Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #36929 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Nefqa fuq safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus f'safar ministerjali u dipartimentali tal-ministeru għax-xhur ta' Ġunju, Lulju, Awissu u Settembru ta'din is-sena?

Response (BORG, JOE)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #36930 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministeru għall-Affarijiet Barraninr — Safar mill-ambaxxatur Richard Muscat

Question

Fil-każ tas-safra tal-ambaxxatur Richard Muscat fl-Irlanda bejn is-7 u l-14 ta' April 2002 jista' il-Ministru jispjega d-diskrepanza bejn l-informazzjoni li ta fir-risposta għal mistoqsija parlamentari 34031 tiegħi fejn qal li din ġiet tqum Lm228 travel, Lm1052 accomodation/subsistence allowance u Lm378 others, u l-informazzjoni li ta fir-risposta għal mistoqsija parlamentari 34612 ta' l-Onor. Geroge Vella fejn qal li l-istess safra ġiet tqum Lm228 travel, Lm1026.61 hotel and subsistence allowance u Lm404.72 others?

Response (BORG, JOE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li attwalment id-differenza hija ta' LM1.33 bejn ir-risposta mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari numri 34031 u dik 34612. Nixtieq nispjega illi l-figura ta' LM1.052 taħt akkomodazzjoni u "subsistence allowance" mogħtija fil-Mistoqsija numru 34031 kienet tinkludi "hospitality" ta' madwar LM26.90. Sakemm ġejt biex nirrispondi l-Mistoqsija numru 34612, dan l-iżball ġie rranġat għalhekk issa qed jidher fil-figura ta' LM404.72 taħt "others" minnflok is-somma ta' LM378. Id-differenza żgħira fit-total kollu tirriżulta minħabba "rounding off" tal-figuri u r-rata ta' kambju.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Karozzi ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-aħħar sena u nofs? Jista' jgħid minn min qed jintużaw dawn il-karozzi? Jista' jgħid x'marka huma dawn il-karozzi u kemm ġew jiswew?

Response (BORG, JOE)

B'risposta għall-mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant, qed nagħti l-informazzjoni mitluba kif tidher hawn taħt: Sezzjoni Marka Prezz Segretarju Permanenti Ford Focus LM6,322.00 Direttur Servizzi Korporattivi Citroen Xsara LM4,480.00 Ambaxxatur, Brussels Mercedes E240 LM13,583.00* Ambaxxatur, Copenhagen Volvo LM10,458.00 Ambaxxatur, The Hague Volvo S80 LM11,808.63 Ambaxxatur, New York Cadillac Deville LM17,878.00 Ambaxxatur, Washington Cadillac LM17,742.42 *L-Ambaxxatur għadu ma ħax pussess tal-karozza għax għad iridu jiġu pprovduti n-numru tagħha.
Leg 9 PQ #37088 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Żona ta' konservazzjoni tas-sajd

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar iż-żona ta' sajd ta' 25 mil madwar Malta viz-a-viz il-pożizzjoni li ħadu, il-Libja, l-Italja u t-Tuneżija?

Response (BORG, JOE)

F'Ġunju ta' din is-sena, Malta laħqet ftehim ma' l-Unjoni Ewropea dwar is-sajd. Skond dan il-ftehim, wara s-sħubija, Malta ser tkompli tmexxi għal żmien indefinit, żona għas-sajd ta' 25 mil madwar Malta bil-għan li tibqa' sseħħ il-konservazzjoni tal-kwantita' ta' ħut fl-ibħra Maltin. Fiż-żona ta' konservazzjoni, ser ikunu jistgħu jistadu biss dgħajjes ta' mhux iktar minn 12 il-metru tul billi dawn jipprattikaw tip ta' sajd limitat u li huwa l-anqas li jagħmel ħsara lill-ambjent ekoloġiku. B'eċċezzjoni, ser ikunu permessi xi tipi oħra ta' sajd fiż-żona ta' bejn 12 u 25 mil il barra mill-kosta ta' Malta minn dgħajjes li huma akbar minn 12 il-metru, u fil-każ ta' trawlers, iżgħar minn 24 metru. Dawn l-attivitajiet huma: 1. tkarkir f'żoni limitati u identifikati apposta għat-tkarkir minn Malta; 2. sajd għal-lampuki f'130 lokazzjoni differenti li minnhom 110 lokazzjoni huma normalment meħuda minn sajjieda Maltin; 3. is-sajd bil-lampara; u 4. s-sajd għat-tonn u ħut migratorju ieħor. Il-vapuri kollha ta' iktar minn 12 il-metru tul u li għandhom permess jistadu fiż-żona ta' 25 mil madwar Malta jridu jkunu reġistrati filwaqt li l-qbid tal-ħut m'għandux jaċċedi dak li hu meqjus li jista' jagħmel ħsara għal-konservazzjoni tal-kwantitajiet tal-ħut. L-ewwel 12 il-mil mill-kosta Maltija jkunu riservati esklussivament għas-sajjieda Maltin. Ghal daqstant, l-uniċi dgħajjes Maltin li jistgħu jintlaqtu minn dawn l-arranġamenti speċjali huma dawk ta' 'l fuq minn 24 metru tul. Għal dawn is-sajjieda Maltin, il-Gvern ħaseb biex jippprovdi pakkett ta' għajnuna finanzjarja li ser jgħinhom biex itejjbu l-effiċċjenza tagħhom ħalli jkunu jistgħu jistadu aħjar barra miż-żona ta' 25 mil. Minbarra dan, wara s-sħubija, is-sajjied Malti ser ikollu aċċess għal għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Maltin ħejjew programm biex tkun tista' tintalab din l-għajnuna finanzjarja li ser tintuża għall-immoderniżżar tal-flotta tas-sajd Maltija u għal titjib fl-istrutturi tas-swieq tal-ħut u għall-ipporċessar. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-ftehim ma jippermettiex lil sajjieda Libjani jew Tuneżini jew minn kwalunkwe pajjiż mhux membru ta' l-Unjoni Ewropea li jistad fiż-żona ta' 25 mil, u għalhemm il-pożizzjoni tagħhom baqgħet l-istess bħalma kienet qabel ma ġie negozjat dan il-ftehim ma' l-Unjoni Ewropea. Fir-rigward ta' l-Italja bħala membru hija stess ta' l-Unjoni Ewropea, din aċċettat dan il-ftehim li ġie negozjat bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, dwar iż-żona ta' konservazzjoni tas-sajd ta' 25 mil madwar Malta, liema ftehim jorbot lis-sajjieda Taljani fid-dettalji kollha tiegħu kif għadni kemm spjegajt.
Leg 9 PQ #35958 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba telgħu delegazzjonijiet Maltin għall-diskussjonijiet mal-UE wara li bdew in-negozjati? Kemm telgħu persuni ma' kull delegazzjoni u kemm kellu jħallas għalihom it-tax payer Malti.

Response (BORG, JOE)

Ma narax il-ħtieġa li tinġabar l-informazzjoni ddettaljata mitluba sakemm l-Onorevoli Interpellant ma jagħtinix raġuni konvinċenti biex inqabbad lill-uffiċċjali fil-Ministeru tiegħi jiddedikaw ħin sostanzjali sabiex ifittxu l-informazzjoni neċessarja biex tkun tista' tingħata r-risposta. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-infiq għas-safar għall-ħidma uffiċċjali barra minn Malta kollu tal-Ministeru tiegħi minn mindu bdew in-negozjati sallum kien dejjem fil-limiti ta' l-estimi tal-Ministeru tiegħi għas-snin relevanti. Minkejja dan, jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi każ partikolari li dwaru jista' jkollu indikazzjoni li sar infiq ta' flus mhux floku nitolbu jagħmel mistoqsija speċifika. Nixtieq inżid ukoll li r-referenza magħmula mill-Onorevoli Interpellant, biex jipprova jieħu vantaġġ politiku, dwar kemm kellu jħallas it-tax payer Malti għas-safar kollu konness man-negozjati, hija żejda. Il-Gvern kommess li jitlob lill-poplu Malti jiddeċiedi f'referendum dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, referendum li l-Oppożizzjoni Laburista l-anqas għandha d-diċenza li tirrispettah, u għalhekk ser ikun il-poplu Malti li jiddeċiedi jekk dan l-infiq kienx floku jew le, meta jintalab jiddeċiedi dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #35955 Sitting 816 2002-11-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa flus lit-tax payer Malti, id-delegazzjonijiet li ġew Malta minn pajjiżi membri u oħrajn applikanti għad-dħul f'UE is-sena l-oħra u din is-sena? Jista' l-Ministru jgħid x'ħallas għall kull żjara u għaliex?

Response (BORG, JOE)

Ma narax il-ħtieġa li tinġabar l-informazzjoni mitluba sakemm l-Onorevoli Interpellant ma jagħtinix raġuni konvinċenti biex inqabbad lill-uffiċċjali fil-Ministeru tiegħi jiddedikaw ħin sostanzjali sabiex ifittxu l-informazzjoni neċessarja biex tkun tista' tingħata r-risposta. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant da parti tal-Ministeru tiegħi li l-infiq kollu konness ma' delegazzjonijiet li ġew Malta minn pajjiżi membri u oħrajn applikanti għad-dħul fl-Unjoni Ewropea s-sena l-oħra u din is-sena kienu dejjem fil-limiti ta' l-estimi finanzjarji tal-Ministeru tiegħi għas-snin relevanti. Nixtieq inżid ukoll li f'dawn l-okkażżjonijiet, tiġi estiża l-ospitalita' tal-Gvern Malti ġieli mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u ġieli minn Ministeri oħra wkoll, skond iċ-ċirkostanzi partikolari ta' kull każ. Għaldaqstant, l-informazzjoni li qed jitlobni l-Onorevoli Interpellant ma tistax tinġabar b'mod komprensiv u akkurat mill-Ministeru tiegħi. Nixtieq inżid ukoll li r-referenza magħmula mill-Onorevoli Interpellant, biex jipprova jieħu vantaġġ politiku, dwar kemm sewa flus lit-tax payer Malti sabiex dawn id-delegazzjonijiet ġew Malta, hija żejda. Il-Gvern kommess li jtilob lill-poplu Malti jiddeċiedi f'referendum dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, referendum li l-Oppożizzjoni Laburista lanqas għandha d-diċenza li tirrispettah, u għalhekk ser ikun il-poplu Malti li jiddeċiedi jekk dan l-infiq kienx floku jew le, meta jintalab jiddeċiedi dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #36859 Sitting 815 2002-11-18 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Pajjiżi Barranin — Ftehim Kummerċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intlaħqu trade agreements ma' pajjiżi barranin sal-lum? Kemm bħala medja ttieħed żmien biex saru dawn il-ftehim?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista aġġornata tal-pajjiżi li magħhom Malta iffirmat Ftehim u / jew Protokolli fuq kummerċ, bid-dati ta' meta dawn ġew iffirmati u meta daħlu fis-seħħ. Mhuwiex possibbli li nagħti indikazzjoni kemm, bħala medja, dan it-tip ta' ftehim jew protokoll jieħu żmçn bçx jiġi konkluz, għar-raġuni li dan jiddependi minn bosta fatturi u ċirkostanzi partikolari għal kull każ, kif ukoll għall-fatt li minħabba fin-natura teknika ta' dawn il-ftehim jew protokolli, id-diskussjonijiet u negozjati dwarhom, jinvolvu wkoll Ministeri oħrajn.
Leg 9 PQ #35934 Sitting 813 2002-11-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

UE — Kaċċa u Nsib

Question

Jista` l-Ministru jgħid jekk id-diskussjoni dwar il-kaċċa u nsib bejn Malta u l-UE ġewx finalizzati? Jekk iva, kif se jkunu?

Response (BORG, JOE)

Nikkonferma li n-negozjati dwar l-ambjent, inkluż dawk dwar il-kaċċa u l-insib ġew magħluqa proviżorjament fil 1 ta' Ottubru 2002. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sinteżi tal-ftehim li sar bejn Malta u l-Unjoni Ewropea dwar il-Kaċċa u l-Insib.
Leg 9 PQ #36548 Sitting 812 2002-11-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Sajjieda Maltin

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani bil-konsiderazzjonijet tal-Ministeru għall-ittra tiegħi mibgħuta fit-30 ta' Settembru 2002 dwar is-sitwazzjoni tas-sajjieda Maltin u li tagħha qed nibgħat kopja separatament.

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, filwaqt li nikkonferma li rċevejt l-ittra tiegħu li kopja tagħha bagħathili separatament mal-mistoqsija tiegħu, il-Gvern, qabel id-data ta' din l-ittra, kien diga' ħa passi dwar is-sitwazzjoni tas-sajjieda Maltin fir-rigward tal-problemi rinfaċċati minnhom mas-sajjieda Tuneżini. Inoltre, fl-okkażżjoni tal-laqgħa tal-Kummissjoni mista Malta-Tuneżija li saret bejn l-24 u l-25 ta' Ottubru 2002, din il-materja ġiet trattata direttament bejn rappreżentanti governattivi taż-żewġ pajjiżi sabiex Malta u t-Tuneżija jikkollaboraw biex is-sajjieda Maltin u Tuneżini jkunu jistgħu jistadu fl-ordni u mingħajr ma jkunu ta' xkiel għal xulxin. L-awtoritajiet Tuneżini tennew li qed jittieħdu l-passi kollha neċessarji u qed jinvestigaw il-provi kollha li qed jingħatawlhom mill-awtoritajiet Maltin dwar il-ħsarat li qed isofru s-sajjieda Maltin fl-ibħra internazzjonali. Huma wkoll qed iwissu lis-sajjieda Tuneżini b'miżuri iebsa f'każ li jigi determinat min qed jikkaguna danni u ħsarat lis-sajjieda Maltin. Malta u t-Tuniżija wkoll qablu sabiex jikkollaboraw mill-qrib fil-qasam tas-sajd u ftehmu li jittieħdu inizjattivi sabiex titkattar il-ħbiberija bejn is-sajjieda Maltin u Tuneżini.
Leg 9 PQ #36706 Sitting 812 2002-11-11 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Pipe tal-Gas fil-Mediterran

Question

Jista' il-Ministru jgħid sarux xi taħdidiet bejn Malta u l-Libja, jew xi pajjiż ieħor fl-Afrika ta' Fuq kif ukoll ma' l-Italja, dwar il-possibbilta` li l-pipe tal-gas li se jiġi stallat fil-Mediterran, Malta tkun tista' tagħmel użu minnu? Fiex kienu jikkonsistu dawn it-taħdidiet u x'riżultati kien hemm?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tiegħi ma kienx direttament involut f'taħdidiet mal-Libja jew pajjiżi oħra qrib dwar il-possibilita' li Malta tagħmel użu mill-gas pipe li se jiġi nstallat fil-Mediterran. Peress li dan is-suġġett huwa ta' natura altament teknika, nissuġġerixxi li d-domanda tiġi ndirizzata lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #35921 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Baħrin u Fiżjali Barranin

Question

Jista` l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' baħrin u fiżjali barranin li daħlu pajjiżna fuq vapuri tal-gwerra din is-sena?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi x'vapuri militari żaru 'l Malta din is-sena s'issa. Din l-iskeda tagħti tagħrif dwar il-perijodu tal-viżita f'kull każ, u n-numru ta' uffiċċjali u baħrin li jkun iddikjarat bħala li qed iservu fuq kull vapur partikolari. Fil-kolonna intestata 'Crew', l-ewwel figura turi n-numru ta' uffiċċjali, filwaqt li t-tieni figura tirreferi għan-numru ta' baħrin. Ma tinżammx statistika ta' kemm uffiċċjali u baħrin li jkunu fuq il-vapur konċernat attwalment jinżlu l-art waqt iż-żjarat qosra tagħhom.
Leg 9 PQ #36531 Sitting 809 2002-11-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

UE — Żjarat f'Malta

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista kompensiva - bid-dati relevanti - tal-personalitajiet kollha - presidenti, prim ministri, kummissarji Ewropej, ministri u segretarji ta' l-istat, uffiċjali tal-parlament Ewropew u membri parlamentari kemm mill-pajjiżi membri kif ukoll dawk applikanti għall-sħubija sħiħa fl-UE li żaru Malta mill-1.1.2001 'il quddiem bħala mistiedna tal-gvern jew tal-parlament Malti?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 2001 u d-29 ta' Ottubru, 2002 sa fejn għandu x'jaqsam il-Ministeru tiegħi.
Leg 9 PQ #36152 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Kuntratti lill-Kumpanniji u Periti Privati

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum jekk ingħatawx kuntratti jew xi xogħlijiet oħra lill-periti jew kumpannija ta' periti privati fid-dekasteru tiegħu? X'kienu dawn ix-xogħlijiet jew kuntratti u kemm jiswew kull wieħed? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm sejħa għall-offerti jew le?

Response (BORG, JOE)

Ma narax il-ħtieġa li tinġabar l-informazzjoni ddettaljata mitluba. Iżda, jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi każ partikulari, nitolbu jagħmel mistoqsija speċifika.
Leg 9 PQ #36004 Sitting 803 2002-10-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Mobile Phones

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 35408, kemm fil-fatt huwa n-numru ta' mobile phones?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta' mobile phones fil-Ministeru huwa ta' 48. Din il-figura tinkludi l-Ambaxxati kollha tagħna li qegħdin barra minn Malta (38).

Unjoni Ewropea — Fondi qabel Sħubija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa maħsub, stmat jew inkella deċiż li Malta tirċievi fondi ta' qabel is-sħubija u f'eventwalita` ta' sħubija ma' l-Unjoni Ewropea mill-budget ta' l-Unjoni, sena b'sena? Jista' jgħid ukoll kemm huwa maħsub, stmat jew inkella deċiż li Malta tirrifondi jew tikkontribwixxi fondi qabel is-sħubija u f'eventwalita` ta' sħubija lill-budget ta' l-Unjoni Ewropea, sena b'sena?

Response (BORG, JOE)

Peress li n-negozjati fuq dan is-suġġett għadhom għaddejjin, ma jkunx għaqli li wieħed jispekula f'dan il-mument. Malli dawn in-negozjati jingħalqu, il-poplu Malti jkun jaf eżatt kemm Malta ser tirċievi mill-Unjoni Ewropea wara s-sħubija, u kemm ser tikkontribwixxi. Li huwa magħruf s'issa huwa il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri, li l-ebda pajjiż membru ġdid m'għandu jikkontribwixxi aktar flus milli jaqla' fl-ewwel snin ta' l-isħubija, u li jkun fil-pożizzjoni ta' "net beneficiary" u li f'dan ir-rigward il-pożizzjoni tiegħu ma tkunx agħar minn dik fis-sena immedjatament qabel is-sħubija. Ħuwa żgur ukoll li bl-'Isvizzerra fil-Mediterran' - jew il-'partnership' - li ħareġ bih il-Partit Laburista, Malta ma tkun intitolata għal xejn.
Leg 9 PQ #35538 Sitting 800 2002-10-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Safar — Nefqa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 34031, jista' il-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li vjaġġ tal-persuna li isimha qed jintbgħat separatament, sewa Lm923?

Response (BORG, JOE)

Jien infurmat illi l-figura illi kienet ġiet indikata fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34031 bħala li ntefqet sabiex is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħi jmur fuq xogħol Ruma hija skorretta. Jidher illi l-uffiċċjal inkarigat mill-ġbir ta' din l-informazzjoni, bi żball, ikkwota l-figura ta' LM923 li kienet tirrigwarda żjara kompletament differenti tas-Segretarju Permanenti flimkien ma uffiċċjal ieħor. L-ispejjeż tal-vjaġġ tas-Segretarju Permanenti Ruma fl-ewwel ġimgħa ta' April 2002 fil-fatt kienu LM155.20.
Leg 9 PQ #35541 Sitting 800 2002-10-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Safar — Nefqa

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga x'inhija r-raġuni li l-vjaġġ tal-persuna li isimha qed jintbgħat separatament, kif indikat f'risposta tal-mistoqsija 34031 sewa Lm1081 meta tal-persuna l-oħra li marret Brussells fl-istess żmien sewa Lm600?

Response (BORG, JOE)

Jista l-Onorevoli Interpellant jindikali kif wasal għall-figuri ta' LM1081 u ta' LM629 rigwardanti l-persuni li rrefera għalihom fil-Mistoqsija, peress illi dawn il-figuri ma jirriżultawx mir-risposta mogħtija minni għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34031, sabiex inkun f'pożizzjoni li nirrispondih.
Leg 9 PQ #35542 Sitting 800 2002-10-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Safar — Nefqa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 34031, jista' il-Ministru jinvestiga x'kienet ir-raġuni li f'Mejju Ambaxxatur partikolari mar minn Madrid għall-Copenhagen u darba nefaq Lm537, darba Lm741 u darb'oħra Lm1200?

Response (BORG, JOE)

L-ispiża indikata għall-ivvjaġġar minn Madrid għal Copenhagen varjat minn darba għal oħra għal dawn ir-raġunijiet: 02 - 05 ta' Mejju 2002 L-Ambaxxatur ġie awtoriżżat biex, flimkien mal-mara tiegħu, jitilgħu Copenhagen sabiex ifittex propjetajiet addattati kemm għal residenza uffiċċjali, kif ukoll għal ambaxxata Maltija f'dik il-belt. It-tnejn ivvjaġġaw fi Klassi Economy u l-ispiża għal dan kienet ta' LM741.10. 12 - 17 ta' Mejju 2002 L-Ambaxxatur tela' biex jippreżenta l-kredenzjali tiegħu lir-Re tad-Danimarka. Hu kien akkumpanjat, skond il-prassi protokollari, mill-mara tiegħu, u t-tnejn li huma ivvjaġġaw fi Klassi Business, li hija l-klassi uffiċċjali tal-livell ta' ambaxxatur li huma awtoriżżati jivvjaġġaw fiha. L-ispiża għal dan kienet ta' LM1,200.20. 21 - 25 ta' Kejju 2002 L-Ambaxxatur ivvjaġġa waħdu. Minkejja li kellu d-dritt jivvjaġġa fi klassi ogħla, iddeċieda li jivvjaġġa fi Klassi Economy dakinhar. L-ispiża għal dan kienet ta' LM537.29.
Leg 9 PQ #35545 Sitting 800 2002-10-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Safar — Nefqa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 34031, jista' il-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-persuna li hija indikata separatament, qiegħda tmur minn Brussells għall-Strassburg kull xahar bi spiża ta' madwar Lm400 kull darba? X'kariga fil-fatt għandha l-persuna msemmija?

Response (BORG, JOE)

Il-persuna ndikata fil-Mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant fl-Ambaxxata Maltija ġewwa Brussell, hija nkarigata, fost affarijiet oħra, mix-xogħol konness mal-Parlament Ewropew. Għalhekk din il-persuna għandha d-dover li tattendi l-laqgħat plenarji tal-Parlament Ewropew li jsiru kull xahar ġewwa Strasburgu sabiex tkun tista' tirraporta lill-Ministeru dwar dawn il-laqgħat.
Leg 9 PQ #35589 Sitting 800 2002-10-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Safar — Nefqa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 34031, jista' l-Ministru jinvestiga x'inhija r-raġuni li l-vjaġġ tas-segretarju permanenti għall-Australja sewa daqs iż-żewġ vjaġġi li għamel il-Ministru u s-segretarju tiegħu għall-istess destinazzjoni?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ċ-ċifra murija bħala minfuqa mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tiegħi, li kien jifforma parti mid-delegazzjoni Maltija għas-Summit tal-Commonwealth fl-Awstralja hija korretta. Bi żvista, l-uffiċċjal inkarigat mill-ġbir ta' l-informazzjoni għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 34031 indika s-somma għat-traġitt bl-ajru tiegħi u tas-Segretarju Personali tiegħi għal dan l-istess Summit bħala LM4023 meta suppost wera l-figura bħala LM8046.