Mediterranean academy of diplomatic studies — Chair in history of diplomacy
Question
Jikkonferma l-Ministru li l-Mediterranean academy of diplomatic studies qed tikkonsidra li twaqqaf chair in history of diplomacy li għandha tiġi msemmija għall-Hans-dieter Genscher?
Response (BORG, JOE)
Hemm proposta f'dan ir-rigward minn organiżżazzjoni Ġermaniża (ZEI - Centre for European Integration), li qiegħda tiġi studjata bejn iż-żewġ naħat.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu t-taħditiet ma' l-Eġittu dwar extradition agreement bejn iż-żewġ pajjiżi?
Response (BORG, JOE)
Malta u l-Eġittu jaqblu li ftehim ta' estradizzjoni huwa importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalita'. It-taħdidiet bejn iż-żewġ naħat bdew is-sena li għaddiet u għandhom jitkomplew fiż-żmien li ġej bil-ħsieb li jiġi konkluż dan il-ftehim.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Każi ta' serq
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew rapportati każi ta' serq fid-dipartimenti, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru mill-perjodu ta' Jannar sal-lum?
X'passi ttieħdu u x'kienu l-oġġetti misruqa u x'valur kellhom?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn Jannar 2003 'l hawn kien irrapurtat każ wieħed ta' attentat ta' serq fir-residenza ta' l-Ambaxxatur ta' Malta għall-FAO ġewwa Ruma. Meta l-ħallelin indunaw li kien hemm in-nies fir-residenza, huma ħarbu minn fuq il-post. Ma nsteraq xejn. Sar rapport uffiċċjali dwar dan l-inċident.
Wara dan l-inċident, ittieħdu passi biex tiżdied is-sigurta' fir-residenza ta' l-Ambaxxatur.
Jista' il-Ministru jinformani liema kienu l-bordijiet li twaqqfu u l-membri li nħatru f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru? Meta fil-fatt twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu?
Response (BORG, JOE)
Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi inventarju komprensiv ta' l-apparat u l-għamara tar-radju Voice of the Mediterranean? Jekk sar dan l-inventarju, jista' iqiegħed kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra? Jista' jgħid x'se jsir mill-proprjeta' mobbli ta' dan l-istazzjon tar-radju?
Response (BORG, JOE)
Jiena nfurmat illi l-eżerċizzju biex jiġi aġġornat l-inventarju ta' l-apparat u l-għamara tar-radju Voice of the Mediterranean, li kien inbeda wara li ġie rilokat l-istazzjon, tlesta. Dan l-inventarju għad irid jiġi awditjat mill-kumpannija ta' l-awdituri. Wara li jsir dan l-awditjar, inkun f'pożizzjoni li npoġġi kopja ta' l-inventarju fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onorevoli Membru illi t-transazzjonijiet konnessi mar-rilokazzjoni ta' l-istazzjon mill-uffiċċji fil-Furjana għal dawk tal-lum f'Birkirkara kienu ġew awditjati minn kumpannija separata ta' awdituri.
Id-deċiżjoni dwar x'se jsir mill-assi mobbli u immobbli ta' l-istazzjon tittieħed kmieni s-sena d-dieħla immedjatatent wara li jiskadi t-terminu mogħti mill-Gvern Malti lill-Gvern Libjan (31 ta' Diċembru 2003), peress li sa dik l-iskadenza, jekk il-Gvern Libjan iħallas parti sostanzjali mill-arretrati dovuti minnhu u jinforma lill-Gvern Malti li irrikonsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar l-utilita' futura ta' l-istazzjon u li għalekk lest ikompli jagħti l-kontribuzzjoni annwali tiegħu f'waqtha għall-operat ta' l-istazzjon, il-Gvern Malti, minn naħa tiegħu, ma jkollu l-ebda diffikulta' dwar li l-istazzjon ikompli jopera mill-bidu tas-sena d-dieħla ininterrottament.
(kif korretta b'dokument numru 808 imqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-Seduta numru 72 tal-5 ta' Dicembru 2003)
Jista' il-Ministru jgħid jekk Malta ffirmatx xi konvenzjoni jew xi forma ta' ftehim internazzjonali li jobbligaha ma titfax l-iskart fil-baħar fi proġetti ta' reklamazzjoni u mmaniġġjar aħjar ta' l-iskart fl-istess ħin?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Bdiewa/raħħala — Sussidju mill-UE/mill-Gvern Malti
Question
B'riferenza għas-sussidji li l-Prim Ministru ħabbar nhar id-9 ta' Novembru waqt attivita' fil-Pitkalija Ċentrali li se jingħataw lill-bdiewa, raħħala u l-agro-industrija, jista' jagħti breakdown ta' dawn is-sussidji, settur settur, u kemm minnhom se jkunu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u kemm mill-Gvern Malti?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm sewa l-isponsorship tal-Voice of the Mediterranean bħala radio għal vapur Odyssee u kemm swiet il-konferenza wkoll sponsorjata mill-istess radio taħt it-tmexxija tal-persuna ndikata separatament bejn l-24 u l-25 ta' Ottubru, 2003 dwar il-Multilingualism and International Radio Forum of EDXC?
Response (BORG, JOE)
Il-proġett Odyssey, li fih l-istazzjon Voice of the Mediterranean ħa sehem flimkien ma' sbatax-il pajjiż Mediterranju ieħor, sewa LM10,000.
Il-Forum EDXC dwar Multilingualism and International Broadcasting sewa LM3,000.
Jista' il-Ministru jgħid min biegħ l-erbgħa karozzi li kien hemm fir-Radio Voice of the Mediterranean , min awtorizza x-xiri ta' karozzi ġodda u kemm swiet din lir-radio?
Response (BORG, JOE)
Jiena nfurmat li l-Managing Director tal-Voice of the Mediterranean ħa ħsieb il-bdil ta' l-erba' karozzi qodma li kellu l-istazzjon u minnflok xtara tlieta ġodda.
Karozza Mazda, li ma kellha ebda valur fis-suq, ġiet skrappjata, filwaqt li Kia Avella nbiegħet għas-somma t' LM800.
Karozza oħra Hyundai Lantra ngħatat bħala part exchange għax-xiri ta' Peugeot 406. Il-karozza tad-Deputy Managing Director Libjan, Daewoo Espero, ukoll ngħatat b'part exchange minn dan l-uffiċċjal ma' Volkswagen Passat.
Inxtraw b'kollox tlett karozzi ġodda għal figura netta ta' LM31,130 wara li jitnaqqas it-Trade in value tal-karozzi Hyundai Lantra u d-Daewoo Espero u l-ammont tal-bejgħ tal-Kia Avella.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi hemm maħsuba mill-gvern biex jindirizza l-problema tal-korruzzjoni li tissemma fil-Monitoring report ta' l-Unjoni Ewropea li ħareġ fl-ewwel ġimgħa ta' Novembru?
Response (BORG, JOE)
Għalkemm ir-Rapport tal-Kummissjoni jindika li hemm xi passi x'jittieħdu fejn jidħol is-suġġett tal-korruzzjoni, ma jirriżultax li Malta għandha xi problema partikolari ta' korruzzjoni li trid tiġi ndirizzata; iżda hija iżjed kwistjoni ta' formazzjoni ta' strateġija nazzjonali sabiex jitwarrbu ċerti perċezzjonijiet li jista' jkun hemm f'dan ir-rigward.
Għal aktar dettalji dwar dan il-qasam, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Voice of the Mediterranean u dan kemm dwar is-sitwazzjoni finanzjarja kif ukoll dwar il-ħaddiema li jaħdmu li huma 12 full time u diversi part-time, inkluż kontributuri?
Response (BORG, JOE)
Ir-radju Voice of the Mediterranean twaqqaf b'inizjattiva bejn il-Gvern Malti u dak Libjan fl-1984 u beda jitrażmetti f'Ottubru 1988. Il-Gvern Malti fis-snin li għaddew qies jekk għandux jibqa jipparteċipa f'dan ir-radju u wasal għall-konklużżjoni li r-radju huwa mezz utli għad-djalogu bejn u tixrid tal-kulturi tal-pajjiżi tal-Mediterran. Ir-radju ixandar unikament programmi kulturali bil-Malti, bil-Gharbi, bit-Taljan, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u l-Ġappuniż u dawn il-programmi jitrattaw dwar l-istorja, l-identita, t-tradizzjonijiet u l-folklor tad-diversi pajjiżi tal-Mediterran. Ir-radju ixandar fuq frekwenza shortwave kif ukoll bl-internet u l-website qed ikollna mal-miljun hit fix-xahar.
Il-Gvern Libjan, permezz tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Libjan, reċentement informa lill-Gvern Malti li m'għadx jara funzjoni għal dan it-tip ta' stazzjon. u għalhekk mhux ser jibqa jikkontribwixxi għall-ispejjeż tiegħu. Għalhekk dan l-istazzjon ser ikollu jagħlaq fil-31 ta' Diċembru 2003.
Bejn is-snin 2001 u 2003, il-Gvern Malti għadda b'kollox is-somma ta' LM530,000 f'kontribuzzjonijiet dovuti lill-istazzjon skond il-ftehim mal-Gvern Libjan għal dan il-perijodu. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Libjan ma ħallasx il-kontribuzzjonijiet tiegħu minn Mejju ta' l-1998 sa' llum. Għalkemm l-istazzjon irċieva xi pagamenti mingħand il-Gvern Libjan wara l-2001, dawn kienu jkopru l-perijodu ta' qabel l-1998. B'hekk, ir-riservi li kellu l-istazzjon kellhom jintużaw matul dawn l-aħħar snin. Illum ir-radju għandu kredituri li b'kollox għandhom jieħdu LM144,403. Madankollu il-Voice of the Mediterranean għandu dovuti lilu s-somma ta LM980,699 bħala arretrati tal-kontribuzzjoni dovuti mill-Gvern Libjan.
L-impjegati ta' l-istazzjon se jitħallsu dak kollu li hu dovut lilhom malli jtemmu l-impjieg tagħhom. Il-kontributuri wkoll se jitħallsu tax-xogħol kollu li huma wettqu bi ħlas għall-istazzjon. Inżid illi jekk il-Gvern Libjan jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu, l-istazzjon ikompli jxandar.
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Voice of the Mediterranean li l-Managing Director tiegħu hija l-persuna 'A' indikata separatament tat b'kuntratt il-web site tal-VOM lil kumpannija li jisimha Cyber Space u li fiha hemm ibnu stess indikat separatament bħala persuna 'B' u dan bi ħlas ta' aktar minn Lm3,000 fix-xahar?
Response (BORG, JOE)
Jien nfurmat illi t-tagħrif fil-Mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant huwa korrett.
Jista' il-Ministru jgħid jekk qabel ma daħlet bħala Managing Director il-persuna 'A' indikata separatament fil-Voice of the Mediterranean, u dan meta qabilha kien hemm il-persuna 'B' indikata separatament, kienx il-każ li l-finanzi tar-radio kienu favur ir-radio fl-ammont ta' aktar minn Lm400,000 u llum wara li ħadet over il-persuna 'A' il-finanzi qegħdin ferm fil-qiegħ? Jistax jagħti il-figura eżatt tad-dejn li għandu r-radio imsemmi?
Response (BORG, JOE)
Jiena nfurmat illi meta kien hemm bidla fil-persuna tal-Managing Director tal-Voice of the Mediterranean, f'Lulju 2000, l-istazzjon kellu LM216,492 f'depożiti fil-Bank, filwaqt li kien hemm somma ta' LM853,699 f'kontribuzzjonijiet pendenti minn naħa Libjana. Illum, iċ-ċifra ta' kontribuzzjonijiet pendenti minn naħa Libjana hija ta' LM980.699 filwaqt li l-ammont dovut lill-kredituri huwa ta' LM144,403.
Voice of the Mediterranean — Allokazzjoni ta' flus
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew allokati flus min-naħa tal-gvern u min-naħa tal-Libja fil-perjodu meta daħlet il-persuna ndikata separatament sal-lum u dan dejjem fir-Radio Voice of the Mediterranean?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern Malti għadda b'kollox is-somma ta' LM620,000 bejn l-1 ta' Lulju 2000 sa' llum lill-Voice of the Mediterranean. Filwaqt li, minn naħa Libjana, baqgħu sa' llum għadhom ma tħallsux il-kontribuzzjonijiet dovuti minn Mejju ta' l-1998 (cioe minn sentejn qabel ma daħlet il-persuna ndikata separatament) sa l-2003, l-istazzjon irċieva s-somma ta' LM493,000 bħala ħlas ta' arretrati dovuti għas-snin ta' qabel Mejju ta' l-1998.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien is-salarju tal-Managing Director preċedenti tal-Voice of the Mediterranean u kemm dan sar ftit xhur wara li laħqet f'din il-kariga il-persuna ndikata separatament? Jekk sar dan l-awment, min ta din l-awtorizzazzjoni?
Response (BORG, JOE)
Is-salarju li kien jirċievi l-Managing Director ta' l-istazzjon Voice of the Mediterranean qabel daħlet il-persuna li hemm illum kien ta' LM7,150 fis-sena. Il-Managing Director li hemm illum baqa' jieħu dan l-istess salarju sa l-aħħar tas-sena 2000, liema salarju tela' għal LM9,000 fis-sena skond il-kuntratt iffirmat mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tiegħi. Is-salarju l-ġdid kien ukoll konfermat mill-Bord tal-Kunsilliera ta' l-istazzjon.
Voice of the Mediterranean — Għamara ta' l-uffiċini
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm inbiegħet l-għamara, liema għamara nbiegħet xorta għalkemm kienet proprjeta' tal-gvern, li kien hemm fil-Voice of the Mediterranean meta saret Managing Director il-persuna ndikata separatament u li ġiet replaced kollha b'għamara ġdida? Jikkonferma li din inbiegħet bi ftit liri? Jista' jgħid min ordna dan il-bejgħ u wkoll fejn spiċċaw il-flus ta' dan il-bejgħ?
Response (BORG, JOE)
Jien nfurmat illi parti kbira mill-għamara qadima ngħatat b'xejn lir-Richmond Malta Foundation, li hija organiżżazzjoni mhix governattiva tal-karita'. Parti oħra nbiegħet bi prezz żgħir ħafna. Ta' min jgħid li din l-għamara kienet bla valur u kellha fuqha tnax-il sena ta' wear and tear. Il-flus rikavati mill-bejgħ tal-għamara daħlu fil-kotba ta' l-istazzjon, li nfakkar li ġew awditjati minn kumpannija ta' l-awdituri.
UE — Fondi għall-kampanja elettorali tal-Parlamet Ewropew
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Unjoni Ewropea tagħtix fondi biex tiffinanzja l-kampanja elettorali għall-parlament Ewropew? Jekk iva, il-gvern irċieva tagħrif kif dawn għandhom jitqassmu lill-partiti politiċi u movimenti li għandhom il-ħsieb li jikkontestaw f'Ġunju li ġej? Jekk irċieva, kif se jitqassmu?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma li l-Parlament Ewropew jagħti fondi biex tiġi ffinanzjata l-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew. Iżda dan isir permess ta' allokazjoni ta' fondi lill-gruppi Politiċi tal-Parlament Ewropew stess, sabiex dawn il-fondi jitqassmu mill-istess gruppi politiċi. Għalhekk huma l-partiti politiċi tal-pajjiżi membri stess fi ħdan il-gruppi tal-Parlament Ewropew li jiġu nfurmati bl-allokazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri mill-istazzjon tar-radju Voice of the Mediterranean peress li dehru rapporti fil-ġurnali li hemm il-ħsieb li jagħlaq? Jista' jgħid kemm hemm nies jaħdmu miegħu?
Response (BORG, JOE)
Fit-tweġiba li għadni kemm tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2842, spjegajt kif żviluppaw iċ-ċirkostanzi li wasslu għad-deċiżjoni tal-Gvern Malti illi jtemm l-operazzjonijiet ta' l-istazzjon Voice of the Mediterranean b'effett mill-1 ta' Jannar 2004, u għalhekk nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal dik it-tweġiba fir-rigward ta' l-ewwel parti ta' din il-Mistoqsija.
Dwar it-tieni parti, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma' l-istazzjon hemm jaħdmu tnax-il impjegat Malti full time, tnejn oħra part time, u erba' Libjani.
Fid-dawl tal-fatt li nhar it-12.06.03 il-kummissarju Ewropew Frits Bolkestein kiteb lis-segretarju Amerikan għall-Homeland security fejn esprima id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw linji ta' l-ajru Ewropej biex jiġu konformi mal-ħtieġijiet Amerikani dwar tagħrif konness ma' PNR data sabiex jiġu megħluba possibbiltajiet ta' theddid għall-qasam ta' l-avjazzjoni, fejn sussegwentement il-kummissarju Ewropew esprima l-fehma li hemm dubji kbar jekk dan il-qafas Amerikan imurx kontra l-ħtieġijiet legali Ewropej ta' ħarsien adegwat tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari artiklu 15 tad-direttiva Ewropea dwar data protection, kif ukoll artiklu 8 tal-EU charter of fundamental rights, jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti għandux jew ħax pożizzjoni dwar din l-issue għalkemm din sal-lum torbot lill-pajjiżi membri?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Joint EU/NATO Crisis Management Exercise militari — Sehem ta' Malta
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'se jkun is-sehem limitat ta' Malta fil-joint EU/NATO Crisis Management Exercise militari tad-19-25/11/03 minħabba li se jintużaw NATO Assets and Capabilities? Jista' jagħti dettalji dwar il-Fictitious Crisis Scenarrio li se jkun il-bażi ta' dan l-eżerċizzju?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.