Wied il-Kbir — Ħal Qormi - Xogħol ta' manutenzjoni / tindif
Question
Jista' il-Ministru jelenka x-xogħol ta' tindif u/jew manutenzjoni li sar mit-18/9/03 sa illum f'Wied il-Kbir Ħal Qormi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li wara l-maltempata tal-15 ta' Settembru, saru diversi xogħlijiet ta' tindif mill-ħaddiema tas-Central Districts Office, bl-għajnuna ta' inġenji tad-Dipartiment fejn tneħħa l-materjal li ġie mkaxkar mill-ilmijiet.
Fill-fatt, erġajna fformajna l-livell tat-triq ta' mal-wied, li kienet hemm qabel, tnaddfu l-bokok tat-trollijiet tal-bridges u ġew irranġati xi ħitan tas-sejjieħ. Ħloqna wkoll diversi aċċessi għall-għelieqi u propjetajiet f'dan is-sit.
Wied is-Sewda — Ħal Qormi - Xogħol ta' manutenzjoni / tindif
Question
Jista' il-Ministru jelenka x-xogħol ta' tindif u/jew manutenzjoni li sar mit-18/9/03 sa illum f'Wied is-Sewda f'Ħal Qormi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li xogħol preliminari fil-Wied imsemmi nbeda fis-16 ta' Frar 2004 u baqa' sejjer sat-12 ta' Mejju 2004. Inġarru l-fuq minn 460 tunnellata ta' materjal u ġiet ifformata t-triq li tieħu għal ġol-wied.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-mina l-antika li minnha jgħaddi l-ilma tax-xita li jiġi minn Wied Inċita u jgħaddi għal mina ta' taħt Triq Manwel Dimech f'Ħal Qormi hux se titkabbar biex jgħaddi l-volum ta' ilma tax-xita li matul is-snin kiber?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li din is-sena u l-parti l-kbira tas-sena d-dieħla, ix-xogħlijiet b'konnessjoni ma' l-għargħar f'dawn l-inħawi qed jiġu kkonċentrati biex ikunu eliminati l-akbar ostakoli li hemm bejn Triq Manwel Dimech f'Ħal Qormi u Xatt il-Mollijiet fil-Marsa. Dan ix-xogħol jinkludi wkoll it-twessiegħ tal-korsa ta' l-ilma. Il-mina li qed jirreferi għaliha l-Onor. Membru hija struttura ta' valur storiku u m'hemm l-ebda ħsieb li din tintmiss. Ghall-futur qed jiġi kkunsidrat li tinfetaħ mina oħra fl-inħawi biex jitjieb il-passaġġ ta' l-ilma.
Jista' il-Ministru jgħid meta ser jibgħat għal dawk li għaddew mill-interview ta' security li sar fil-21 ta' April 2004, biex jingħataw l-appointment?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li r-riżultati tat-tieni parti tal-eżami għad-dħul fil-grad ta' Security Guard, li kienet tikkonsisti f'intervista, intbagħtu lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, minn fejn għandhom joħorġu r-riżultati finali. Hu mistenni li l-appointments jingħataw skond il-vakanzi f'dan il-grad.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-bankina ta' max-Xatt tas-Sliema (in-naħa tal-baħar) fl-inħawi tas-Sliema Hotel, tiġi rranġata peress li parti minnha ilha maqlugħa għal diversi ġimgħat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali.
Skond ir-rapporti li għandu l-gvern peremzz ta' l-awtorita' tar-riżorsi, jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ħażna ta' l-ilma fl-aquifers fil-gżejjer ta' Malta u Għawdex separatament? Kemm hi kkalkulata li sservi din il-ħażna f'Malta u kemm f'Għawdex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ħażna ta' l-ilma fil-Mean Sea Level Aquifer ta' Malta hija stmata li tlaħħaq il-biljun metru kubu.
Bhalissa bħala medja huwa stmat li jittellgħu 38 miljun metru kubu fis-sena, iżda hemm recharge ta' madwar 34 miljun metru kubu fis-sena.
F'Għawdex m'hemmx figuri għal numru ta' snin biżżejjed biex issir stima preċiża.
Jista' il-Ministru jinformani f'liema livelli jinsab l-ilma fl-aquifers tagħna u cioe' kemm minnu huwa tajjeb għax-xorb u kemm minnu mhuwiex tajjeb?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li bħalissa l-pajjiż qiegħed jaħdem biex ikollu livell ta' kwalita' ta' ilma daqs tal-pajjiżi Ewropej.
Minn testijiet li saru fuq l-ilma li jiġi mtella' mill-aquifers, jidher illi l-chlorides u n-nitrates biss f'xi lokalitajiet jaqbżu l-livelli ndikati fid-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea. Kimiki oħrajn ma rriżultawx f'dawn it-testijiet.
Għalhekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qiegħda tibni mpjanti apposta biex ittejjeb il-kwalita' ta' l-ilma tagħna għall-livelli Ewropej.
Jista' il-Ministru jagħti breakdown tas-safar li sar mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu għall-ewwel ħames xhur tas-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Waqt li ma jkolli l-ebda diffikulta sabiex nipprovdi lill-Onor. Membru bl-informazzjoni mitluba għal din is-sena u għas-sena li għaddiet, ma nara l-ebda bżonn li tingħata l-informazzjoni mitluba għal ħames snin wara xulxin. Il-ħin li jkun hemm bżonn sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista' jintuża aħjar.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4526 fejn il-Ministru rrisponda li ż-żonqor li nqala' minn Triq il-Konservatorju, Bormla, parti minnu ttieħed fil-garaxx tal-kunsill ta' Bormla sabiex jiġu maħżuna, jista' il-Ministru jispeċifika fejn ġie maħżun għax il-kunsill lokali attwali ma jaf b'xejn?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li il-materjal l-ewwel ittieħed fl-ex Department of Environment u minħabba l-proġett ta' l-Appoġġ, l-istess materjal ittieħed fi stores il-Verdala.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol ta' Pjazza P. Vassallo, f'Bormla u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fil-waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5960, jien infurmat li qed jiġu ppreparati pjanti emendati li jaddottaw għall-materjal ġdid li ppropona l-Kunsill Lokali ta' Bormla. Dan il-proġett mistenni jinbeda aktar tard din is-sena bħala parti mill-programm ta' xogħol tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Peress li jidher li l-proġett ta' Pjazza Sta. Margerita f'Bormla reġa' għal darb'oħra ma bediex, jista' il-Ministru jara li għallinqas jinbidlu l-ballavostri li waqgħu mad-dawra ta' l-istess pjazza?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi dan ix-xogħol ser jiġi nkluż fil-programm ta' ħidma li jkopri l-perjodu Lulju - Diċembru 2004.
Possibbli jiġi mnaddaf kanal ta' l-ilma li hemm f'Wied iz-Ziju, fiż-Żejtun/Wied il-Għajn li qiegħed biswit l-impjant tar-riċiklaġġ għaliex biex jitnaddaf iridu jidħlu f'għelieqi ta' bdiewa u dan jista' isir biss kif m'hemmx prodotti miżrugħa?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.
Qatt saru testijiet biex jiġi assigurat li l-water table mhix qed tiġi kontaminata b'ilma kontaminat b'bexx jew kimiki jew b'ilma riċiklat li jista' ikun mhux ta' kwalita' tajba?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li jsiru testijiet sabiex jiġu ddentifikati sustanzi kimiki li jiġu mill-bexx u minn tniġġis ieħor jekk u meta dawn ikunu preżenti fl-ilma tax-xorb. S'issa qatt ma rriżulta preżenza ta' dawn, la fl-ilma tal-water table u lanqas fl-ilma li jasal għand il-konsumatur fil-vit.
Fil-garaxx ta' Kordin tad-dipartiment tal-manifattura u servizzi, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi kaxxa kbira li fiha xi statwa/monument ta' daqs kbir? Kemm ilha tistenna hemm? Kemm tiswa? Għaliex ġiet ikkummissjonata? X'użu se jsir minnha?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li fil-garaxx ta' Kordin tad-Dipartiment tal-Manifatturra u Servizzi hemm kaxxa li fiha monument tal-bronż. Din ilha hemm mill-24 ta' Frar tas-sena 2003. Il-fużjoni fil-bronż ta' dan il-monument ġiet tiswa Lm18,084.
Dan il-monument ġie kkommisjonat biex ifakkar l-għaxar anniversarju mit-twaqqif tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Bħalissa qed issir evalwazzjoni ta' diversi postijiet f'Malta biex jinstab post fejn jista' jitpoġġa dan il-monument.
Jista' il-Ministru jinvestiga jekk parti mix-xogħol tal-pavimentar ta' Paceville fil-proġett ta' tisbiħ ta' l-inħawi sarx ħażin u residenti qed jirrappurtaw li qed jinkisru spiss mill-piż ta' vetturi li jitilgħu fuq il-bankini u qed joħolqu perikli għar-residenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-kaptelli tad-drenaġġ fil-bankini, jiena nfurmat li dawn il-kaptelli mhumiex iddisinjati biex jifilħu vetturi, iżda peress li huma fil-bankini dawn huma ntenzjonati għat-traffiku tar-riġel biss. Il-Ministeru qiegħed f'diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali biex ikun hemm iżjed ħarsien tal-liġijiet tat-traffiku, speċjalment biex vetturi ma jitħallewx jitilgħu fuq il-bankini.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-bankini f'Paceville ġew imwessa' tant li ntilfu ħafna parkeġġi għar-residenti, li ħafna minnhom huma anzjani, u tilfu l-ispazju biex jipparkjaw qrib id-dar tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol li sar f'Paceville sar skond il-pjanti li ġew approvati mill-MEPA.
Jista' il-Ministru jgħid jekk iċ-ċint li kien qed jinbena fi Triq is-Sur fil-Fgura hux se jitkompla?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li peress li Triq is-Sur fil-Fgura hija twila ħafna, infatti tibda minn tarf il-Fgura sas-Sur ta' Bormla, nitlob lill-Onor. Interpellant jindikali eżattament il-lokazzjoni li qed jirreferi għaliha.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern kull sena għar-reġistrar ta' vetturi li jġorru l-iskart?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ammont ta' flus li nġabru kull sena bejn l-1998 u l-2002 huwa kif spjegat hawn taħt:-
1998 Lm7,300
1999 Lm16,930
2000 Lm16,180
2001 Lm16,760
2002 Lm17,060
Rigward is-snin 2003 u 2004 nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5833 fejn intqal li issa r-reġistrazzjoni ta' vetturi li jġorru l-iskart taqa' taħt l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Ġew imfassla regolameni li jikkonċernaw fost ħwejjeġ oħra r-reġistrazzjoni ta' vetturi li jġorru l-iskart u dawn ir-regolamenti ser jiġu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tax-xogħol ippjanat għal Pjazza P. Vassallo, f'Bormla? Jista' jgħid meta se jibda x-xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-pjanti tax-xogħol ippjanat għal Pjazza P. Vassallo f'Bormla, kienu saru mill-perit imqabbad mill-Kunsill Lokali ta' Bormla u kienu approvati mill-MEPA.
F'Laqgħa li saret riċentament, kien hemm talba biex jitbiddel il-materjal tal-paviment li kien diġa' approvat. Għaldaqstant il-perit tal-Gvern qed jipprepara pjanti ġodda.
Ministeru għar-Riżorsu u Infrastruttura — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozzi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefaq fuqu kiri ta' karozzi mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li huwa responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fis-snin 2002, 2003 u 2004?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ammont ta' flus li ntefqu fuq kiri ta' karozzi fis-snin 2002, 2003 u 2004 huwa kif ġej:-
Sena Ammont
2002 Lm149,387
2003 Lm174,494
2004 (Jannar - April) Lm37,272