Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #24382 Sitting 516 2001-03-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Prescribed Fund

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għall-miżuri leġislattivi dwar l-introduzzjoni ta' withholding tax fuq l-iskemi ta' investiment kollettiv billi l-Ministru qal fil-parlament li il-provizjonijiet il-ġodda tal-liġi ġew fis-seħħ mill 01.03.2001, il-Gvern biħsiebu: - jagħti definizzjoni ċara u leġali ta' x'jemmen b'prescribed fund? - joħroġ ir-regoli li jiddeterminaw kif ser tiġi deċiża ir-rata speċifika tal-applikazzjoni tal-withholding tax li tvarja bejn 10-15%?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-regolamenti dwar il-mod kif se tkun applikata l-Withholding Tax fuq skemi ta' investiment kollettiv ġew ippublikati f'avviż legali fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tal-14 ta' Marzu 2001.
Leg 9 PQ #24383 Sitting 516 2001-03-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Kontijiet Pendenti — Accruals

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma il-kontestazzjonijiet li hemm dwar il-kontijiet pendenti f'forma ta' accruals li għandhom l-istess ministeru tal-finanzi, id-dipartiment tat-taxxi interni flimkien mad-dipartiment tat-turiżmu?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-diffikultajiet dwar il-kontijiet pendenti f’forma ta’ accruals li kellu d-Dipartiment tat-Taxxi Interni ġew iċċarati u għalhekk ma għadhomx ikkontestati. Għar-rigward tal-Ministeru tal-Finanzi, l-accruals ikkontestati huma kontijiet li m'għandhomx iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #24384 Sitting 516 2001-03-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Toroq — Kontijiet Ikkontestati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kontijiet tad-dipartiment tat-toroq li huma ikkontestati? X'inhuma ir-raġunijiet għal dawn id-disput? Kemm imorru lura fis-snin dawn il-kontijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 23261 f'seduta 510.
Leg 9 PQ #24386 Sitting 516 2001-03-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Divizjoni tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-kontijiet fl-idejn tal-infieq rikurrenti u dak kapitali marbutin mad-divizjoni tas-saħħa?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 23261 f'seduta 510.
Leg 9 PQ #24387 Sitting 516 2001-03-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru għal Għadex

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-ammont totali pendenti għall-Ministeru għall-Għawdex għas-sena 2000 f'dawk li huma kontijiet fl-idejn u kontijiet li ma daħħlux ilaħħqu b'kollox Lm 450,200 u mhux Lm 252, 181 kif intqal fil-Parlament.

Response (DALLI, JOHN)

Nikkonferma li l-ammont totali meta jingħaddu ċ-ċifri mogħtija għall-Ministeru għal Għawdex fir-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 23261 f'seduta 510 ilaħħaq Lm450,200.
Leg 9 PQ #24413 Sitting 516 2001-03-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Denunzja — Multa

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna bin-numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT 1349-8420 li qatt ma biegħ prodotti agrikoli lil pitkali jew ko-operattivi u qatt ma talab refund, ġiet immultata is-somma ta' Lm 222 għax bagħt id-denunzja tard minħabba f'mard minkejja li oġġezzjona kemm-il darba, s'issa din is-somma baqgħet l-istess? Jista' jara li jiġi rimedjat dan il-każ?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-każ li irrefera għalih qed jiġi trattat u l-persuna ikkonċernata ser tirċievi risposta fi żmien qasir. Ta’ min jinnota, iżda, li kontra dak li ntqal fil-mistoqsija parlamentari, matul il-perjodu Jannar 1995 sa’ Ġunju 1997, il-persuna ikkonċernata kienet iddikjarat ammont ta’ bejgħ u fil-fatt kienet talbet ammont ta’ refund ta’ VAT lura. Ta’ min jinnota wkoll li l-persuna ikkonċernata kienet bagħtet id-denunzja tat-taxxa tard bi ħdax-il xahar u għaldaqstant weħlet multa ta’ Lm222. Dwar dan għamlet żewġ oġġezzjonijiet: l-ewwel oġġezzjoni għamlitha fit-13 ta’ Settembru 1999, fejn il-persuna ikkonċernata sostniet li d-Dipartiment ma kienx avżaha li għandha tibgħat id-denunzja tat-taxxa. Din l-oġġezzjoni ma ġietx milqugħa mid-Dipartiment. It-tieni oġġezzjoni għamlitha fit-3 ta’ Diċembru 2000, fejn il-persuna ikkonċernata iddikjarat li ma kienetx bgħatet id-denunzja minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Fil-fatt il-persuna kkonċernata issottomettiet ċertifikat mediku fis-27 ta’ Frar 2001 inqas minn ħmistax-il ġurnata ilu.
Leg 9 PQ #24156 Sitting 514 2001-03-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Skejjel Indipendenti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li nhar il-ġimgħa, 16 ta' Frar, iltaqa ma' kapijiet tal-iskejjel indipendenti? Jista' jgħid jekk din il-laqgħa kienetx dwar l-għajnuna li l-Gvern se jagħti lill-ġenituri li jibgħatu it-tfal f'dawn l-iskejjel?

Response (DALLI, JOHN)

Nikkonferma li saret laqgħa ma' kapijiet ta' skejjel indipendenti. F'din il-laqgħa ssemmiet l-għajnuna li l-Gvern se jagħti lill-ġenituri li jibgħatu i-tfal f'dawn l-iskejjel.
Leg 9 PQ #24371 Sitting 514 2001-03-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Accruals

Question

B'riferenza għall-figuri tal-accruals pendenti li l-Ministru qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, hemm xi pagamenti over and above li ġie miftiehem li jingħataw lill-kuntratturi fil-ġejjieni fuq medda ta' snin għall-xogħol li diga sar? Jekk iva, kemm hemm każi simili u xi jlaħħqu dawn l-ammonti sena b'sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #22460 Sitting 513 2001-03-13 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Finanzi

Lottu — Logħob

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar logħob u rebħ fuq Super 5, tiritombla, lottu, lotterija nazzjonali tul is-sena 2000? Kemm kienu dawk ir-rebħiet li ma ssarfux?

Response (DALLI, JOHN)

Inqieghed fuq il mejda tal-kamra informazzjoni mitluba dwar logħob organiżżat mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku għas-sena 2000: LOGĦ BA LOGĦ OB LM REBĦ LM REBĦ MHUX IMSARRAF LM LOTTU TAS-SIBT 11,259,620 6,792,130 126,495 SUPER FIVE 7,705,918 3,716,789 76,787 LOTTERIJA NAZZJONALI 1,246,929 1,026,797 19,000 TIRITOMBLA 448,027 206,829 2,057 PRESTO 885,002 504,612 * *Billi l-lobgħa tal-Presto Instant Lottery hija kontinwa u hi magħmula minn biljetti ta’ logħbiet differenti mhux possibli li wieħed ikun jaf kemm premijiet ma ġewx imsarrfa.
Leg 9 PQ #22521 Sitting 513 2001-03-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Lottu

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2000 kemm kien it-total ta' flus li ntlagħbu fuq: (1) il-lottu tas-Sibt; (2) fuq is-Super Five; (3) il-Lotterija Nazzjonali; (4) logħob ieħor organizzat mid-dipartiment tal-Lotto? X'kien ir-rebħ f'kull każ? Kemm kien hemm rebħ li ma ġiex imsarraf?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'ghandi xejn xi nzied mar-risposta li tajt fil- mistoqsija parlamentari numru 22460.
Leg 9 PQ #24290 Sitting 513 2001-03-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Revenue Security Corps — VAT Department

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li nies mir-revenue security corps li hemm mal-VAT department mhumiex jieħdu allowance li għandhom VAT inspectors oħrajn għaliex qegħdin b'self mill-RSC?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-membri tar-Revenue Security Corps li fil-preżent qed jagħtu servizz lid-Dipartiment tal-VAT f’xogħol konness ma’ spezzjonijiet fuq barra dwar għoti ta’ rċevuti fiskali m’humiex impjegati tad-Dipartiment u għaldaqstant għadhom iżommu l-istess status li kellhom qabel.
Leg 9 PQ #24201 Sitting 512 2001-03-13 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Income Tax

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' flus dovut liċ-ċittadini bħala ħlas lura ta' flus imħallsa żejda minnhom permezz ta' l-income tax?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sat-28 ta' Frar, l-ammont kien ta' Lm17,825,725.
Leg 9 PQ #24203 Sitting 512 2001-03-13 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Income Tax — Refunds

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qiegħed jieħu sabiex jara li l-flus li matul is-snin tħallsu żejda, jitħallsu lura fl-iqsar żmien possibli? Sa meta huwa mistenni li dawn il-flus imħallsa żejda f'income tax ser jingħataw lura mill-gvern liċ-ċittadini?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kull sena l-Gvern jipprovdi somma ta’ flus fl-Estimi Ġenerali biex ikunu jistgħu jitħallsu r-refunds tat-taxxa dovuti sas-sena ta’ stima 1998. Għal din is-sena, l-istess bħalma kien hemm għas-sena 2000, hemm ivvotati Lm3 miljuni. Bħalma sar is-sena l-oħra fejn tħallsu Lm1.77 miljun f’refunds aktar mill-flus ivvotati fl-Estimi Ġenerali, din is-sena wkoll jittieħdu l-istess passi jekk jinqabżu l-miri tad-Dipartiment mid-dħul tal-Income Tax, biex b’hekk l-ammonti dovuti f’refunds ikunu jistgħu jitħallsu f’inqas żmien.
Leg 9 PQ #24236 Sitting 512 2001-03-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Central Supplies

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm iffranka flus bix-xiri diċentralizzat għas-supplies tad-dipartimenti tal-gvern eċċ. minn kemm ilu li għalaq is-central supplies?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mhux possibbli li jingħata t-tagħrif kif mitlub fil-Mistoqsija għaliex id-Dipartiment tal-Kuntratti, li taħt l-amministrazzjoni tiegħu kienet għaddiet is-Central Supplies, m'għandux informazzjoni dwar x’intefaq qabel u x’qed jintefaq issa minn kull dipartiment jew korporazzjoni fuq items li ma baqgħux jiġu maħżuna fl-istess Section li llum hija magħluqa. Irrid ngħid illi skond ir-Regolamenti dwar Xiri mis-Servizz Pubbliku, d-Dipartiment tal-Kuntratti huwa obligat li jagħti regolarment kuntratti, wara sejħiet għall-offerti, għal dawk li nsibuhom bħala Common User Items l-aktar importanti, bħal per eżempju: xerographic/duplicator paper bil-watermark, toilet paper, żebha (użu differenti), envelopes, ready mixed concrete, uniformijiet, żraben eċċ. Għal kull kuntratt tinħareġ ċirkulari lid-dipartimenti u korporazzjonijiet kollha fejn jingħataw struzzjonijiet li x-xiri ta dawn l-items irid isir mingħand il-kuntrattur magħżul bil-prezz aċċettat mill-Gvern u għal perjodu stabbilit. Dan ifisser li l-gvern baqa’ jixtri ħafna common user items bl-orħos prezz possibbli, iżda mingħajr ma jaħżen kwantitajiet kbar minn dawn l-items bil-konsegwenza li dawn ġieli ma jibqgħux tajbin u b’hekk tirriżulta ħela kbira. Is-sitwazzjoni issa hija li kull dipartiment jixtri l-kwantitajiet li għandu bżonn u jħallas għalihom mill-ewwel u mhux bħal ma kien jiġri fl-imgħoddi li ġieli ittieħdu l-affarijiet u l-ħlas lis-Central Supplies Section ma sar qatt.
Leg 9 PQ #24195 Sitting 511 2001-03-12 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġux xi direttivi jew struzzjonijiet mill-gvern, ministeri jew dipartiment oħra tal-gvern lid-dipartiment ta' l-Inland Revenue, sabiex statements (TX51/52) li juru li ċittadin għandu jagħti lill-gvern f'sena partikolari jinħarġu, filwaqt li oħrajn ta' l-istess ċittadin, iżda ta' snin oħra li juru li għandu jieħu, ma jinħarġux? X'passi se jieħu l-Ministeru sabiex jara li l-istatements msemmija jibdew jinħarġu kollha f'daqqa sabiex kull ċittadin ikollu stampa ċara ta' x'inhu l-bilanċ tiegħu skond id-dipartiment tat-taxxi tal-ġurnata li fiha jinħarġu l-istatements?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma nħarġu l-ebda direttivi jew struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni sabiex lis-statements TX51/52 (kontijiet għall-assessments tat-taxxa) ta’ xi individwi partikolari ma joħorġux f’daqqa. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, individwu jkollu assessment wieħed u għalhekk joħroġ mingħajr diffikultajiet. F’dawk il-każi fejn individwu jkollu aktar minn statement wieħed x’joħroġ għax ikunu nħadmu diversi assessments f’daqqa, jista’ jagħti l-każ li xi wħud jinżammu mill-kompjuter minħabba xi diskrepanzi jew minħabba li xi assessments ikunu jridu jiġu ivverifikati manwalment. Biex ma jinżammx il-proċess kollu, is-sistema kompjuterizzata tad-Dipartiment dejjem ħasbet biex dawk lis-statements li ma jkollhomx bżonn ikunu iċċekkjati manwalment, joħorġu. Kif jaf l-Onororevoli Interpellant, mill-1999 is-sistema tal- assessments inbidlet meta daħlet is- Self Assessment System u għalhekk mhux se jkun hemm aktar il-ħtieġa li joħroġ iżjed minn statement wieħed f’xi ħin.
Leg 9 PQ #24196 Sitting 511 2001-03-12 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Imgħaxijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ġust li bħalma ċittadin irid iħallas imgħax fuq flus li jkollu jagħti lill-gvern bi dritt, hekk ukoll ċittadin li għandu jieħu flus mingħand il-gvern għandu wkoll bi dritt, jitħallas imgħax speċjalment jekk dawn il-flus qed jinżammu milli jitħalsu lura permezz ta' burokrazija li qed titħaddem għal raġunijiet finanzjarji tal-gvern, u mhux għax l-informazzjoni hija nieqsa?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern preżenti jirrealizza li hu ġust li, min għandu jieħu lura flus li jkun ħallas lil dipartiment u li ma kienux dovuti minnu, dan għandu jkun kumpensat b'imgħax meta jissodisfa ċerti kriterji. Hekk, per eżempju, l-liġi tal-VAT u l-emendi li saru rigward rifużżjonijirt ta' "Income Tax" mis-sena 2000 'il hawn jaħsbu għal tali eventwali. Iżda l-Onorevoli Interpellant japprezza li jkun diffiċli li wieħed imur lura wkoll fuq snin passati. Li qed jiġri, iżda, per eżempju fl-"Income Tax", bis-sistema li ntroduċa l-Gvern, darba jinqatgħu l-arretrati, arretrati ġodda ma jiġux ikkrejati. Fl-istess ħin, tajjeb jingħad li, fuq arretrati antiki ta' "Income Tax" li taxpayer għandu jagħti lill-Gvern, ma jiġux mitluba imgħaxijiet, kemm-il darba l-individwu iżomm mal-ftehim li permezz tiegħu jintrabat li jħallas l-arretrati dovuti lid-Dipartiment.
Leg 9 PQ #24227 Sitting 511 2001-03-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

EUR 1 Certificates

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23908?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 23908 f'seduta 510.
Leg 9 PQ #24230 Sitting 511 2001-03-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Tuniżja — Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23843?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 23843 f'seduta 510.
Leg 9 PQ #24232 Sitting 511 2001-03-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Lottu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23912?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 23912 f'seduta 510.
Leg 9 PQ #24327 Sitting 511 2001-03-12 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru tal-Finanzi

Dwana — Abbużi

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga każi ta' allegat abbuż ta' poter minn ċertu uffiċjali tad-dwana fil-port tal-Belt fid-direzzjoni ta' passiġġieri Għarab fejn hu allegat li abbużivament qed jittieħdulhom affarijiet personali, ħwejjeġ, b'konfiska qabel joħorġu mill-pajjiż?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-investigazzjoni li saret ma rriżultax li kien hemm xi abbuż ta' poter minn uffiċjali tad-Dwana kif allegat minnu. Fil-fatt id-Dwana tidħol mill-inqas jew xejn fis-sala tat-tluq sew bil-baħar kif ukoll bl-ajru. Jekk l-Onorevoli interpellant għandu x'informazzjoni nitolbu jgħaddihieli, anki kunfidenzjalment, ħalli nkun nista' nindaga iżjed.