Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet quddiem l-awtorita' ta' l-ippjanar għall-bini ta' djar għall-anzjani? Minn min saret kull applikazzjoni? Meta? F'liema lokalita'? Kemm f'kull dar huwa propost li jieħu persuni bħala residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond is-sistema tal-informatika tal-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u Ippjanar fil-preżent hemm 17-il applikazzjoni għall-bini ta` djar għall-anzjani.
Id-dettalji mitluba dwar dawn l-applikazzjonijiet hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kummissarju tal-pulizija hux ser jirrikonoxxi l-ħidma taż-żewġ pulizija tal-mobile squad li ssugraw ħajjithom biex salvaw persuna fl-inċident fatali fit-triq tar-Rabat il-ġimgħa li għaddiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hija il-prassi tal-Korp tal-Pulizija li jirrikonoxxi azzjonijiet mill-membri tiegħu li jmorru l`hinn minn mid-doveri ta` kull Membru tal-Korp. Fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, l-investigazzjoni għadha għaddejja. Wara li din tkun konkluża, tittieħed l-azzjoni skond ma jirriżulta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-korp tal-Pulizija li bħalissa għandhom long service medal? Kemm ser jieħduha din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 200 membru tal-Korp tal-Pulizija li ingħatatilhom il-midalja għal servizz twil u effiċjenti. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi dan it-tagħrif ikun magħruf meta din tkun ser tingħata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-korp tal-pulizija bħalissa li diġa' għalqu 25 sena fil-korp? Kif inhuma mqassma f'ranks? Jista' jgħid ukoll kemm huma membri fil-korp li din is-sena għalqu/ser jagħlqu il-61 sena u b'hekk spiċċaw/ser jispiċċaw din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija li fil-preżent għandhom 25 sena servizz, huma kif ġej:
GRAD
NUMRU
Kummissarju
1
Deputat Kummissarju
1
Assistant Kummissarju
4
Supretendent
12
Spettur
10
Surġent Maġġur
1
Surġent
46
Kuntistabbli
97
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul din is-sena m`hemm l-ebda membru tal-Korp li ser jagħlaq il-61 sena.
B'riferenza għat-talba pendenti ta' ATLAM sub aqua club sabiex jingħataw premises ġodda għall-club minħabba li l-post li jokkupaw fil-preżent huwa fi stat deterjoranti ħafna u kkundannat minn perit, jista' l-Ministru jirrimedja t-talba mill-aktar fis possibbli? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` ma irċeva l-ebda talba mill-Atlam Sub Acqua Club sabiex jingħata xi proprjeta`. F`każ li jagħmlu dit-talba, tiġi referita lill-Kunsill Malti dwar l-Isports, u wara d-deċiżjoni tal-Kunsill, id-Dipartiment jikkonsidra t-talba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet mill-pulizija biex jiġi żgurat li s-sidien tal-karozzi tal-linja mhux qed iħalltu l-pitrolju mad-diesel u dan mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena? X'riżultati kien hemm?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu imsemmi l-Pulizija ma għamlitx spezzjonijiet kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, lanqas ma kellha xi talba f`dan is-sens mill-Awtorita` dwar it-Trasport ta` Malta.
San Gwann — Triq il-Kwartier ta' Xindi - Rubbish Dump
Question
Jista' l-Ministru jgħid tistax titnaddaf l-għalqa li qed tintuża bħala rubbish dump quddiem ir-residenza 14, Triq il-Kwartier ta' Xindi, San Gwann?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn spezzjonijiet li saret fuq il-post irriżulta li fl-għalqa msemmija ma hemmx rubbish dump. Fil-fatt din l-għalqa tidher li hi kkultivata u fi stat tajjeb ta` ndafa. Huwa biss taħt il-ħajt, l-isfel mit-triq li jidher li hemm xi ftit oġġetti mitluqa. Infurmat ukoll illi l-Pulizija għaddiet dan l-ilment lill-Awtoritajiet tas-Sanita` għal xi azzjoni li tista` tkun meħtieġa minn naħa tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk id-ditti/banek/għaqdiet eċċ li għadhom ma ħallsux dak li kien dovut minnhom għax-xogħol extra tal-pulizija mill-1999 sal-lum? Kemm għandha tagħti kull organizzazzjoni? X'inhu issir biex dawn il-flus jinġabru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar ħlasijiet dovuti lill-Pulizija minn ditti, banek, għaqdiet eċċ, huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li qed isir kull sforz sabiex il-ħlasijiet dovuti jkunu miġbura.
Jista' l-Ministru jara li jinstab post aktar adattat għad-Detox centre peress li qiegħed f'post abitat ħafna u minbarra l-isptar viċin ħafna tad-Detox hemm saħansitra skola primarja?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol li kien qed isir fit-Triq il-Majjistral, il-Birgu, waqaf u issa ilu wieqaf għal aktar minn seba' ġimgħat?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-Environment Impact Assessment ġew sottomessi lill-awtorita' ta' l-ippjanar fejn jirrigwardja żviluppi marittimi matul dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm minn dawn kienu barranin u kemm minn dawn kienu Maltin? Minn min saru?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34071.
L-EIAs kienu ikkoordinati minn dawn il-kumpaniji:
Applied Economics Consulting Ltd
Aquabiotech Ltd
EKOplan
EMDP Ltd
Insular Coastal Dynamics Institute (ICOD)
Lino Bianco & Associates
Malta University Services Ltd
Tnejn mill-EIAs saru minn grupp ta` konsulenti mhux koordinati minn ebda kumpanija. Dawn il-konsulenti kienu kollha Maltin, ħlief għal wieħed li huwa barrani iżda jgħix Malta.
B'riferenza għar-risposta li l-Ministru tani għal mistoqsija 34075, min kienu ż-żewġ esperti barranin u xi kwalifiki kellhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ż-żewġ esperti kienu is-Sur Karl Fuller, Manager tas-Centre for Environmental Assessment and Management (CEAM) tal-Institute for Environmental Management and Assessment (IEMA) ta` l-Ingilterra u Dr John Henry H. Looney li huwa wkoll membru fuq il-Kunsill tal-IEMA. Dawn iż-żewġ esperti għandhom esperjenza twila f`dan il-qasam. Id-dettalji dwar l-Istitut u l-esperti huma kif jidher fid-dokument hawn mehmuż.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-Environment Impact Assessment/Statement saru minn Settembru ta' l-1998 sal-lum, fuq talba tal-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Minn min saru u kemm swew?
Response (BORG, TONIO)
La l-Ministeru u l-ebda dipartiment li jaqa` taħtu ma talab biex isir xi EIA.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fi Triq San Martin, Ħaż-Żebbuġ hemmx indikat li jsir front garden fuq xi naħa waħda tat-triq? Ħarġu permessi f'xi residenza fi Triq San Martin biex isiru front gardens?
Hemm xi enforcement pendenti fi Triq San Martin biex jitneħħew front gardens li saru mingħajr permess?
Response (BORG, TONIO)
Skond il-pjan regolatur attwalment viġenti, it-triq in kwestjoni mhix indikata bħala waħda għall-bini bil-front gardens.
Għalkemm it-triq hija kommessa bl-iżvilupp, din taqa` f`żona l-barra mill-iskema uffiċjali tal-bini hekk kif indikata fl-Iskemi ta` Provvedimenti Temporanji ta` l-1988. Għaldaqstant m`hemm l-ebda gwida uffiċjali jekk għandux ikun imponut 'front garden' jew le f`din iż-żona u kull każ jitqies fuq il-meriti tiegħu.
Jirriżulta li pjanti approvati f`permess partikulari, ċioe` PB 4972/89/650/89, maħruġ fis-26 ta` Diċembru 1989, hemm indikati ħitan quddiem il-faċċata tal-bini u dan sabiex jiġi iffurmat 'front garden'. Barra minn hekk u iżjed riċenti, inħareġ permess ieħor PA 1712/01 datat 2 ta`Ottubru 2001. Dan jindika xatba u ħajt il-barra mill-linja tal-bini fejn ġie iffurmat 'front garden'. Mill-banda l-oħra, permess li kien maħruġ fid-9 ta` Mejju 1996 (PA 1799/95) impona l-eliminazzjoni tal-front garden li kien rikjest mill-applikant. Sa llum dan baqa` ma sarx.
Rigward l-aħħar parti ta` l-Interpellanza jirriżulta li fil-preżent m`hemm l-ebda każ ta`infurzar pendenti sabiex jitneħħa xi 'front garden'.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli titressaq riżoluzzjoni fil-Parlament biex jiġġedded iċ-ċens tal-Każin Malti b'kundizzjonijiet aġġornati b'mod adegwat biex ikun jista' jsir ix-xogħol meħtieġ għall-ħarsien u użu aħjar ta' l-istrutturi tal-bini tal-Każin Malti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ċ-ċens ta` l-art fejn jinsab il-Każin Malti baqalu sentejn u nofs oħra biex jiskadi.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 33698 b'riferenza għall-pubblikazzjoni tas-7 ta' April 2002, f'paġna 7 ta' l-artikolu titolat "Iż-Żambi jitħalla barra mil-lista tal-prosekuzzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Skond ir-Regolamenti tal-Ħabs (1995) kull priġunier li jkun sentenzjat għandu d-dritt li jikteb lil min irid, u dan skond ir-regolament 51.1.
Minn stħarriġ li sar, irriżulta li l-persuna indikata, bejn Diċembru 2001 u s-7 ta` April 2002 bagħtet żewġ ittri u l-ebda waħda ma kienet indirizzata skond kif allegat fl-artiklu tal-gazzetta indikat.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' żvilupp huwa approvat mill-awtorita` ta' l-ippjanar sabiex isir fit-triq li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi parti mit-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qegħda f`Urban Conservation Area, u parti oħra tinstab barra mill-area imsemmija.
Fil-parti li qegħda ġewwa l-UCA, l-iżvilupp għal skopijiet residenzjali għandu "height limitation" ta` żewġ sulari filwaqt li fil-parti l-oħra żvilupp jista` jitla` sa tlett sulari.
Jista' l-Ministru jgħid f'idejn min qiegħda u għal liema skop ingħatat art li tinsab eżatt bejn il-ground ta' St Patrick u s-sur biswit Bieb is-Sultan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond ir-records tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, il-biċċa art li hemm bejn il-ground ta` St. Patrick u s-sur biswit Bieb is-Sultan mhix mikrija.