evalwazzjoni. Preżentement dan il-proġett qed jitħaddem bħala proġett pilota ma’ żewġ Kunsilli Lokali; Ħal Safi u Pembroke.
Critical Minds - joffri pedagoġija ta’ natura ħolistika li tintegra l-litteriżmu lingwistiku, numeriku u xjentifiku.
Science Safari – attività immirata lejn studenti tat-tieni sena tas-sekondarja u li tinvolvi treasure hunt mibnija madwar clues li jiffukaw fuq tagħrif xjentifiku u l-applikazzjoni fil-prattika ta’ ħiliet xjentifiċi.
Teen Science Café – l-iskop ta’ din l-inizjattiva huwa li toffri lil studenti żgħażagħ l-opportunità li jiltaqgħu ma’ professjonisti u esperti f’karrieri relatati ma’ suġġetti mill-oqsma STEM.
Malta Junior Science Olympiad – esperjenza maħsuba għal studenti tal-ħames sena tas-sekondarja li huma gifted and talented li jaħdmu fuq tlett investigazzjonijiet mill-oqsma tal-Bijoloġija, il-Kimika u l-Fiżika, b’kontenut marbut ma’ tema partikolari, bħal pereżempju l-immaniġġjar tal-iskart.
Malta Robotics Olympiad – attività li tlaqqa’ flimkien studenti żgħażagħ bil-ħsieb li jiżviluppaw il-ħiliet ta’ problem solving u disinn kreattiv tagħhom, permezz ta’ sfidi u kompetizzjonijiet edukattivi marbutin mal-qasam tar-robotika.
Design & Technology Expo – esibizzjoni ta’ proġetti fid-disinn u t-teknoloġija ta’ studenti mill-oqsma primarji u sekondarji flimkien ma’ attivitajiet prattiċi f’dan il-qasam ta’ għerf u ħiliet.
Maths Olympiad – inizjattiva maħsuba għal studenti meqjusin bħala gifted and talented mir-raba’ sena tal-livell sekondarju biex tippromwovi ħiliet matematiċi ta’ problem solving f’atmosfera ta’ kompetizzjoni sana. Dan il-proċess jippromwovi wkoll attitudni aktar pożittiva lejn il-matematika u jgħin fl-iżvilupp ta’ ħiliet biex wieħed jaħdem aħjar bħala parti minn grupp.
Technology Workshops - esperjenzi maħsubin għal studenti sekondarji tat-tieni sena biex ikollhom togħma ta’ teknologija u proċessi ta’ robotika. Hawn l-istudenti jkollhom l-opportunità jibnu u jipprogrammaw robots bħala introduzzjoni għall-qasam tar-robotika.
Maths Venture – sensiela ta’ attivitajiet barra mill-klassi immirati lejn studenti tat-tielet sena tas-sekondarja li jintegraw flimkien l-istudju tal-istorja u tal-matematika b’mod interkurrikulari.
Hour of Code – attività li tintroduċi studenti ta’ kull età għal coding b’mod faċli u interessanti. Dan il-proċess huwa wieħed eċċellenti biex irawwem u jiżviluppa l-ħsieb kreattiv u l-ħiliet ta’ problem-solving permezz ta’ attivitajiet interattivi fil-kisba tal-għerf.
Minbarra dawn l-inizjattivi ċ-Ċentru tax-Xjenza, fi ħdan id-Dipartiment tal-Immaniġjar tal-Kurrikulu, jaħdem f’kollaborazzjoni sħiħa ma’ entitajiet oħrajn biex ikompli jrawwem il-litteriżmu xjentifiku fid-diversi setturi edukattivi. Eżempju tipiku ta’ dan huwa l-introduzzjoni tal-logħba diġitali Staterra. Aktar informazzjoni dwar din il-lista ta’ inizjattivi tista’ tinkiseb mill-portal taċ-Ċentru tax-Xjenza www.sciencecentremalta.net
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji riċerkati xjentifiċi li saru għal kull strateġija mħabbra mill-Gvern fil-kamp tal-edukazzjoni minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellat li l-filosofija, strateġiji u proċeduri f’kull policy mħabbra mill-Gvern fil-qasam tal-edukazzjoni minn Marzu 2013 sal-lum issawwru minn fuq ricerka nazzjonali u/jew internazzjonali.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ikompli jimpenja ruħu sabiex jagħti l-importanza meħtieġa lill-iżvilupp tal-ħsieb, kapaċitajiet u abiltajiet hekk kif stipulat u stabbilit fil-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali (2012). Filwaqt li dan il-qafas jindirizza l-aspett akkademiku, jiġifieri l-kontenut akkademiku, il-qafas il-ġdid favur rispett lejn kulħadd jindirizza żewġ pilastri edukattivi importanti oħra: dak li l-istudenti jitgħalmu jidentifikaw, jesponu u jsaħħu l-ħiliet kreattivi tagħhom u dak li l-istudenti kollha mingħajr distinzjoni jitgħalmu jgħixu flimkien mingħajr problemi. Il-Ministeru jemmen li dawn l-aspetti kollha jgħinu sabiex l-istudenti jitgħallmu b’mod ħolistiku jkabbru l-potenzjal personali tagħhom kif ukoll li joffru kontribut siewi lis-soċjetà permezz ta’ ħiliet u għerf aktar irfinat u ffukat. Il-qafas il-ġdid favur rispett lejn kulħadd jinkludi fih ħames policies li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn huma: ‘Addressing Bullying Behaviour in Schools Policy’; ‘Managing Behaviour in Schools Policy’; ‘Addressing Attendance in Schools Policy’; ‘Healthy Eating and Physical Activity Policy’ u ‘Trans, Gender Variant and Intersex Students in Schools Policy’. Kull waħda minn dawn il-policies fiha magħha wkoll sett ta’ strateġiji u proċeduri li għandhom jgħinu lill-iskejjel sabiex l-implimentazzjoni tagħhom tkun suċċess. Dawn l-istrateġiji u proċeduri wkoll qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Inqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji marbuta mal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Dawn huma kif se nsemmi: Politika Lingwistika għas-Snin Bikrin f’Malta u Għawdex – Dokument ta’ konsultazzjoni/A Language Policy for the Early Years in Malta and Gozo – A consultation document; L-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex 2014-2019/A National Literacy Strategy for All in Malta and Gozo 2014-2019; Language Education Policy Profile – Malta – March 2015; u Country Report – Malta – Ministry for Education and Employment 2014 – Language in Education Policy Profile.
Infurmat ukoll mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u Studenti li Jħallu l-Iskola Kmieni fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li fl-istess perjodu saru dawn it-tliet rapporti li wkoll qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Adult Learning in Malta: Knowledge Gaps and Methodological Challenges. Malta: Directorate for Lifelong Learning and Early School Leavers/Faculty of Education
Tracking the Effectiveness of Basic Skills Courses Offered by the Directorate for Lifelong Learning and Early School Leavers. Malta: Directorate for Lifelong Learning and Early School Leavers
A report on the implementation of the Strategic Plan for the Prevention of Early School Leaving in Malta 2014. Malta: Directorate for Lifelong Learning and Early School Leavers.
Barra minn hekk, id-Direttorat tal-Affarijiet tal-UE u Relazzjonijiet Internazzjonali, Riċerka u Żvilupp Politiku għamel żewġ studji li huma:
1. Fis-sena skolastika 2014/15 sar studju dwar il-perċezzjoni tal-għalliema rigward proċeduri burokratiċi permezz ta’ kwestjonarju onlajn.
2. F’din s-sena skolastika ingħata bidu għal studju dwar l-obeżità fit-tfal bejn ħames snin u sittax-il sena. Rapport dwar dan l-istudju huwa mistenni joħroġ mill-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa aktar tard din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija ż-żieda fil-paga li suppost jirċievi kull ħaddiem f’Malta kull xahar li jirrifletti t-tkabbir fl-ekonomija matul l-2015 ta’ 6.3% u ż-żieda fl-investiment ta’ 21.4% ? Kemm huwa kkwantifikat li bbenefikaw il-ħaddiema f’termini reali diretti mit-tkabbir msemmi fl-ekonomija?
Jista’ l-Ministru jippubblika l-lista ta’ dawk li jipprovdu l-ikel u l-ħalib li jitqassam fl-iskejjel? Jista’ jgħid kif qed jingħataw il-kuntratti, abbażi ta’ liema kriterji u għal liema tul ta’ żmien?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li m’hemmx kuntratti dwar ix-xiri ta’ ħalib. Kull Kap ta’ Skola jixtri l-ħalib jew mingħand tal-grocer jew direttament mingħand il-kumpanija Benna.
Infurmat ukoll li d-Dipartiment Servizz għall-Istudent jixtri s-servizzi ta’ forniment ta’ ikel għall-istudenti li jattendu fiċ-Ċentri tar-Riżorsa u l-iSpecial Unit tas-Sannat (Għawdex). Dan isir fuq bażi ta’ kuntratt għal sena, wara li tkun ħarġet sejħa pubblika għall-offerti. Bħalissa dan is-servizz qed jingħata minn James Caterers u l-ikel f’dawn iċ-Ċentri jitqassam kuljum.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-ikel u l-ħalib li jiġi pprovdut waqt is-Servizz tal-Breakfast Club ma jingħatax fuq bażi ta’ kuntratt. Ħafna mill-prodotti jinxtraw minn ħwienet viċin l-iskola biex jiġi assigurat li dejjem jingħata prodott frisk kuljum.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – lista ta’ xogħlijiet/konsulenzi/rapporti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.