Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjiegi — Assistenti soċjali każwali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn meta l-assistenti soċjali każwali saru part-timers bid-drittijiet il-ġodda? Konxju l-Viċi Prim Ministru li meta dawn it-tizji jkellmu l-in-charge tagħhom dawn igħidulhom li ma jafu b'xejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-assistenti soċjali każwali huma kkunsidrati li saru part-timers b'seħħ mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena. Dawn l-impjegati ser jiġu nfurmati bid-dettalji dwar il-kundizzjonijiet ġodda tagħhom kif jiġu finaliżżati l-arranġamenti amministrattivi meħtieġa.

Sigurta' Soċjali — Għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament tnaqqsilha l-għajnuna soċjali meta din ma taqbiżx is-somma stipulata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ser tiġi nfurmata personalment bl-eżitu tal-każ tagħha.

Għaqda Step by Step — Persuni ħandikappati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-għaqda Step by Step li taħdem ma' persuni mentalment ħandikappati tistax tingħata xi forma ta' għajnuna, speċjalment f'għoti ta' post minn fejn jistgħu jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni Step by Step gawdiet minn għotjiet finanzjarji li jingħataw lil Support/Self-help Groups żgħar taħt il-Vot ipprovdut apposta għall- NGOs. Filwaqt li l-Gvern japprezza u jirrikonoxxi l-għajnuna li support u self-help groups bħal Step by Step jagħtu lill-klijenti tagħhom, l-Onor. Interpellant jefhem li mhux possibbli li jipprovdilhom ukoll akkomodazzjoni.

Sigurta' Soċjali — Servizz ta' telecare/homehelp

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-koppja anzjana li ilha ġimgħat li applikat għal dan is-servizz u li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata s-servizz tat-telecare u l-home help?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment qatt ma rċieva applikazzjoni għas-servizz tat-Telecare u l-Home Help mingħand il-persuna ndikata.

Sigurta' Soċjali — Servizz tat-telecare

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jingħata s-servizz tat-telecare lill-anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni għas-servizz tat-Telecare tal-persuna msemmija waslet fid-Dipartiment f'Settembru 2002 u għaddiet għand il-Maltacom fl-istess xahar.

Ministeru tal-Politika Soċjali — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Minsitru jgħid kemm hemm impjegati jaħdmu fil-Ministeru tiegħu u fis-Segretarjat Parlamentari? Xi grad għandhom u x'funzjoni jaqdu? Kemm hemm on loan minn xi dipartiment ieħor? Kemm hemm bil-kuntratt? X'inhu s-salarju tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Numru 38415 f'din l-istess Seduta.

Sensji ta' ħaddiema

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm ġew issensjati ħaddiema minn Jannar sa Diċembru tas-sena 2002? Minn liema settur kienu ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta' persuni li rreġistraw għax-xogħol bejn Jannar u Diċembru 2002 wara li ġew redundant u minn liema settur kienu ġejjin. Infakkar li matul l-2001 u l-2002 kien hemm ċirkostanza partikolari li laqtet numru sostanzjali ta' ħaddiema impjegati ma' supermarket. Jekk dan jittieħed in konsiderazzjoni, allura t-total ta' sensji għas-sena 2002 hu fil-livell tas-snin preċedenti, nkluż fl-1997 meta kellna 2,300 sensja.

Għalliema — Institute of English Language Studies

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fil-preżent hemmx numru ta’ għalliema fosthom ma l Institute of English Language Studies f’tas-Sliema li qegħdin fuq kuntratt defenit u dawn ilhom hekk għal aktar minn ħmistax il-sena? Għalkemm il-kuntratt ma jiġix iffirmat kull sena huwa mifhum li jiġi mġedded. Taħseb li dan huwa sewwa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Riċentement bis-saħħa tal-liġi ġdida dwar il-kundizzjonijiet tal-impieg, ħarġu regolamenti ġodda li jirregolaw impiegi fuq kuntratt għal terminu ta' żmien fiss. Il-provvedimenti ta' dawn ir-regolamenti jiġu nfurzati mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impieg. Il-persuni konċernati għandhom jieħdu parir legali u/jew javviċinaw lid-dipartiment.

Tas-Sliema — Għalliema

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-għalliema fulltime fl-Institute of English Studies ta’ Triq Mattew Pulis f’ Tas-Sliema, li qed jiġu mpjegati regolarment fuq kuntratt defenit minn sena għal sena, u dan għal aktar minn ħmistax-il sena huwiex skond il-liġi? Xi protezzjoni għandhom dawn minn tkeċċija bla raġuni meta jintemm il-kuntratt kull sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 38298 f'din l-istess Seduta.

Liġi tal-impjiegi — Tnaqqis if-sigħat tax-xogħol

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jara li, wara d-dħul fil-liġi tal-impjiegi fejn jidħol il-part time ma jibdewx isiru tnaqqis fis-sigħat biex b’hekk jiġi evitat li jitħallsu bonus, leave u benefiċċji oħra pro rata? X’passi ttieħdu s’issa sabiex jieqaf dan l-abbuż minn xi wħud? Ma jaħsibx il-Ministru li għandu jiġi dikjarat li kull min jieqaf jaħdem għall ħmistax-il siegħa meta ħarġet din l-emenda fil-liġi ma jistax jitlef il-benefiċji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sakemm il-bdil fil-kundizzjonijiet ta' l-impieg isiru skond ma tippermetti l-liġi, dan ma jistgħax jiġi miżmum li jsir. F'dawk il-każijiet fejn ikun allegat li sar xi ksur tal-liġi, d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impieg jibgħat spetturi jinvestigaw u, fejn ikun hemm bżonn, jittieħdu l-passi kollha neċessarji skond il-liġi.

Taħriġ u edukazzjoni

Question

Xi pjani hemm maħsuba għal taħriġ u edukazzjoni għaż-żgħażagħ diżabbli wara li jagħlqu s-16-il sena biex jitħejjew għax-xogħol u l-ħajja? X'iniżjattivi ttieħdu f' dan il-qasam fl-aħħar erba' snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Tfal — Private adoptions

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 38093 u cioe' jgħid x'inhi l-policy tal-gvern dwar private adoptions tat-tfal? Kemm hu n-numru ta' talbiet għal private adoptions pendenti? Kemm saru private adoptions matul dawn l-aħħar erba' snin kull sena separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Adozzjoni privata ssir minn koppja jew individwu eliġibbli skond il-Liġi Maltija dwar Adozzjoni b'rikors fis-Sekond'Awla. Mar-rikors jiġu ppreżentati ċertifikati u dokumenti tal-applikanti kif ukoll kunsens tal-ġenituri tal-minuri li jkun ser jiġi adottat. Skond l-Artiklu 116 (2) Cap. 16 tal-Kodiċi Civili, d-Direttur tal-Ħarsien tal-Familja jiġi nfurmat dwar l-adozzjoni mill-Avukat li jressaq ir-Rikors. Fid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Familja hemm 4 talbiet pendenti t'adozzjonijiet privati li qed isir xogħol fuqhom. Mill-1998 sal-2001 saru 61 adozzjonijiet privati. Minn dawn 15 saru fl-1998, 17 fl-1999, 14 fl-2000 u 15 fl-2001.

Awtorita' tad-Djar — Akkomodazzjonijiet diversi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid matul laħħar sentejn kemm kien hemm applikazzjonijiet lill-Awtorita' tad-Djar għall-akkomodazzjoni minn:- 1) koppji miżżewġa ġodda; 2) individwi/familji b'akkomodazzjoni sub-standard; 3) għarajjes; u 4) individwi bi bżonnijiet speċjali? Kemm units ġew allokati u lil liema kategorija? Kemm kienet il-kontribuzzjoni lejn it-taxxa fuq dokumenti u trasferimenti mħallsa mill-Awtorita' tad-Djar u/jew id-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali fuq il-proprjeta' allokata f'kull każ, jekk kien hemm? Kemm kienet il-kontribuzzjoni ta' dawk li bbenefikaw mill-għotja lejn it-taxxa li titħallas fuq id-dokumenti u trasferimenti, jekk kien hemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija. L-Awtorita' tad-Djar ma tħallasx taxxa fuq dokumenti u trasferimenti ta' proprjeta'. It-taxxa dovuta mix-xerrejja tinġabar direttament minn nutara magħżula mix-xerrejja stess u għalhekk l-Awtorita' m'għandhiex l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.

Tarzna — Assigurazzjoni

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tat-tarzna humiex inxurjati? Jista’ jgħid x’jiġri f’każ li persuna tweġġa waqt il-qadi ta’ dmirijietha fit-tarzna, u għall xiex intitulata u jista' jgħid ukoll jekk ħaddiem li jweġġa gravi fit-Tarzna għandhux dritt jara l-poloz ta’ sigurta’ jekk din teżisti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Aġenzija Appoġġ — Collective agreement

Question

Meta hu maħsub li jiġi ffirmat il-collective agreement mas-Social workers tal-Aġenzija Appoġġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-ftehim kollettiv li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant ġie riferut lit-Tribunal Industrijali. Ninsab infurmat li s-seduta li jmiss tat-Tribunal dwar dan il-ftehim ġiet aġġornata għal 25 ta' Frar 2003.

Pensjoni

Question

Jista' il-Ministru jara kif mara armla li l-partikularijiet tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija għal dawn l-aħħar snin qed tinaqgħtalha Lm12.35 fix-xahar u qiegħda tispiċċa b'pensjoni ta' Lm11.21? Tista' tiġi nfurmata għaliex qiegħda tinqata' din is-somma meta fit-28.2.01 kulma kellha tagħti kienet biss Lm52.00?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li dwarha saret id-domanda ġiet infurmata personalment bl-eżitu tal-każ tagħha.

Servizz tat-telecare — Maltacom

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk f' dan l-aħħar xahar żmien inqalgħux problemi dwar is-servizz tat-telecare minħabba xi differenzi li hemm mal-Maltacom? Jista' jgħid x'soluzzjoni qed tiġi suġġerita sabiex persuni li qed jistennew dan is-servizz jingħatalhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tat-Telecare baqa' jingħata lil min jikkwalifika għalih dejjem bl-għajnuna tal-Maltacom.

Sigurta' Soċjali — Qassisin li jieħdu l-pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn qassisin li qabżu s-60 sena ġo Malta, Għawdex u Kemmuna? Kemm minn dawn qegħdin jirċievu l-pensjoni ta' l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi li (a) fil-każ ta' l-iskema kontributorja, persuna assigurata tkun intitolata għall-pensjoni għal min jirtira jekk fost ħwejjeġ oħra, tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet dwar n-numru ta' kontribuzzjonijiet mħallsa jew akkreditati lilha, u (b) fil-każ ta' l-iskema mhux kontributorja, din trid tkun tissodisfa t-test tal-meżżi. Il-vokazzjoni reliġjuża mhix kriterju li fuqu l-liġi tibbaża d-dritt għall-pensjoni. Għaldaqstant id-Dipartiment qatt ma ħass il-ħtieġa li tinżamm statistika kif qed jitlob l-Onor. Interpellant.