Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz ta' ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ikollhom is-servizz ta' l-ilma peress li ftit ġimgħat oħra se jidħlu f'dan il-fond?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan is-servizz għandu jingħata fi ftit ġranet oħra. Kien hemm xi dewmien għax fil-bidu ta' Novembru, l-Kunsill Lokali taż-Żejtun kien irrifjuta li joħroġ il-permess għat-tħaffir neċessarju. Issa dan il-permess ingħata.

Każ dwar transfer

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22657 u jara li jitmexxa każ ta' transfer ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li kien ilu jagħmel dan ix-xogħol għal tmien snin? Jista' jiġi informat bl-aħħar żviluppi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill- Onorevoli Interpellant ġiet trasferita minħabba esiġenzi tal-Korporazzjoni. Fil-fatt hu baqa’ jagħmel l-istess xogħol pero’ f’post ieħor fejn kien hemm bżonn tas-servizz tiegħu.

Energy Supply — 5% VAT

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 22363, 22460 u 22604 u jgħid: Peress li skond Schedule 8 tal-Liġi tal-VAT hemm VAT ta' 5% fuq is-supply ta' l-enerġija, jista' il-Ministru jgħid jekk din it-taxxa tal-VAT hijiex parti mill-komputazzjoni tas-surcharge?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li meta ddaħlet l-VAT fuq l-elettriku għal-kategorija domestika l-Korporazzjoni Enemalta ma żidietx it-tariffa tagħha iżda assorbit il-VAT hija stess. Fi kliem sempliċi ħafna, il-VAT li trid titħallas lill-Gvern qed titħallas mill-Enemalta stess u mhux mill-konsumatur. Il-pożizzjoni tal-konsumaturi industrijali u kummerċjali hi differenti għaliex waqt li dawn huma ċċarġjati il-VAT huma jieħduha lura mid-Dipartiment tal-VAT. Fi kliem sempliċi, l-efett fuqhom hu newtru. Il-mudell li fuqu tinħadem ir-rata tas-surcharge huwa wieħed fejn ikopri biss iż-żieda / tnaqqis fil-prezz tal-fuels li bih tixtri l-Korporazzjoni Enemalta, u l-VAT ma tidħol imkien fil-kalkolu tas-surcharge. Fi kliem aktar sempliċi, dan ifisser illi l-proposta tal-Kap tal-Opposizzjoini li jnaqqas is-surcharge għall-konsumatur billi jneħħi l-VAT hi lloġika u non-sensika.

Lufthansa Teknic — Hanger

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 22461 u 22607 u jgħid: B'riferenza għall-Hanger li l-gvern se jibni għall-Lufthansa Teknic kif imħabbar fil-Media, jista' il-Ministru jindika b'site plan fejn se jinbena dan il-Hanger? Kemm hu stmat li se jiswa l-gvern u kemm se jinkera u b'liema kondizzjonijiet lill-Lufthansa Teknic? X'inhi r-raġuni li l-Air Malta jew il-Gvern Malti ma żiedx l-involviment tiegħu f'din il-venture li bdiet bħala joint venture bejn l-Air Malta u Lufthansa u jidher li rnexxiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Għadira — Caravan Site

Question

Jista' l-Ministru jara għalfejn għal applikazzjonijiet għad-dawl fil-caravan site ta' l-Għadira qed jintalab il-compliance certificate tal-MEPA meta dan mhuwiex bini kopert bil-permess imma caravan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Compliance Certificate tal-MEPA jintalab ma’ kull applikazzjoni tad-dawl permanenti biex l-Enemalta tassigura li jkun hemm il-permessi meħtieġa. Dan skond l-Att dwar l-ippjanar ta’ l-i¿vilupp Kap 356 Artiklu 61.

Birkirkara — Dawl tal-Milied

Question

Jista' l-Ministru jara għalfejn applikazzjonijiet għad-dawl tal-Milied f'Birkirkara ma ngħatawx id-dawl fil-ħin, avolja l-applikazzjoni kienet magħmula fil-ħin (10 days)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-provista ta’ l-elettriku għal dekorazzjoni tal-Milied f’Birkirkara ingħata fil-ħin stipulat ħlief għal triq waħda partikolari fejn il-provista ngħatat ġurnata wara minħabba xogħolijiet oħra importanti jew ta’ prijorita’ għolja.

Malta Enterprise — Investiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il proġett approvat il-Malta Enterprise din is-sena? Kemm huwa mistenni li jiġġeneraw investiment? Kemm hu mistenni li joħolqu mpjegi fit-tliet snin li ġejjin? Kemm minn dawn il-proġetti huma għal Għawdex? Kemm se jkun l-investiment tagħhom f'Għawdex? Kemm se joħolqu mpjiegi f'Għawdex? Jista' jagħtina l-istess informazzjoni għall-2005?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Malta Freeport Corporation — Trasferiment ta' artijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif il-Kummissarju ta' l-Artijiet ittrasferixxa l-artijiet li kien esproprja f'Bengħajsa, limiti ta' Birżebbuġa, lill-Malta Freeport Corporation Ltd., taħt liema titolu u x'kienet il-konsiderazzjoni li tħallset? Jista' jgħid x'tip ta' ftehim hemm bejn il-Malta Freeport Corporation Ltd. u l-Malta Freeport Terminals Ltd. biex din topera fuq l-art imsemmija fl-ewwel domanda, taħt liema titolu qed topera fuq din il-proprjeta' u x'konsiderazzjoni qed titħallas? Jista' jikkonferma wkoll jekk il-Malta Freeport Corporation Ltd. hijiex qed tgħaddi l-profitti tagħha lill-gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Kont ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jirriferi l-każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, lill-Bord tad-WSC minħabba li saru t-testijiet meħtieġa f'din id-dar u nstab li kien hemm xi leakage ta' l-ilma u issa saru t-tiswijiet kollha meħtieġa? Jista' jara li dan il-każ ikun ikkonsidrat b'mod soċjali minħabba li l-aktar kont riċenti kien wieħed eżorbitanti komparat mal-bqija tal-kontijiet li kienu ntbagħtu lil din il-familja u għaliex ukoll li l-familja għad għandha suspett li l-leakage żgħir li nstab ma jistax ikun il-kważa ta' dan il-kont esaġerat?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-konsumatur inkwestjoni diġa kienet mitluba permezz ta’ ittra biex tinforma l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma meta t-tiswijiet fis-sistema interna tal-plumbing ikunu lesti, iżda din baqgħet ma għamlitux. Qabel ma’ l-Korporazzjoni tirrevedi l-kontijiet tal-konsum ta’ l-ilma f’każi bħal dawn, trid taċċerta ruħa li jkunu tassew saru t-tiswijiet neċessarji biex meta issir tali reviżjoni din tkun waħda finali. Meta jinħarġu kontijiet bi stima tal-konsum, din l-istima tinħadem bil-kompjuter u tkun ibbażata fuq konsum passat u għalhekk il-konsum mhux normali jkun rifless anki f’dawn l-istimi. Dawn l-istimi jkunu newtralizzati meta jinħareġ il-kont ibbażat fuq qari attwali. Il-każ inkwestjoni se jkun riferut lill-Advisory Board tal-Korporazzjoni biex isir ir-reviżjoni li hemm bżonn.

Raħal Ġdid — Dawl quddiem il-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Enemalta ssewwi l-ħsarat li hemm fil-bozoz tal-brazzi li suppost idawwlu z-zuntier tal-Knisja ta' Kristu Re f'Raħal Ġdid u li ilhom mitfija ħafna xhur? Jista' jara wkoll li l-Enemalta ssewwi l-floodlight li suppost iddawwal l-istess knisja, u li ilha mitfija ħafna xhur u li tinsab mal-faċċata tal-bini quddiem iz-zuntier eżatt fuq il-plakka ta' l-isem ta' Triq il-Knisja, Raħal Ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ż-żewġ arbli ornamentali faċċata tal-bieb prinċipali tal-Knisja huma responsabbilta’ ta’ l-Enemalta u jixgħelu. L-erba’ arbli l-oħra huma responsabbilta’ ta’ l-Awtorita’ tal-Knisja. Iż-żewġ floodlights imsemmija huma responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali u għalhekk l-Onor Interpellant hu mitlub li jressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.

Raħal Ġdid — Knisja tal-Madonna ta' Lourdes

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Enemalta ssewwi l-ħsarat li hemm fil-floodlight li suppost iddawwal il-knisja tal-Madonna ta' Lourdes f'Raħal Ġdid u li ilha mitfija diversi xhur?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-floodlights li hemm quddiem il-knisja msemmija twaħħlu temporanjament għall-festi tal-Milied mill-awtoritajiet tal-knisja u se jitneħħew. M’hemmx floodlights oħrajn.

Raħal Ġdid — Triq il-Kampanella - drenaġġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18626, ninforma lill-Ministru li fil-garage no. 293 fl-aħħar xita li għamlet reġa' daħal l-ilma peress li d-drain tal-gvern ma laħaqx ma' l-ammont ta' ilma li kien hemm. Jista' il-Ministru jara jistax isir rimedju?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji biex tintstab soluzzjoni għal din il-problema.

Surcharge fuq id-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21912 u jgħid: Peress illi r-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21240 mhux biss hija vaga imma ma tirrispondi assolutament xejn, jista' il-Ministru jagħti risposta aħjar, jekk mhux preċiża għallinqas stima ta' surcharge impost biex jirrispondi għall-mistoqsijiet parlamentari 21645, 21644 u 21817?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22078.

Maltapost — Ishma

Question

Jista' il-Ministru jispjega u jagħti dettalji x'sar mill-ishma tal-Maltapost? Jikkonferma li dawn fil-maġġoranza tagħhom illum jappartjenu lil Lombard Bank? Jista' jgħid jekk l-azzjonisti oriġinali għadx għandhom interessi u jagħti dettalji?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-maġġoranża ta’ l-ishma tal-Maltapost jappertjenew lill-Malta Government Investments Ltd, kif jidher hawn taħt; Ażżjonisti Numru ta Ishma Gvern ta’Malta 425,000 (Ord A) Malta Government Investment Ltd 1,395,000 (Ord A) Redbox Ltd (Suss ta’ Lombard Bank Malta Ltd) 980,000 (Ord B) Numru Totali ta’Ishma 2,800,000 F’Awissu ta’ sena 2006, Redbox Ltd, xtrat l-ishma tal-Maltapost plc mingħand Transend Worldwide Ltd, sussidjara tan-New Zealend Post. It-Transend Worldwide Ltd m’għandhomx iktar ishma fil-Maltapost plc u mhux minnu li l-Lombard Bank għandu l-maġġoranza tal-Ishma fil-Maltapost.

Ħal Qormi — Żbroff ta' Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qiegħed isir, jew għallinqas x'se jsir, min-naħa tal-gvern dwar id-drenaġġ li qed joskula fil-bidu ta' Triq l-Għargħar f'tarf Triq il-Wied Ħal Qormi, li qed jikkawża mhux biss irwejjaħ u insetti iżda detriment serju għal saħħet ir-residenti fl-area u għal kulmin jaħdem u jgħaddi mill-akkwata? Jista' jordna li jsiru spezzjonijiet fuq il-post fejn ir-residenti jiġu mistoqsija dwar dak li qed jiġri, u dan peress li huwa importanti li jindikaw eżattament il-post fejn dan il-leak ta' drenaġġ qed jiżbroffa u peress li uffiċjali li ma jkunux midħla ta' l-akwata tkun diffiċli li jidentifikaw il-post eżatt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qed tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji fl-inħawi msemmija biex tkun tista titfassal soluzzjoni għall-problema.

Kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kont numru 1000104586 M ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li jittratta d-dawl u ilma hux korrett jew le billi s-surcharge li tħallas fix-xhur ta' qabel reġa' ġie kkalkulat fil-kont attwali?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-kontijiet ta' l-elettriku u ilma li joħorġu proviżorjament kull xahrejn bejn il-kontijiet attwali. Bis-sitema li ilha topera minn Jannar 2005, qegħdin joħorġu sitt kontijiet fis-sena, (erbgħa proviżorji u tnejn attwali ). Il-kontijiet proviżorji jiġu awtomatikament aġġustati meta joħroġ il-kont attwali. Ninsab infurmat li f'dan il-każ partikolari il-konsumatur ħallas Lm82.66 f'kontijiet proviżorji. Fl-20 ta' Novembru 2006 ħareġ il-kont attwali li jkopri minn Frar sa Settembru 2006, li kien jammonta għal Lm167.89. Minn dan l-ammont tnaqqsu l-kontijiet proviżorji u baqa l-bilanċ ta' Lm85.23. Għalhekk ma kien hemm ebda kalkolu doppju. Irid jingħad ukoll li l-perjodu indikat fuq il-kont għal kull rata ta' surcharge huwa l-perjodu meta r-rata partikolari tkun applikabbli u mhux il-perjodu li għalih tinħadem is-surcharge għal kont partikolari. Din tkun skond in-numru ta' ġranet inklużi fil-kont li jaqgħu f'dak il-perjodu.

Pumping station tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlametnari 22325 u jgħid fl-aħħar tliet snin kemm-il darba s-sentini tal-pumping stations tad-drenaġġ ta' Malta u Għawdex ġew imnaddfa mill-materjal solidu li jinġabar fihom biex il-pompi jkunu jistgħu jaħdmu bil-potenzjal massimu tagħhom flok jibqa' jiġri kif qed jibqa' jiġri bi żbruffar ta' drenaġġ f'inħawi bħal tal-Gżira u Tas-Sliema?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

WSC — Każ dwar Kont Eċċessiv

Question

Tista' il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tinvestiga l-ilment ta' persuna minn San Ġwann li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tal-billing eċċessiv tal-konsum ta' l-ilma li rċieva in konnessjoni ma' kont Nru. 495110170?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li billi l-konsum ta' l-ilma reġistrat fil-post indikat mill-Onor. Interpellant kien wieħed iktar minn normal, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kkuntatjat lill-konsumatur biex issir spezzjoni fuq il-post. Madankollu l-konsumatur stess talab li din l-ispezzjoni tkun posposta għal data li tkun konvenjenti għalih.