Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa — Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru fis-sena 2006 u x'xogħlijiet qed isiru fis-sena 2007 fl-iskola primarja tal-Mellieħa u, f'kull każ, x'kienet in-nefqa u kemm hu stmat li se tkun in-nefqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-sena 2006 sar xogħol strutturali fuq il-faċċata, bdiet tinżebagħ id-dawra kollha ta’ l-iskola minn barra u sar ukoll xogħol ta’ bdil tal-waterproofing li n-nefqa globali kienet ta’ Lm12,217.20. Din is-sena qiegħed jitkompla x-xogħol fil-parti li kien fadal fuq il-faċċata b’total ta’ Lm18,000.00.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal fid-dekasteru kollu tiegħu ġie sospiż jew imkeċċi minħabba frodi u/jew serq fl-2006 u fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena? X'kienu l-akkużi f'kull każ? X'passi ulterjuri ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma jirrizultax li xi impjegat fid-dekasteru msemmi ġie sospiz jew imkeċċi għar-raġuni msemmija fil-Mistoqsija. Jekk l-Onor. Membru jeħtieġ verifika fuq xi impjegat partikolari jgħaddi l-isem tal-persuna b'mod konfidenzjali.

Għawdex — Ħaddiema fis-settur privat

Question

Nerġa' nirriferi l-Ministru għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 21163 dwar ħaddiema fis-settur privat. Jista' l-Ministru issa jagħtini l-istess informazzjoni sena sena mill-2000 sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għas-snin 1999 sa l-2006 ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS — Ħaddiema b'kuntratt definit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema ta' l-ITS li jinsabu jaħdmu b'kuntratt definit? F'liema gradi/skali qegħdin? Hemm xi ħsieb li dawn isiru tal-post?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-ITS hemm 45 ħaddiema li għandhom kuntratt definit. Dawn huma ħaddiema li għandhom kuntratt definit mal-White Rocks Holiday Complex u l-kuntratt tagħhom jiffirmah id-Direttur tat-Turiżmu. Informat ukoll li dawn il-ħaddiema qegħdin f’dawn il-kategoriji : Casual Clerk, Casual Watchman, Casual Kitchen Technician, Casual Receptionist, Casual Security, Casual IT Administrator, Casual Asst. Housekeeper, Casual Cleaner, Casual Handyman, Casual Stores Assistant, Casual Messenger.

MCAST — Studenti li qed isegwi Haidressing course

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna mill-Gżira li isimha qed jintbagħat separatament, għadu ma kkwalifikax għall-istipendju fil-kors tal-hairdressing li qed isegwi fl-MCAST?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudent li għalih qed jagħmel referenza l-Onor. Membru hu wieħed minn dawk li ser jirċievu l-istipendju f'Marzu b'effett minn Ottubru 2006, wara li l-Bord ta' Għotjiet ta' Manteniment għall-iStudenti (Students Maintenance Grants' Board) ikkunsidra u laqa' t-talba tagħhom.

Skejjel primarji — PCs

Question

Jista' l-Ministru jindika fl-iskejjel primarji kemm hemm PCs li għandhom obsolete hardware ta' għaxar snin jew aktar u li jbatu minn slow internet connectivity?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' PCs fl-iskejjel primarji li nxtraw aktar minn għaxar snin ilu huwa ta' 1375. Inbeda proċess biex dawn jinbidlu b'oħrajn ġodda.

Universita' — Programm ta' l-UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jkollha fondi l-Universita' matul is-sena 2007 biex tieħu sehem fi proġetti tal-programm ta' l-Unjoni Ewropea FP7 (2007-2013)? Kemm qed tippjana li jkollha fondi għal dan il-għan bejn l-2007-2013? Liema proġetti se jiġu sottomessi bħala proposti matul l-2007?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita' ma tistax tagħti stima fuq kemm ser tieħu fondi mill-Programm tal-Unjoni Ewropea FP7 għas-sena 2007 peress li dan il-programm għadu kif ġie mniedi. L-ewwel sejħa għal proposti ħarġet fit-22 ta' Diċembru 2006 u għalissa l-ebda sejħa m'għadha għalqet. L-Universita' lanqas tista' tagħmel pjan fuq kemm ser ikollha fondi għall-proġetti bejn l-2007 u l-2013 peress li l-proposti mill-pajjzi kollha jiġu evalwati mill-Kummissjoni Ewropea skond il-kriterji stabbiliti minnha stess. Għaldaqstant l-ammont ta' fondi li l-Universita' ser tirċievi jiddependi minn kemm il-proposta magħmula mill-istess Universita' se tintlaqa' mill-Kummissjoni fis-snin li ġejjin. Informat ukoll li peress li l-Programm għadu kif ġie mniedi f'Malta fil-15 ta' Frar 2007, għadu mhux magħruf kemm jew liema proposti ser jiġu sottomessi mill-Universita' matul l-2007.

Universita' — Programm ta' l-UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm issottomettiet proposti għall-proġetti l-Universita' ta' Malta għall-programm ta' l-Unjoni Ewropea magħruf bħala FP6 (2002-2006)? Kemm minn dawn il-proposti ġew aċċettati? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' dawn il-proġetti u kemm kellhom fondi mill-Unjoni Ewropea u mill-Universita' stess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bejn l-2002 u l-2006 l-Universita' ta' Malta issottomettiet 146 proposti għal proġetti biex jiġi finanzjat mill-Programm FP6 u li minnhom ġew aċċettati 33. Lista ta' proġetti kif ukoll id-dettalji fuq il-fond li dawn ingħataw mill-Unjoni Ewropea u mill-Universita' ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pixxini miftuħa għal pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pixxini li huma miftuħa għall-pubbliku? Min huwa s-sid f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport m'għandux it-taghrif meħtieġ. Ir-responsabilita' ta' reġistrazzjoni ta' pixxini miftuħa għall-pubbliku ma jaqgħux taħt id-dekasteru tal-Ministeru.

Kunsill Malti għall-Isport

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx xi taħriġ sportiv organizzat għal kulħadd mill-Kunsill Malti għall-Isport? Jekk iva, f'liema dixxiplini? Kif inhu mqassam il-programm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport fil-preżent qed jaħdem programmi ta' sport ma’ l-iskejjel kollha u mal-Kunsill Lokali. Matul din is-sena sar ukoll program mal-Kunsill Lokali Kerċem, l-iskola primarja ta' Kerċem, Attard FC Youth Nursery u l-iskola primarja t'Attard. Hemm programmi oħra ta' Sports for All maħsuba ġewwa Għawdex flimkien mal- Gozo Youth FA u mal-Ministeru ta' Għawdex.

Universita' — Fakulta' ta' l-Arti u l-Liġi

Question

Huwa sodisfatt il-Ministru bl-andament tal-ħatriet ta' lecturers u tutors fil-Fakultajiet ta' l-Arti u l-Liġi fl-Universita'? Huwa sodisfatt il-Ministru bil-ħatra ta' iben ir-reġistratur bħala lecturer?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Industrial Estates — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fl-oqsma industrijali ta' Ħ'Attard, Bulebel, Ħal Far, Kordin, Ħal-Luqa, Marsa, Mosta, Mrieħel, Ricasoli, San Gwann, Ta' Dbieġi, Ħal Safi/Hal Kirkop u Xewkija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta’ ħaddiema li kienu qed jaħdmu sa l-aħħar ta’ Settembru 2006, fl-oqsma industrijali msemmija, huwa kif ġej: Żona Industrijali Numru ta’ ħaddiema Ħ’Attard 151 Bulebel 4,624 Ħal Far 2,636 Kordin 1,037 Ħal-Luqa 243 Marsa 3,619 Mosta Technopark 930 Mrieħel 1,414 Ricasoli nil San Ġwann 1,595 Ta’ Dbieġi 44 Ħal Kirkop 2,632 Xewkija 419 Informat ukoll li l-figuri ta’ kemm hemm ħaddiema f’dawn l-oqsma industrijali huma bbażati fuq lista ta’ fabbriki u kumpaniji li ġiet provduta lil ETC mill-Malta Industrial Parks.

Eżamijiet tal-Matsec

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23781 u jgħid kemm applikaw studenti biex joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC li se jsiru fi ftit xhur oħra? Kemm hemm subien u kemm bniet? Kemm huma mill-iskejjel ta' l-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-uffiċċju tal-MATSEC għadu qed jaġġorna u jikkompila t-tagħrif mitlub.

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23787 u jgħid: 1. Kemm skejjel (a) primarji (b) sekondarji huma mmexxija minn aġent kap? 2. Kemm mill-iskejjel (a) primarji (b) sekondarji li huma mmexxija minn aġent kap għandhom popolazzjoni studenteska ta' 500 jew aktar? 3. Kemm hemm postijiet vakanti ta' assistant kap fl-iskejjel (a) primarji (b) sekondarji? 4. Kemm hemm postijiet vakanti ta' uffiċjal edukattiv (a) għal-livell primarju skond is-suġġetti u (b) għal-livell sekondarju għal kull suġġett? 5. Kemm postijiet ta' uffiċjal edukattiv għal-livell (a) primarju u (b) sekondarju ġew vakati (i) wara rtirar bl-eta' (ii) wara promozzjoni (iii) wara riżenja f'dawn l-aħħar ħames snin sas-6 ta' Frar 2007? 6. Kemm attwalment għandu jkun il-komplement ta' uffiċjali edukattivi għat-taqsima primarja u għal dik sekondarja? 7. Kemm hemm supply teachers impjegati fit-taqsima (a) primarja (b) sekondarja sa Diċembru 2006? 8. Kemm minn dawn huma gradwati imma mhux B.Educ?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Universita' ta' Malta — Trustees

Question

Jista' l-Ministru jgħid: 1) min huma t-trustees ta' l-Universita' ta' Malta fl-Italja, fl-attivita' li l-Univerista' ta' Malta tmexxi hemmhekk? 2) kemm jitħallsu ta' din il-ħatra? 3) fiex jikkonsisti x-xogħol tagħhom? 4) fuq liema kriterji ġew magħżulin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sa llum it-tlett-Trustees li huma impjegati ta' l-Universita' ta' Malta fuq il-Fondazzjoni Link huma: Il-Professur Roger Ellul-Micallef Il-Professur Ian Refalo Il-Professur Daniel Darmanin Mill-fondi ta' l-Universita' ta' Malta dawn ma jitħallsu xejn għal din il-kariga. Ix-xogħol tat-Trustees hu li jipparteċipaw fit-tfassil tad-direzzjoni strateġika tal-Fondazzjoni fost affarijiet oħra. Informat ukoll li l-għazla saret fid-diskrezzjoni tal-Professur Roger Ellul-Micallef bħala r-Rettur ta' dak iz-zmien.

Universita' — Reġistratur

Question

Ir-reġistratur ta' l-Universita' kemm-il kariga oħra (barra reġistratur) jirrikopri fl-Universita' jew f'enti direttament jew indirettament marbutin ma' l-Universita' u kemm jitħallas ta' dawn il-karigi? Xi kwalifiki għandu r-reġistratur?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-Mistoqsija waslet l-uffiċju l-Ġimgħa 2 ta' Marzu, 2007, wara nofs in-nhar, it-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Bibljoteka ta' l-Universita' — Xiri ta' kotba

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm flus jintnefqu fis-sena fix-xiri ta' kotba ġodda għall-Bibljoteka ta' l-Universita'? Sodisfatt il-Ministru bl-ammont ta' flus li jintnefqu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-Mistoqsija waslet l-uffiċju l-Ġimgħa 2 ta' Marzu, 2007, wara nofs in-nhar, it-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Fakulta' ta' l-Arti/Fakulta' tal-Liġi — Lectureship u Tutors

Question

Fl-aħħar ħames snin, jista' l-Ministru jgħid kemm-il post ta' lectureship u tutor ingħata mingħajr sejħa fil-Fakulta' ta' l-Arti u fil-Fakulta' tal-Liġi?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-Mistoqsija waslet l-uffiċju l-Ġimgħa 2 ta' Marzu, 2007, wara nofs in-nhar, it-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.