Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħħal flus il-gvern mill-bejgħ ta' proprjeta' tad-dipartiment ta' l-artijiet u tal-Joint Office matul l-2006?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fis-sena 2006, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern daħħlet is-somma ta' erbgħa u għoxrin miljun, sitt mija u tlieta u għoxrin elf, mija u erbgħa u erbgħin Lira Maltija (Lm24,623,144) mill-bejgħ ta' proprjeta' tad-Dipartiment tal-Artijiet u tal-Uffiċċju Konġunt.
Matul is-sena 2006, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' proprjeta' tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (BORG, TONIO)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal proprjeta' mikrija mingħand il-privat. Ninsab infurmat illi l-informazzjoni dwar tali kirjiet hi kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Matul is-sena 2006, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' xtieli/pjanti tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fid-dekasteru tiegħi ma kien hemm l-ebda infieq tat-tip kif indikat fil-Mistoqsija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex mhux il-gwardjani kollha fil-CCF huma ntitolati għall-allowance ta' Lm45 fix-xahar? Min hu ntitolat għalihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li dawk il-gwardjani li huma intitolati għall-allowance ta' ħamsa u erbgħin (Lm45) lira fix-xahar huma dawk li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti skond in-"New Salaries & Conditions of Service of the Corradino Correctional Facility" li kien ġie iffirmat fit-13 ta' Mejju 1994, fl'Uffiċċju tal-MPO.
Pulizija — Rapporti ta' serq minn knejjes u istituti reliġjużi
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rappurtati serqiet minn knejjes u istituti reliġjużi matul is-sena 2006? Jista' jgħid fejn saru l-każi u jekk ittellgħex xi ħadd il-qorti dwar l-istess każi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, il-Pulizija kellha 18-il rapport ta' serq minn knejjes u 7 minn istituzzjonijiet reliġjużi kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. F'każ minnhom, persuna li kienet rrapurtat portmoni misruq, infurmat lill-Pulizija aktar tard li l-portmoni ma kienx misruq imma kienet insietu warajha d-dar, filwaqt li dwar żewġ każi oħra ittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ilu ma jkun hemm pulizija li jingħataw ċans li jieħdu kors full-time l-Universita'? X'inhi l-possibbilta' li fil-futur qarib jerġa' ikun hemm dawn l-okkażjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-aħħar sponsorship għall-korsijiet full time fl-Universita' lill-membri tal-Korp tal-Pulizija, kien sar fis-sena 2000, fejn kienu ġew sponsorjati seba' membri tal-Korp wara li kienet saret sejħa għall-applikazzjonijiet. Għalissa għad m'hemmx il-ħsieb li ssir sejħa għall-applikazzjonijiet għall-korsijiet full time sponsorship fl-Universita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-ismijiet ta' persuni rappurtati nieqsa u li ma nstabux dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mis-sena 1997 l'hawn hemm 32 persuna li kienu ġew irrapurtati nieqsa u s'issa għadhom ma ġewx rintraċċati.
Ma nħossx li huwa prudenti li jingħataw l-ismijiet ta' dawn il-persuni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' hit and run matul is-sena 2006, xahar b'xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Diċembru tas-sena 2006, ġew irrapurtati lill-Pulizija ħdax-il każ fejn persuni ntlaqtu minn vettura li baqgħet sejra, kif jidher hawn taħt:
Jannar1
Frar1
Marzu1
April0
Mejju1
Ġunju0
Lulju0
Awissu3
Settembru0
Ottubru2
Novembru0
Diċembru2
Pulizija — Ċittadin Malti li daħħal splussiv mill-Bulgarija
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ġara mill-każ li kien qed jiġi nvestigat mill-pulizija meta s-sajf li għadda ċittadin Malti kien daħħal splussiv mill-Bulgarija? Fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija? Saru kuntatti ma' l-awtoritajiet Bulgari? Tressaq xi ħadd il-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni dwar il-każ fejn persuna kienet instabet li kellha xi materjal pirotekniku fil-valiġġa mal-wasla tagħha fuq titjira mill-Bulgarija, mistenni li tkun konkluża dalwaqt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'Diċembru 2006 u f'Jannar sa l-20 ta' Frar kemm inqabdu tfal taħt l-eta' f'postijiet ta' divertiment? Liema kienu l-bars, discos, etc. u f'liema lokalitajiet? X'passi ttieħdu? Kien hemm sidien li kienu riċedivi? Jista' jgħid ukoll jekk hux qed issir distinzjoni jew le fejn ikun hemm bars li huma non-alcoholic?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Diċembru 2006 u l-20 ta' Frar 2007, il-Pulizija bdiet proċeduri quddiem il-Qorti kontra 9 persuni responsabbli minn postijiet ta' divertiment, 1 minnhom reċediv, wara li kienu nstabu 10 persuni taħt is-sittax-il sena f'postijiet ta' divertiment ġewwa Ħal Luqa, Wied il-Għajn, San Ġiljan, u r-Rabat Għawdex.
Infurmat ukoll illi r-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment ma jagħmlux distinzzjoni bejn postijiet ta' divertiment fejn jinbiegħ l-alkoħol jew le.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tal-kumitat imwaqqaf apposta biex jistudja r-regolamenti tad-divertiment? Meta mistenni li jiġi ppubblikat dan ir-rapport?
Response (BORG, TONIO)
Il-Kumitat avvanza ħafna fix-xogħol tiegħu u ltaqa' diversi drabi.
Malli jkolli r-Rapport, inpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li mill-uffiċini tal-pulizija fir-Rabat, Għawdex tneħħew xi pulizija u li in konsegwenza ta' dan inħoloq inkonvenjent lill-pubbliku għax qed idum iktar ma jinqeda, jista' l-Viċi Prim Ministru jindirizza din il-problema?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent fl-uffiċċju tal-Pulizija ġewwa r-Rabat Għawdex hemm jaħdmu 8 membri tal-Korp flimkien ma' 3 impjegati tas-servizz ċivili. Dan in-numru huwa kkunsidrat suffiċjenti sabiex ilaħħaq max-xogħol li jsir f'dan l-istess uffiċċju.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija li jiġu posted ma' l-immigranti rregolari jingħatawx xi tip ta' allowance?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dawk il-membri tal-Korp tal-Pulizija li jkunu assenjati biex jagħmlu xogħol fuq bażi permanenti fiċ-ċentri ta' akkomodazzjoni għall-immigranti irregolari jingħataw l-special duty allowance ta' Lm45 fix-xahar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min hu l-inkwilin rikonoxxut ta' kamra fil-Belt Valletta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hija rekwiżizzjonata?
Response (BORG, TONIO)
Proprjeta' rekwiżizzjonata m'hiex amministrata mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Membru jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jaqbilx miegħi l-Viċi Prim Ministru li fil-liġi tagħna m'hemm xejn li jiddefinixxi x'inhu żwieġ u għalhekk għandha ssir definizzjoni fil-Liġi taż-Żwieġ sabiex turi li żwieġ għandu jkun bejn tnejn li twieldu mara u raġel?
Response (BORG, TONIO)
Ma hemmx dubju li fl-Att dwar iż-Żwieġ hu ċar li żwieġ jista' jsir bejn raġel u mara.
Id-digriet tas-Sekond'Awla li biha transessswali ingħata d-dritt li japplika għat-tnidijiet ta' żwieġ, qed jiġi kontestat mid-Direttur Reġistru Pubbliku b'rikors preżentat fit-23 ta' Frar, 2007.
Armi tal-kollezzjonijiet — Ipproċessar ta' liċenzji u trasferimenti
Question
Peress li qed ikun hemm dewmien fl-ipproċessar ta' liċenzji u trasferimenti ta' l-armi tal-kollezzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal xiex inhuwa attribwibbli dan id-dewmien u jindirizza din il-problema?
Response (BORG, TONIO)
Skond ma jien infurmat ma jidhirx li qed ikun hemm xi dewmien kif imsemmi. Pero' jekk l-Onorevoli Interpellanti taf b'xi każ partikolari, napprezza jekk tagħtini aktar tagħrif sabiex inkun nista' nivverifika ulterjorment.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal kemm-il sular għoli huma mgħammra l-fire engines tad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili f'każi ta' nirien jew emerġenzi? Jista' jgħid jekk id-dipartiment jiġix ikkonsultat f'każi fejn ikun qed jintalab permess għal xi żviluppi ta' torrijiet, proġetti residenzjali estensivi jew fit-tibdil ta' xi policies rigwardanti l-għoli tal-bini? X'inhi l-pożizzjoni tad-dipartiment fuq din il-materja u jekk qattx saru xi konsultazzjonijiet li fihom ħa sehem id-dipartiment sabiex kulħadd ikun qed jiġbed ħabel wieħed fejn tidħol is-sigurta' tal-proprjeta' u n-nies?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jippossjedi erba' vetturi kull wieħed mgħammar b'sellum mekkanizzat magħruf bħala 'turntable ladder'. Wieħed minn dawn jilħaq għoli ta' 37 metru jiġifieri għoli ta' 13-il sular, ieħor jlahhaq 32 metru, jiġifieri 10 sulari u tnejn oħra li jlaħħqu għoli ta' 24 metru jew 8 sulari.
Hija proċedura normali li l-MEPA tikkonsulta lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili rigward ħruġ ta' permessi għall-iżvilupp ta' torrijiet, proġetti residenzjali estensivi jew rigward policies dwar l-għoli tal-bini.
Id-Dipartiment dejjem jaghti l-kontribut tiegħu flimkien ma' suġġerimenti li jkunu meħtieġa f'kull każ partikolari. B'hekk kemm il-perit kif ukoll id-diżinjatur tal-binja jiġi mgħarraf dwar il-htiġjiet ta' dan id-Dipartiment bħal ma huma stallazzjonijiet ta' rising mains, enslosed staircase, fireman's lift, detection system u fixed installation li titfi in-nar awtomatikament. B'hekk jigi żgurat li persuna tad-Dipartiment jkollu aċċess ghall bini minn ġewwa, speċjalment fejn il-bini jlaħħaq aktar minn tlettax-il sular.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema li għandu kull kunsill lokali, lokal b'lokal? Jista' jgħid min hu responsabbli għall-ħlas tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali matul is-sena 2006, lokal b'lokal? X'kien l-ammont li suppost inġabar minn dawn iċ-ċitazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.