Jista' il-Ministru jgħid liema huma t-toroq li l-gvern għandu l-ħsieb jew li qiegħed jippjana li jingħataw it-tarmak fil-lokalita' ta' Pembroke?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa ma hemmx talbiet pendenti biex isir xogħol ta' tarmak f'din il-lokalita, iżda d-Direttorat għat-Toroq qed jieħu ħsieb biex iħejji programm ta' ristrutturazjoni ta' toroq fil-lokalita.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu ippjanat li jitlesta x-xogħol fuq it-tieni fażi ta' l-Imtarfa Bypass? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-tieni fażi ta' l-Imtarfa bypass hija maqsuma f'żewġ partijiet.
L-ewwel parti, mir-roundabout ta' l-Imtarfa sa l-Junction ta' l-Istazzjon, ix-xogħol li jikkomprendi skavar, servizzi, bankini u asphalting, huwa stmat li se jiswa madwar Lm240,000. Id-Direttorat għat-Toroq qed jagħmel il-preparamenti biex it-tenders għal dawn ix-xogħlijiet jiġu ppublikati.
Għat-tieni parti ta' din it-tirq, mill-junction ta' l-Istazzjon sar roundabout tan-Nigret, id-Direttorat qed iħejji l-istimi tax-xogħlijiet meħtieġa.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35238, jista' jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema li daħlu ġodda fit-Tug Malta f'din is-sena, xahar b'xahar, u x'inhu x-xogħol li daħlu għalih?
Jista’ il-Ministru jgħid jekk fil-water reservoir li qed isir fejn ir--roundabout ħdejn il-HSBC f’Hompesch Road, Fgura sarlux water bars u expansion joints?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi billi l-istruttura tar-reservoir mhix tat-tip ta' ħitan u art magħmulin mir-rinforced concrete, ma saritx water bar. L-istruttura tal-ġibjun qed tinbena b'art tal-konkos u żewġ qoxriet ħitan tal- hollow concrete blocks qed issir all round tanking bil-welded membrane ta' ħxuna 4mm bejn iż-żewġ qoxriet biex isservi ta' water proofing layer kontinwa għal-ġibjun.
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta li se ssir expansion movement joint bejn is-saqaf u l-ħitan biex jiġi kkontrollat il-moviment ta' l-istruttura.
Jista` il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol ta’ għoti ta’ tarmak fi Triq il-Kapuċċini l-Furjana (triq li hi arterial road)?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi t-Triq hija asfaltata u tinsab f'kundizzjoni aċċettabbli. Għalissa m'hemmx ħsieb li jsir xogħol ġdid fuq din it-triq, għalkemm hemm talba dwar dan mill-Kunsill Lokali Floriana.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhu n-numru tal-PA tal-ġibjun li qed isir ħdejn ir-roundabout ta’ ħdejn l-HSBC ta’ Hompesch Road, Fgura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat tat-Toroq qiegħed jagħmel ix-xogħol tal-ġibjun fi Triq Hompesch bis-saħħa tal-Att Dwar l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta KAP 332 Klawsola 4(b).
Jista' il-Ministru jgħid hux possibli permezz tar-roads dipartment jinfurmani fejn waslu l-isforzi tar-roads department, biex Triq Bieb is-Sultan, F'Ħaż-Żabbar titkompla? Billi parti żgħira minn din it-triq baqgħet ma infetħetx b'konsegwenzi mhux żgħar għal ftit familji li joqgħodu f'din il-parti tat-triq, possibli niġi infurmat meta hemm il-ħsieb li tinfetaħ u titkompla din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li d-Direttorat tat-Toroq qiegħed fil-proċess li jakkwista l-art neċessarja biex ix-xogħolijiet pendenti jkunu jistgħu jitlestew u t-triq tkun tista' tinfetaħ mill-aktar fis possibbli.
Jista' il-Ministru jinforma l-Kamra, in vista tad-diversi mistoqsijiet tiegħi qabel illum dwar l-istess suġġett, fiex wasal il-proċess ta' tendering sabiex jiġu asfaltati t-toroq madwar il-Carters supermaket f'Raħal Ġdid, proċess li inbeda xi żmien ilu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi d-Direttorat tat-Toroq lesta x-xogħol preparatorju għall-asfaltar tat-toroq imsemmija u aktar 'il quddiem mistennija toħroġ is-sejħa għall-offerti sabiex ix-xogħol ikun jista' jsir.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux sejjer jinqala' l-isprall li hemm madwar ir-roundabout ħdejn l-HSBC f'Hompesch road Fgura u li qed ikun ta' inkonvenjent minħabba l-istorbju u peress li l-pożizzjoni tiegħu mhux tajjeb biżżejjed biex jilqa' l-ilma tax-xita?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq ħa l-passi neċessarji biex titneħħa l-inkonvenjent lis-sewwieqa u r-residenti fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant. Ninforma lil-Onor. Interpellant li dan l-isprall jifforma parti mis-sistema ta' l-ilma tax-xita u se jiġi mqabbad mal-ġibjun li qed jinbena qrib dan l-isprall.
Jista' il-Ministru jagħtini informazzjoni dettaljata dwar Triq P. P. Mifsud il-Ħamrun? X'inhu jżomm li din it-triq tinfetaħ? Ħarġet espropriazzjoni ta' l-imblokk li jeżisti biex tkun tista' tinfetaħ ma' toroq li jmissu magħha? Din it-triq qiegħda nkluża fil-priorita' tad-dipartiment tat-toroq biex tiġi asfaltata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi ma teżisti l-ebda triq bl-isem ta' P.P. Mifsud ġewwa l-Hamrun. L-Onor Interpellant hu mitlub jivverifika l-lokalita' tat-triq imsemmija.
Jista' il-Ministru jgħid peress li kemm ilu li t-trasport pubbliku ma jgħaddix minn Triq Sant'Anna Floriana, persuni b'diżabilita'/anzjani mill-Furjana jkollhom jimxu distanza itwal, jista' għal inqas b'mod infrekwenti iżda regolari, tgħaddi xarabank minn Triq Sant'Anna, Floriana?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li dan is-suġġett kien diskuss diversi drabi anke' mal-Kunsill Lokali. Il-problema tinqala meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi liema rotta se tgħaddi minn Triq Sant'Anna.
Fil-każ ta' persuni li jkunu deħlin il-Belt ma' tistax tiddiskrimina u tgħaddi rotta waħda biss. Meta l-Awtorita' ssuġeriet xi tibdil għar-rotta partikolari, il-Kunsill Lokali ma laqax dawn is-suġġeriment.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fi Triq Diċembru 13 qabel ma saru l-bankini ġodda ma ttieħditx l-inizjattiva li jinħolqu bus bays fejn jidher li kien hemm l-ispazzju meħtieġ? Jaqbel li l-istages jieħdu parti mil-lanes tat-triq b'konsegwenza li meta tieqaf xarabank jinħoloq queue ta' traffic f'din il-lane paritkolari?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li wara l-laqgħat li saru kemm mal-Public Transport Directorate kif ukoll mal-Public Transport Association dwar l-inizjattiva li jinħolqu bus bays irriżulta li dawn kienu ser joħolqu diffikultajiet lis-sewwieqa tal-karozzi tal-linja. L-ammont kbir ta' traffiku li jgħaddi minn din it-triq ma jagħtix ċans lil dawn ix-xarabanks joħorġu minn ġo dawn il-bus bays mingħajr periklu għas-sewwieqa tal-vetturi. B'dan il-mod l-inċidenti tat-traffiku fl-imsemmija triq jiġu mnaqqsa kemm jista' jkun.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li f'parti minn Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ (minn fejn l-Autobahn sar-roundabout ta' taħt it-Triq tas-Saqqajja) issir kisja bit-tarmak temporanja minħabba l-istat ħażin ta' din it-triq li jista' jwassal għall- inċidenti serji? Jikkonsidra li f'parti mill-istess triq aktar minn sitt snin ilu kien sar xogħol simili u x-xogħol baqa' tajjeb sal-ġurnata tal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq hu mistenni joħroġ sejħa għall-offertibiex it-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant tiġi mibnija mill-ġdid bis-servizzi kollha neċessarji. Għalhekk mhux rakkomandabbli li jsiru xogħlijiet temporanji biex wara ftit żmien dawn ikollhom jerġgħu jinqalgħu.
Jista' l-Ministru jikkonsidra temporary surfacing għat-Triq bejn Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi? Il-Ministru jaf li l-istat debilitat ta' din it-triq jista' jwassal għall-inċidenti serji tat-traffiku, barra il-ħsara fuq kull vettura li tista' tiġi kkanġunata minħabba l-istat perikoluż ta' din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq ser jispezzjona t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant biex jiġi determinat l-istat tat-triq u biex jikkonsidra l-azzjoni li għandha titieħed.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa pjanat li jingħata it-tarmak fi Triq Birkirkara San Ġiljan? Jista' jgħid fiex wasal dan il-proċess?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħlijiet fit-Triq imsemmija mill-Onor. Interpellant qed jiġu koordinati mal-Utilities ikkonċernati biex is-servizzi ta' katusi u cables neċessarji jiġu mogħdija minn taħt l-art qabel din it-triq tingħata l-asphalt. Huwa ppjanat illi l-kostruzjoni ta' din it-triq jibda meta l-koordinazzjoni neċessarja tiġi konkluża.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibli li r-rotta tal-karozzi tal-linja 60 u 63, magħrufa bħala tas-Savoy, titjieb fis-servizz u fil-frekwenza?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li s-servizz preżenti hu ta' bejn 10,15 u 20 minuta skond in-neċessita' tal-ġurnata. Dan jinkludi wkoll is-servizz tar-rotot 63 (ta' kull siegħa) li tgħaddi minn Dingli Street, Tower Road u Tigne' qabel ma' tibqa' sejra l-Belt.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma t-toroq li l-gvern għandu l-ħsieb jew li qiegħed jippjana li jingħataw it-tarmak fil-lokalitajiet ta' Swieqi, Ta' l-Ibraġġ u l-Madliena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qiegħed jippjana biex jibda xogħol fl-imsemmija toroq:
Junction improvement fi Triq Dris c/w St. Andrews road
Resurfacing ħdejn il-Forum Hotel
Triq il-Kwartini - Swieqi
Jista' il-Ministru jgħid meta ser jitwaħħlu l-pelican lights jew it-traffic lights fiż-zebra crossing li saret fi Triq Mrabat f'Ta' Sliema quddiem Triq il-Ballut?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li x-xogħol ta' twaħħil ta' pelican lights fi Triq Mrabat għandu jiġi inkluż f'tender li mistenni joħroġ aktar 'il quddiem.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġaladarba ħierġin diversi tenders sabiex jingħata wiċċ tat-tarmak lit-triq li twassal mir-Rabat għall-Baħrija, din it-triq hiex se ssir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 34842.