Legislature:
Category:
Reset
Active:

Industrija tat-tjur

Question

Jista' il-Ministru jagħtini breakdown tan-nefqa għal għajnuna finanzjarja kif rappurtata fil-ħarġa tat-12 ta' Ottubru fil-Malta Indipendent għall-qasam ta' l-industrija lokali tat-tjur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nru 21352.

Industrija tat-tjur

Question

Jista' il-Ministru jagħtini breakdown tan-nefqa għal għajnuna finanzjarja kif rappurtata fil-ħarġa tat-13 ta' Ottubru fil-Malta Indipendent għall-qasam ta' l-industrija lokali tat-tjur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema għajnuna qiegħed jirreferi.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Karozzi Mikrija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kellu karozzi mikrija matul din is-sena l-ministeru, id-dipartimenti u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, maqsuma skond kull dipartiment jew enti u r-rati relattivi għal kull kirja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Għawdex — Ilma għat-tisqija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat li hu l-bżonn ta' ilma kuljum għat-tisqija fl-agrikoltura f'Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Imsida — Triq il-Wied

Question

Jista' il-Ministru jara li jinżabru s-siġar kbar li hemm fis-centre strip ta' Triq il-Wied, Imsida?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn is-siġar fis-centre strip ta’ Triq il-Wied, Imsida ser jinżabru matul il-gimgħa dieħla.

Biċċa art f'Ħal-Luqa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-gvern għall-biċċa art kbira ġo Ħal-Luqa, faċċata tal-fabbrika Andrews (qabel il-barriera ta' l-iskart)? Din se tiġi żviluppata? Jaf il-Ministru li dan is-sit kien oriġinarjament għall-iskop soċjali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wieħed qed jassumi li s-sit li qed jirreferi għalih huwa dan is-sit huwa is-sit fejn fl-imgħoddi kien hemm il-miżbla ta' Ħal-Luqa, liema sit qiegħed barra miż-żona tal-iżvilupp. Is-sit indikat huwa bħalissa kopert ' Development Brief ‘ li gie approvat f'Jannar ta' l-2002 wara perjodu ta' konsultazzjoni pubblika li sar skond ma titlob il-ligi. Dan il-brief principarjament jaħseb sabiex jipprovdi faċilitiajiet ta' park kummercjali, b'inklinazzjoni lejn intrapriżi li jaħdmu fi spazju miftuh. Il-proposti attwali jikkonsistu f'medda mdaqqsa għal trailer park , u arja oħra għall-industrija ta' daqs zgħir u medju. Kien hemm ukoll facilitiajiet oħra ta' rekrejazzjoni li ġew inklużi f'dan id-‘ Development Brief ’. Bħalissa il-brief qiegħed jiġi rivedut wara perjodu ta' konsultazzjoni pubblika. Id-Development Brief reġa inħareg għall-konsultazzjoni pubblika b'xi tibdiliet li jinkludi l-inklużjoni ta' ċentru għall-iskart ġoff u l-esklużżjoni ta' faċilitiajiet rekrejattivi. Ta' min jinnota li minkejja li kien hemm il-potenzjal għal-faċilitajiet sportivi, mill-2002 sal-lum ma jidhirx li qatt saret applikazzjoni għal-faċilitajiet sportivi. Minħabba n-natura ta' l-iżvilupp li sar madwar dan is-sit matul l-aħħar snin, dan ma baqax idoneju għal-faċilitajiet ta' rekrejazzjoni. L- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qegħda tistudja siti oħra fil-konfini tal-kunsill ta' Ħal-Luqa li jistgħu joffru faċilitajiet rekrejattivi aħjar minn dan is-sit.

Wied il-Għajn — Impjant ta' Sant'Antnin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpanniji li tefgħu l-offerti għal bini ta' l-impjant ta' Sant'Antnin f'Wied il-Għajn? Min huma? Il-kuntratt ingħata? Jekk fl-affermattiv, lil liema kumpannija ngħata? X'se tkun il-koperta fis-sena ta' kwantita' ta' skart li l-impjant se jkun jista' jitratta? Il-gvern se jkompli bil-proġett minkejja l-protesti tan-nies u għaqdiet ta' Wied il-Għajn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’kollox kien hemm sitt (6) kumpaniji li tefgħu offerti validi għax-xogħlijiet differenti marbuta mat-titjib ta’ l-impjant f’Sant’Antnin. Il-kuntratturi li pparteċipaw f’din il-kompetizzjoni kienu: Synmet International BV Linde – KCA – Dresden GmbH Strabag AG/BTA GmbH & Co. KG/Polidano Bros. Ltd Atzwanger SPA Horstmann GmbH & Co. KG/Organic Waste Systems N.V/C&F Building Contractors Ltd./Bonnici Bros. Ltd. Haase Anlagenbau AG/Vassallo Builders Group Ltd. Il-kuntratti għadhom ma ġewx iffirmati. L-impjant ta’ Sant’Antnin se jitratta 71,000 tunnellata ta’ skart fis-sena kif ilu jingħad mill-2004. Kif ġie spjegat kemm-il darba l-Gvern għandu d-dmir li jwettaq il-proġett tat-titjib ta’ l-impjant f’Sant’Antnin u dan għal diversi raġunijiet fosthom għall-benefiċċju tan-nies u l-għaqdiet ta' Wied il-Għajn.

Bini fi stat perikoluż

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga għala sit ta' bini li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qiegħed jagħmel ħajja ta' familja fil-periklu? Kemm-il enforcement sar min-naħa tal-MEPA? Inżammlu xi permess? Qiegħed jaħdem skond il-permess u skond is-sengħa, bla periklu lil ħaddieħor? Tista' issir spezzjoni bir-reqqa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li is-sezzjoni ta' l-Infurzar kif ukoll perit tal- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għamlu diversi spezzjonijiet fuq dan is-sit. Is- sezzjoni ta' l-Infurzar ma ħarget l-ebda Avviż ta' Infurzar għaliex ix-xogħol preżenti huwa kopert bil-permess originali u b'emendi sussegwenti li kollha ġew approvati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Nixtieq ninforma li s-sezzjoni ta' l-Infurzar tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) mhux responsabbli għal xi periklu li jista' jinħoloq waqt xi fażi tà kostruzzjoni tà bini, kif ukoll jekk ix-xogħol ma jsirx skond is-sengħa.

Esperti fil-qasam ta' l-agrituriżmu

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16902 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura u cioe' jista' jinformani min kienu l-esperti fil-qasam ta' l-agrituriżmu li żaru l-gżejjer tagħna sabiex jipproponu pjan lill-gvern għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli fil-gżejjer tagħna? Jista' ipoġġi kopja ta' dawn il-pjani fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma nħassitx il-ħtieġa li jinġiebu esperti fil-qasam ta' l-agrituriżmu.

Bdiewa/Raħħala/Sajjieda

Question

Jista' il-Ministru jgħid min kien responsabbli mill-proċess li jintroduċi l-iskema ta' l-assigurazzjoni li kellha ssir għall-bdiewa, raħħala u sajjieda flok il-kumpens tal-ħlas ta' nofs il-bolla tan-NI?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema tal-Assikurazzjoni tfasslet minn kumpanija privata skond kriterji mitluba mill-Unjoni Ewropea bl-intervent tal-iState Aid Monitoring Unit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Saru diversi konsultazzjonijiet mal-għaqdiet tal-bdiewa u sajjieda u tħejjew Memoranda lill-Cabinet dwar l-iskema. Saru wkoll konsultazzjonijiet mal-Ministeru tal-Finanzi.

Santa Maria Estate — Pjan Lokali

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20879, jista' il-Ministru jagħti t-tagħrif meta u kif saret il-konsultazzjoni pubblika fuq il-pjan tal-Majjistral ta' Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li il-Konsultazzjonijiet fuq il-Pjan tal-Majjistral ta' Malta saru skond il-provedimenti tal-Artiklu 27 ta' l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. Dan l-artiklu jikkontempla perjodu b'minimu ta' sitt gimgħat wara li l-abbozz tal-pjan lokali joħrog fid-dominju pubbliku. L-istess att ma jikkontemplax konsultazzjonijiet addizjonali.

Għajn Tuffieħa — Golf course

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għadx għandu l-ħsieb li tkun żviluppata golf course fl-inħawi ta' Għajn Tuffieħa? Meta se tittieħed deċiżjoni finali dwar l-iżvilupp ta' din il-golf course? Hemm pjani minn naħa tal-gvern biex tkun żviluppata xi golf course oħra fil-gżejjer Maltin u Għawdxin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat

Bajjiet — Strutturi llegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew identifikati strutturi llegali fil-bajjiet u madwar il-kosta f'Malta u Għawdex matul din is-sena? Jista' jgħid fejn, ta' min huma u x'passi ħadet il-MEPA f'kull każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għal din is-sena kurrenti u sal- llum ġew identifikati erbatax (14) il-każ ta' żvilupp illegali fil-bajjiet u madwar il-kosta ta' Malta u Għawdex u li huma deskritti bħala boathouses fil-kategorija t' infurzar tal- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Dawn jinkludu każ wieħed ġo Għawdex u tlettax (13) ġewwa Malta kif indikat hawn taħt. L-Awtorità tesiġi li kull żvillupp illegali jiġi rimoss u l-art tinġieb lura għal l-istat ta' kif kienet qabel sar l-iżvilupp u skond kif stipulat fl-Att Nru 1 ta' 1992.

Korrispondenza tal-MEPA

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li r-registration tal-korrispondenza tal-MEPA qegħda ssir Għawdex? Dan l-aġir qiegħed itawwal il-proċess burokratiku tal-MEPA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) laħqet ftehim mal-Maltapost sabiex ċerta korrispondenza tiġi reġistrata mill-Maltapost stess u fl-istess ħin tiġi scanjata u mdaħħla direttament f'sistemi kompjuterizzati. Dan il-proċess għandu numru ta' vantaġġi partikolarment li fi żmien jumejn minn meta l-klijent jimposta l-korrespondenza, din tkun aċċessibli fuq id-desktop eletroniku tal-impjegat relevanti fi kwalunkwe uffiċċju. Dan il-proċess nbeda dawn l-aħħar ġranet u kien hemm fil-fatt numru ta' ntoppi tal-bidu li qed jiġu megħluba. Il-vantaġġi ta' l-introduzzjoni tad-dokument elettroniku jkunu bil-wisq iktar mill-ġurnata ħin li din timplika sabiex il-korrispondenza fiżika tasal għand il- l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Dan huwa parti minn proċess usa sabiex il-periti jkunu jistgħu jnaqqsu l-ammont ta' kopji ta' pjanti sottomessi filwaqt li jużaw korrespondenza elettronika kull fejn huwa possibli u dan qed isir fl-aħjar interess tal-ambjent.

MEPA — Scheme extensions

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-MEPA se tippubblika l-ischeme extensions li ġew approvati mill-Parlament f'Lulju li għadda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li ġew approvati mill-Parlament, il-mapep tas-siti li ddaħħlu fiż-żona ta' żvilupp ġew ppublikati fil-website tal-Parlament.

Bini Illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern għal bini illegali li hawn ħdejn il-baħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li appena jirriżulta illi tali żvilupp huwa illegali, l-Awtorità tà Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanjar (MEPA) tinnotifika b' avviż ta' twettieq skond l- att numru 1 ta' 1992 dwar l-Ippjanar tal- Izvilupp, kemm kontra l-okkupant u kemm kontra sid tà l-art. Bħal ma jiġri f' każi simili, jingħata żmien biex jiġi eżawrit il-proċess kollu tà ppjanar u appena jiskadi t- terminu imħolli mill-liġi għal dan il- għan. Għaldaqstant dak il-bini (allegatament) illegali li jinstab ħdejn il-baħar ikun meqjus bħala kwalunkwe bini illegali ieħor madwar Malta. L-Awtorita` flimkien mal- Government Property Divison fil Ministeru tal-Gustizja u l-Intern regolarment jagixxu biex jitneħħa dan it-tip ta' żvillupp.

Ħaż-Żebbuġ — Proprjeta' Tal-Baruni

Question

Jista' il-Ministru juża l-mezzi kollha disponibbli għalih biex jara li ma jingħalqux it-toqob li huma essenzjali biex ma jkunx hemm flooding fi Triq Ħali, Ħaż-Żebbuġ, fil-ħajt tal-proprjeta' magħrufa bħala Tal-Baruni, kif, fil-fatt, kien hemm attentat li jseħħ dan l-aħħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Rapporti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ikkummissjonati rapporti fid-dekasteru tiegħu kull sena għal dawn l-aħħar erba' snin? Kemm swew kull wieħed u x'inhuma dawk pendenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.