Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #27357 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Tadam

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-bdiewa li manifattur partikulari qed iġiegħel lil-bdiewa jħallsu Lm 1.75c għal kull kaxxa vojta li jużaw biex jimlew it-tadam fiha? Min fil-fatt kien dan il-manifattur? X'arraġamenti u approvazzjoni kellu mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura? Liema għaqdiet tal-bdiewa ġew ikkonsultati dwar dan il-każ?

Response (ZAMMIT, NINU)

Hija ħaġa naturali li kull min jagħmel użu ta' xi oġġett iħalli depożitu fuq dan l-oġġett sakemm itemm l-użu tiegħu. Sa llum ebda bidwi ma ġie jidentifika xi għassar partikolari li qed jitlob Lm1.75 għall-użu ta' kull kaxxa. Jekk saru xi konsultazjonijiet bejn xi għassara u xi għaqdiet tal-bdiewa d-Dipartiment ma jkunx jaf bihom.
Leg 9 PQ #27326 Sitting 580 2001-07-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Sajjieda Barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba d-dipartiment tas-sajd irċieva rapporti mingħand is-sajjieda u/jew il-koperattivi tagħhom matul l-1999, 2000 u 2001 li f'pajjiżna kien hawn ajruplani privati matul ix-xhur ta' April, Mejju, Ġunju, Lulju u Awissu lesti sabiex jintużaw bħala għajnuna għat-tiftiex tat-tonn lis-sajjieda barranin, fosthom Taljani? X'passi ħa u x'kienu r-riżultati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull sena jkun hemm xi rapport mingħand individwi jew il-koperattivi. Kull sena dawn jibdew fix-xahar ta' Mejju. F' Mejju l-ajruplani jistgħu jtiru iżda kull sena d-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili jagħmililhom iebsa ħafna biex dawn joperaw minn Malta. Fl-ewwel ġranet ta' Ġunju ta' din is-sena baqa' jtir ajruplan wieħed biss fl-ewwel ġranet u dan kien Spanjol. Dan kien qed jitħalla jtir għaliex kien jagħmel `flight plan' li ma kienx ikollu x'jaqsam mat-tonn. Meta dan inkixef wara l-inċident li ġie irraportat fil-gazzetti dan ma tħalliex itir aktar u telaq. Jiena nfurmat illi l-ajruplani li kienu konnessi mal-flotta Taljana telqu fl-aħħar ta' Mejju iżda dan ikun jista' jikkonferma d-Dipartiment ta' Avjazzjoni Ċivili. F'Lulju u f'Awissu qatt ma jtiru ajruplani minn Malta għal skop ta' sajd għaliex f'dawn il-perjodi s-sajd bil-purseseiners fil-Meditteran ikun magħluq.
Leg 9 PQ #27192 Sitting 578 2001-07-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Policy

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'kienet il-policy tal-Gvern għall-ġibjuni eżistenti tal-ilma tax-xita fil-gżejjer tagħna f'Malta u Għawdex matul 1999, 2000 u 2001? X'progress sar u f'liema ġibjuni ta' Malta u Għawdex saret manutenzjoni sabiex ikun riservat aħjar l-ilma tax-xita fil-gzejjer tagħna?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-policy tal-Gvern għall-ġibjuni eżistenti tal-ilma tax-xita fil-gżejjer tagħna matul l-1999, 2000 u 2001, ma nbidlitx mis-snin ta' qabel. Il-manutenzjoni mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura hija ristretta għat-tindif tad-dħul tal-ġibjuni (spralli). Bħal fi snin ta' qabel dan isir regolarment fix-xhur tas-sajf.
Leg 9 PQ #27187 Sitting 577 2001-07-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Pitkali

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex it-tadam li jitniżżel għand il-Pitkala fil-kaxxi żgħar li jesgħu 16 il-kilo qed jitniżżel bħala kwantita ta' 10 kilo sabiex ikun konformi mal-prezz stabbilit mid-Dipartiment tal-Agrikoltura ta' 6c 8m il-kilo għall-bidwi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Biegħa sal-lum tidħol fil-Pitkalija mhux miżuna. Tintiżen biss meta tinbiegħ. Il-Bidwi jkun jaf kemm fija piż il-kaxxa, u l-Pitkal wara li jbiegħha. Il-Bidwi jingħata voucher bil-piżijiet kollha li jkun ġab. Inżid li sal-lum ebda bidwi ma ġie jgħidilna li tħallas ta' piż inqas milli fil-fatt ġab il-Pitkalija.
Leg 9 PQ #27188 Sitting 577 2001-07-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Pixxispad

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kienet il-qabda fi kwantita (kilos) tal-pixxispad għas-snin 1998, 99-00 u 2001? Jista' wkoll jgħid kemm kien il-prezz medju kull sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nixtieq nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12694 u 2497 u nżid li fis-sena 2000 u 2001 il-qabda ta' pixxispad kienet 140,155 kilo u 31,788 kilo (sal-aħħar ta' Ġunju). Il-valur kien ta' Lm319,358 u Lm84,638 (sal-aħħar ta' Ġunju) u l-prezz medju kien Lm2.03 fl-1999, Lm2.28 fl-2000 u Lm2.66 fl-2001.
Leg 9 PQ #27189 Sitting 577 2001-07-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Tonn għas-Sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien il-prezz medju tat-tonn għas-sajjieda għas-snin 1996,1997, 1998, 1999, 2000 u 2001? Jista' l-Ministru jgħid wkoll kemm kienet il-kwantita f'kilos tal-qabda tat-tonn għas-snin 1996, 1997 u 1998?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8131 u nżid li l-prezz medju tat-tonn fl-1999 kien Lm1.39, fis-sena 2000 kien Lm1.86 u fis-sena 2001 kien Lm2.59 sal-aħħar ta' Ġunju. Il-qabda tat-tonn kienet kif isegwi: Sena Kilo 1996 239,867 1997 236,272 1998 246,314 1999 268,990 2000 324,163
Leg 9 PQ #27190 Sitting 577 2001-07-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Housing Department

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'ġara mill-kordinament li kien beda jsir bejn id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u tat-taqsima tal-ġonna tal-housing department sabiex flimkien mal-Kunsill Lokali tar-Rabat jiżviluppa ġnien u l-upgrading meħtieġ fil-qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjed ir-Rabat, Malta? Xi progress sar matul l-1999, 2000 u din is-sena? Kemm saru laqgħat bejn il-partijiet konċernati? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-pjanti preliminari u dawk finali tal-proġett?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jiena nfurmat li ma kienx possibli sa issa li jsir ix-xogħol msemmi minn naħa ta' l-Agrikoltura u cioe' xogħol ta' embellishment peress li l-ġnien għadu mhux mibni. Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, u cioe' lill-Ministru responsabbli mill-Housing.
Leg 9 PQ #27191 Sitting 577 2001-07-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26805, jekk il-kooperattivi tas-sajjieda ġew ikkonsultati? Jekk iva, x'kienu l-pożizzjonijiet tagħhom? Jekk le, għaliex, meta dan jista' jaffettwa l-kompetitivita tagħhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt tal-lanċa msemmija hija kwistjoni privata u ma sarx bl-intervent tad-Dipartiment. Għaldaqstant il-Koperattivi ma ġewx ikkonsultati u sakemm din il-lanċa, li hija membru ta' Koperattiva tas-Sajd, tistad, tista' tressaq il-ħut li taqbad il-pixkerija ghall-bejgħ. F'dan l-istaġun ftit huma d-dgħajjes li joħorgu għall-pistin u d-dottijiet jew ċeren u dnieċi bħal ma ppresentat din il-lanċa li jkunu mistennija bil-ħerqa.
Leg 9 PQ #27091 Sitting 576 2001-07-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Corned Beef

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26769?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant huwa żbaljat. Il-pożizzjoni ta' Malta u tiegħi dalwaqt tkun mressqa quddiem il-MEUSAC.
Leg 9 PQ #27092 Sitting 576 2001-07-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

WTO

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26767?

Response (ZAMMIT, NINU)

Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf li hemm pressjoni sabiex jingħata mandat għal reviżjoni tal-Ftehim ta' l-Agrikoltura tal-Uruguay Round sabiex ikun hemm liberalizazzjoni sħieħa fil-qasam agrikolu. Naċċerta lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Malti jagħmel dak kollu possibli li jkun ta' ġid għall-Agrikoltura Maltija.
Leg 9 PQ #26825 Sitting 575 2001-07-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bookings u eventwalment inħarġu biljetti għas-safar għal ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-22 ta' Ġunju 1999 sal-lum? Jista' l-Ministru jgħid separatament: (1) għand liema aġenziji saru dawn il-bookings u mingħand liema aġenziji nxtraw il-biljetti ta' l-ajru; (2) kull aġenzija kemm tħallset għal dawn il-biljetti; (3) għal liema destinazzjonijiet inħarġu dawn il-biljetti? (PQ waslet 6/6/2001)

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien m'iniex sodisfatt li l-utilita' ta' l-informazzjoni dettaljata mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 26825 tiġġustifika li nordna li din għandha tinġabar. Għalhekk sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li l-informazzjoni tinġabar.
Leg 9 PQ #27015 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biċċerija — Power Washer

Question

Jista' l-Ministru jara li tissewwa u jew tinxtara power washer ġdida sabiex il-produtturi tal-majjal ikollhom biex jaħslu t-trakkijiet tagħhom meta jieħdu l-majjal għall-qatla fil-biċċerija? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-power washer diġa ssewwiet u tpoġġiet f'posta. Fin-nuqqas tal-pressure washer xorta jsir it-tindif tat-trakkijiet.
Leg 9 PQ #27110 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Għajnuna Finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26863?

Response (ZAMMIT, NINU)

Matul is-sena 2000, ingħatat b'kollox is-somma ta' Lm90,945 bħala għajnuna finanzjarja lill-bdiewa u sajjieda Maltin. Din l-għajnuna kienet kemm bħala għotjiet kif ukoll bħala sussidju fuq interessi fuq self mill-Banek lokali. L-għajnuna mogħtija bħala għotjiet tkopri xiri ta' 'tractors', apparat tat-tisqija, bini ta' ġwiebi, xiri ta' bastimenti tas-sajd kif ukoll fuq xiri ta' apparat tas-sajd. Ingħata wkoll sussidju fuq r-razza tal-Baqra Maltija kif ukoll bħala assistenza lill-bdiewa fuq il-kontroll bioloġiku tal-mard għall-istaġun 1999-2000. Minn dawn l-għotjiet ibbenefikaw madwar 35 bidwi/sajjied lokali. Mill-iskema 'Self għall-Agrikoltura' ibbenefikaw b'kollox madwar 266 individwu. Dawn ingħataw sussidju fuq l-interessi tal-Bank meta sselfu fuq diversi proġetti Agrikoli/tas-sajd. Għal dan il-għan, hemm maħtur Bord, taħt it-termini tal-Att tal-Industrija tal-Agrikoltura u Sajd (Assistenza Finanzjarja) (Cap. 146), sabiex tikkonsidra t-talbiet għall-għajnuna finanzjarja u tgħaddi r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Ministru ta' l-Agrikoltura u Sajd għall-approvazzjoni finali tiegħu. Dan il-Bord hu magħmul mid-Direttur Ġenerali ta' l-Agrikoltura bħala 'Chairman' kif ukoll minn rappreżentant tal-Ministeru tal-Agrikoltura u Sajd, tal-Ministeru għal-Għawdex, tal-Ministeru tal-Finanzi, tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika kif ukoll tal-Bord tal-Koperattivi.
Leg 9 PQ #27118 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Għeneb/Patata

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ettaru t'art f'pajjiżna hija ntiża għal tkabbir ta' l-għeneb u l-patata, separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Hu kkalkulat li f'Malta u Għawdex hawn madwar 300 ettaru għat-tkabbir tad-dwieli għall-produzzjoni ta' l-għeneb u madwar 1,700 ettaru għat-tkabbir tal-patata.
Leg 9 PQ #27004 Sitting 572 2001-07-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

The Great Spring Show

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ma sarx The Great Spring Show mill-Malta Horticultural Society din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien nfurmat li l-Kumitat tal-Malta Horticultural Society iddeċieda li x-show din is-sena ma jsirx minħabba bosta raġunijiet fosthom li fin-Naxxar kien hemm il-"Green Week".
Leg 9 PQ #27000 Sitting 571 2001-07-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Tal-Ħemsija — Sbruffar tad-Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jaġġornana dwar mistoqsija parlamentari nru. 26303 u cioe' s-sitwazzjoni ta' l-isbroffar tad-drenaġġ fl-inħawi tal-Hemsija u l-kumpens lill-bdiewa in kwestjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ma għandi xejn xi nżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26303.
Leg 9 PQ #27001 Sitting 571 2001-07-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

MDP

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26754?

Response (ZAMMIT, NINU)

Mhux kompitu tal-Ministeru tiegħi li jikkontrolla l-prezzijiet ta' prodotti li jistgħu jiġu mpurtati liberament għall-konsum fis-suq lokali. Dan jgħodd ukoll għall-iskimmed milk powder. Lanqas jiddependi mill-Ministeru tiegħi x'tip ta' prodotti huma mqassmin mill-kliniċi tal-Gvern kif issuġġerit mill-Onorevoli Interpellant. Ninforma lill-Onorevoli Membru li l-Malta Dairy Products issa ilha għal ħafna żmien tipproduċi u tbiegħ lill-konsumaturi lokali ħalib xkumat frisk li huwa ppakkjat b'mod l-aktar iġeniku kif ukoll huwa ta' tip li jissodisfa adekwatament il-bżonnijiet ta' dawk li minħabba saħħithom jinħtieġilhom jikkunsmaw ħalib xkumat.
Leg 9 PQ #27003 Sitting 571 2001-07-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Farm Esperimentali

Question

Jista' l-Ministru jinformana bir-risposta għal mistoqsija parlamentari nru. 26758?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26758 diġa' ingħatat f'Seduta Numru 563 fis-26 ta' Gunju 2001.
Leg 9 PQ #26712 Sitting 570 2001-07-04 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Kontijiet

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25374, jista' l-Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-gvern li jonforma, dwar il-pożizzjoni tal-kontijiet finanzjarji ta' l-entitajiet governattivi; (3) biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti? Ma jaħsibx il-Ministru li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż? Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala mhijiex tingħata meta din hija informazzjoni importanti u tikkonċerna infiq pubbliku u għaldaqstant għandu dritt għaliha? (PQ waslet 29/5/2001)

Response (ZAMMIT, NINU)

Sa' l-24 ta' April 2001 meta l-Onor. Interpellant għamel il-Mistoqsija Parlamentari Numru 25374, ma kien hemm ebda kont pendenti mal-Enemalta u l-Water Services Corporation mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu. L-unika kontijiet li għadhom pendenti waslu wara l-11 ta' Ġunju u dawn jammontaw għal Lm700.37.