Tista' l-Ministru tara li l-anzjana minn Ħaż-Żabbar li tbati bid-dimesia tibbenefika mill-inizjattiva care and repair, minħabba li l-kamra tal-banju tagħha mhix adattata għall-ħtiġijiet tagħha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minn Ħaż-Żabbar ikollha l-pensjoni tagħha aġġornata u dan minħabba li qed ikollha tnaqqis ta' Lm16 inġustament? X'passi se jittieħdu mid-dipartiment?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' jitmexxa l-każ ta' ġuvni li applika għall-benefiċċju tal-wens peress li ommu għandha 85 sena, nieqsa mid-dawl u tinsab f'wheelchair u fil-kapaċita' tiegħi nħoss li għandu jibbenefika minn dan il-benefiċċju minħabba s-servizz li jagħti lill-ommu? Jista' dan il-ġuvni jiġi nformat bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
X'inhi l-pożizzjoni tal-liġi dwar koppja li tissepara bonarjament u tagħmel kuntratt bonarju iżda jibqgħu joqogħdu fl-istess dar, għax id-dar tkun tagħhom?
Jekk din il-koppja tkun għalqet is-60 sena, xi drittijiet għandha l-mara mic-cheque tal-pensjoni li jirċievi r-raġel? La darba jkun hemm kuntratt bonarju ta' separazzjoni approvat mill-qorti, il-mara tista' tapplika biex nofs ic-cheque jaqa' fuqha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija tirrigwarda l-għoti ta’ Għajnuna Soċjali mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, ninsab infurmata li, fil-każ indikat mill-Onor. Interpellant, il-koppja tista’ tikkwalifika separatament għall-Għajnuna Soċjali kemm il-darba ġġib provi għas-sodisfazzjon tad-Direttur li l-koppja tkun veru qed tgħix separatament u m’għandiex mezzi.
Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li jekk iż-żewġ partijiet ikunu jikkwalifikaw għall-Pensjoni ta’ l-Eta’ mhux kontributorja, fil-każ indikat, kull parti tirċievi l-pagament separatament. Jekk persuna mill-koppja jkollha dritt għall-pensjoni kontributorja, il-persuna l-oħra trid tagħmel rikors il-Qorti biex id-Direttur jaqsam l-ammont dovut f’porzjonijiet skond kif jiġi ordnat mill-Qorti, sakemm l-ammont tal-porzjonijiet ma jkunx diġa’ ġie ndikat fil-kuntratt tas-separazzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn single mothers fuq ir-relief illum? Kemm ingħataw flus f'relief u għajnuniet oħra s-sena l-oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li n-numru ta' single mothers li qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali preżentement hu 1,879 u li matul l-2006 din il-kategorija ta' persuni rċevew Lm3,571,780.63 f'Għajnuna Soċjali, allowances u benefiċċji oħra mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Tista' l-Ministru tgħid kemm qamet kull safra (spejjeż kollha nklużi) li saret matul l-2006 fejn kienet involuta hi, safra b'safra? Meta sar dan is-safar? Kemm damu ljieli? Fejn kienet id-destinazzjoni? Min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawha u x'karigi għandhom? Ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom għal akkomodazzjoni f'kull safra separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar il-livell ta' l-akkomodazzjoni irrid ngħid li fil-maġġor parti tal-Konferenzi u attivitajiet li attendejt għalihom barra, il-hotelsikunu speċifikament identifikati mill-organizzaturi.
Tista' l-Ministru tagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tagħha, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtha, għamel użu minnhom matul is-sena 2006? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn single parents illum u kemm hawn tfal jgħixu ġo single parent families?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ebda Dipartiment jew entita’ li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jżommu l-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmata wkoll li d-Dipartiment tas-Siġurta’ Soċjali jżomm statistika dwar il-persuni li qed jirċievu l-Allowance tat-Tfal. Skond din l-istatistika hawn 7,013 persuna klassifikata bħala single parent li qed jirċievu l-imsemmija allowance dwar 10,193 tifel u tifla.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm romol (irġiel u nisa) li għandhom anqas minn 60 sena li jgħixu f'Ħaż-Żabbar, Fgura u Wied il-Għajn u li qed jirċievu l-għajnuna soċjali mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid meta mistennija ssir l-ispezzjoni mill-ħaddiema tad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali fil-fond li jinsab f'Bormla?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li skond l-applikazzjoni pendenti li għandha mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma toqgħodx fl-indirizz indikat minnu u għalhekk għandu jagħtiha parir tavviċina, malajr kemm jista jkun, lit-Taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment biex temenda l-applikazzjoni tagħha.
Tista' l-Ministru tgħid x'passi ħa d-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali biex is-single parent ta' tarbija waħda mill-Isla li tgħix ma' seba' persuni oħra, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tieħu post alternattiv? X'tama hemm li t-talba tagħha tkun milqugħa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa każ ta' persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament biex idur b'missieru? Il-Każ huwa wieħed ta' bżonn kbir. Tista' din il-persuna tiġi nfurmata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' l-Ministru tara għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tnaqqsulha l-benefiċċji soċjali u dan b'detriment għall-għajxien tagħha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' l-Ministru tara x'passi se jittieħdu biex tkun irrimedjata s-sitwazzjoni ta' familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għamlet talba biex tixtri l-fond tagħha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li minn riċerka li għamlet l-Awtorita' tad-Djar irriżulta li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant għandha assi li l-valur tagħhom jeċċedi l-ammont stabbilit biex persuna tikkwalifika għas-sussidju taħt l-iskema Sir Sid Darek.
Tista' l-Ministru tgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006? Min huma l-persuni li huma ntitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-kontijiet tat-telephonefir-residenzi privati ta' uffiċjali governattivi taħt id-dekasteru tiegħi matul l-2005 u l-2006 kienu Lm3,879.67 u Lm2,811.66 rispettivament.
Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija ma narax li hi prudenza li nsemmu l-ismijiet fil-Parlament.
Tista' l-Minsitru tgħid fejn waslet l-applikazzjoni quddiem id-dipartiment ta' l-awtorita' tad-djar tal-persuna mill-Kalkara li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant għandha xi applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita'.
Tista' l-Ministru tara li l-anzjan Bormliż li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jibbenefika mill-għajnuna care and repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita' ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.