Jista' il-Ministru jgħid xi proċedura hemm dwar il-wirt tal-liċenzji tal-ħaddiema tax-Xatt minn fuq il-missier għal fuq l-iben u dawn inkluż dawk il-każijiet fejn il-persuna li tkun ħadmet ix-Xatt tkun ħarġet mix-xogħol fl-1979? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista tan-nies li sal-lum għadu ma sarx il-wirt minn fuq il-missier għal fuq l-iben jew bint?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li skond ir-Regolamenti Dwar il-Ħaddiema tal-Port tal-1966 il-post vakanti ta' ħaddiem tal-port setgħa jintiret mill-ikbar tifel jew ħu l-ħaddiem tal-port meta dan jirtira. Din kienet tapplika għal dawk il-ħaddiema tal-port li kienu reġistrati fl-10 ta' Ġunju 1975 fis-sezzjonijiet ta' l-istivaturi ta' merkanzija ġenerali jew tal-port labourers. Il-post vakanti ta' ħaddiem tal-Port minn sezzjonijiet oħra bħal bulk cargo workers u cargo workers ma setax jimtela mit-tifel jew ħu dak il-ħaddiem.
Skond ir-Regolamenti Dwar il-Ħaddiema tal-port ta' 1993 post vakanti ta' ħaddiem tal-port seta' jintiret mill-ikbar tifel ta' ħaddiem tal-port li kien reġistrat fis-17 ta' Settembru 1990 meta l-ħaddiem tal-port jirtira, jmut jew jiġi ċertifikat li medikament ma jkunx tajjeb għal xogħol tal-port. F'każ li dak il-ħaddiem ma kellux ulied u kien hekk reġistrat fl-10 ta' Ġunju 1975 il-post seta' jintiret minn ħuħ.
M'hux il-każ li jingħataw ismijiet ta' persuni individwali dwar drittijiet privati.
Trasferiment tal-flus — Pilot Boat Management Fund għall-iStabilisation Fund
Question
Jaqbel il-Ministru li t-trasferiment tal-flus mill-Pilot Boat Management Fund għall-iStabilisation Fund se jippreġudika l-iskopijiet għaliex l-istess fond ġie kkrejat, u dan peress illi mhux se jkun hemm flus biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaqbilx li bit-transazzjoni msemmija tat-trasferiment ta' fondi ġew ukoll ippreġudikati serjament l-irmiġġjaturi li wara kollox kienu fost il-kontributuri ewlenin biex ġew ġenerati dawn il-flus?
Jista’ l-Ministru jgħid ukoll f'liema Union huma msieħba:
a) l-irmiġġjaturi;
b) il-bdoti?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li preżentement hemm il-ħsieb li l-irmiġġjaturi jiġu organizzati f'entita’ ġuridika awtonoma, kif del resto diġa’ ġew organizzati l-bdoti illi llum iffurmaw koperattiva?
Jista’ l-Ministru jgħid b'mod dettaljat x'għajnuna ngħatat lill-koperattiva tal-bdoti biex din tkun tista’ tiffunzjona kif imiss?
Jista’ finalment il-Ministru jgħid kif il-Gvern beħsiebu jgħin sabiex il-koperattiva ta' l-irmiġġjaturi tkun anke hi stess tista’ tiffunzjona kif imiss?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6360 li ġiet indirizzata lilll-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informatika u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' tista' tgħid meta huwa previst li jitlesta x-xogħol tat-terminal ta' l-Imġarr, Għawdex?
Ministeru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Ħlas pendenti lill-kuntratturi
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6629, jista' il-Ministru jirrispondi dwar l-ammonti kollha ta' flus pendenti dovuti għal xogħlijiet u servizzi li saru/ngħataw?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-avukati tal-Malta Maritime Authority? Jista' il-Ministru jispjega x'arranġamenti hemm, fis-sens min huma l-in-house lawyersu min le? Jista' il-Ministru jgħid u jindika x'inhuma s-salarji ta' l-in-house lawyers u kemm tħallsu fis-snin 2003 u 2004 spejjeż legali b'mod legali?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie kkrejat il-Pilot Boat Maintenance Fund u l-Istabilisation Fund fit-termini tal-Malta Maritime Authority Act 1991?
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat, li jkopri s-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004, ta' l-introjtu u l-ħruġ tal-flejjes minn dawn iż-żewġ fondi?
Jista’ f'dan l-eżerċizzju l-Ministru jindika dettaljatament is-sors ta' l-income li jidħol f'dawn il-fondi?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Membri tal-Bord — Pilot Boat Maintenance Fund u l-Istabilisation Fund
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Bord tal-Pilot Boat Maintenance Fund u l-Istabilisation Fundfi ħdan l-Awtorita’ Marittima għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004?
Jista’ l-Ministru jispjega x'kienet ir-raġuni tad-deċiżjoni li ttieħdet fil-11 ta' Lulju 2003 sabiex somma ta' Lm53,049 tiġi trasferita fl-Istabilisation Fund mill-Pilot Boat Maintenace Fund?
Jista’ l-Ministru jispjega jekk hux minnu li dawn il-flejjes tqassmu lill-bdoti u jekk fl-affermattiv jagħti r-raġuni għal dan? Jekk fl-affermattiv ukoll, jaqbel il-Ministru li din ir-raġuni bl-ebda mod m'hi konformi ma’ l-iskopijiet li għalihom kellu jintuża dan il-fond, liema skopijiet huma ben definiti fl-istess liġi?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bdoti u kemm, jekk hu l-każ, tħallsu kull wieħed minnhom mill-fond kif ukoll jagħti d-dettalji u l-ismijiet tal-bdoti in kwistjoni?
Jista’ l-Ministru jispjega fuq liema kriterju, jekk hu l-każ, dawn il-bdoti ngħataw il-flejjes imsemmija?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Local cruising — Vapuri li qed joperaw fl-ibħra Maltin
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-vapuri li qed joperaw preżentement fl-ibħra Maltin in konnessjoni mas-settur turistiku local cruising? Jista' jgħid liema minn dawn huma mixtrija, chartered jew mod ieħor? F'kull każ , kemm tħallset VAT u liema minn dawn ġew eżentati u f'kull każ kemm kien il-valur imħallas jew eżentat? Jista' jgħid ukoll separatament kemm inxtraw u/jew inkrew vapuri minn sidien Maltin u barranin f'dawn l-aħħar sentejn biex joperaw għall-boat trips tat-turisti f'ibħra lokali? Jista' jgħid liema huma dawn il-vapuri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hemm 187-il bastiment li huma liċenzjati biex iġorru passiġieri skond ir-regolamenti ta' l-2002 dwar il-bastimenti kummerċjali.
Minn dawn hemm:
16 il-dgħajsa tal-pass
8 dgħajjes li joperaw fid- Dwejra - Għawdex
76 dgħajsa li joperaw ġo Wied iż-Żurrieq
87 li joperaw f'żoni u minn siti differenti.
Il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija ma tinżammx mill-Awtorita' Marittima.
Jista' il-Ministru jagħti d-dettalji dwar l-appalt tat-terminals tal-Gozo Channel u jgħid meta suppost jitlestew ix-xogħlijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dwar il-proġett tal-mollijiet u terminals ġewwa ċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, qegħdin isiru diskussjonijiet mal-partijiet konċernati bil-għan li l-proġett jiġi ridimensjonat. Għaldaqstant, huwa mistenni illi jkun hemm progress fix-xogħolijiet meta jiġu konklużi dawn id-diskussjonijiet.
Peress illi fit-terminal taċ-Ċirkewwa n-naħa fejn ikun hemm il-karozzi jistennew għall-vapur hemm sensiela ta' bankini b'gap bejniethom u peress li kien hemm diversi inċidenti ta' nies li waqgħu f'dawn il-gaps, jista' il-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dawk li l-Onor. Interpellant qegħda tirreferi għalihom mhumiex bankini sabiex jimxu n-nies minn fuqhom iżda diviżjoni bejn il-marshalling area u l-exit road mill-vapur. F'din it-traffic island, għaddejja l-komunikazzjoni tad-dawl kemm dak domestiku kif ukoll dak tat-toroq ta' l-istess żona. Il-gaps imsemmija qegħdin hemm sabiex iservu ta' passaġġ għall-ilma tax-xita skiond il-qlib tal-marshalling area.
Il-Gvern Malti meta mistenni jieħu deċiżjoni formali dwar il-liċenzji fuq id-dishes tas-satelliti? Il-Gvern Malti jikkonsidra attivament li jagħti refunds fejn applikabbli? Ma jħossx il-Ministru illi l-Gvern Malti għandu jaġixxi unilateralment flok joqgħod jistenna l-UE tiċċensurah dwar dan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Din il-kwistjoni qegħda tiġi kkunsidrata, u nista nassigura lill-Onorevoli Interpellant li mhux il-każ li l-Gvern qed jistenna xi ċensura. Madankollu qabel jittieħdu deċiżjonijiet bħal dawn iridu jiġu kkunsidrati diversi fatturi.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jiġi rranġat il-break water tal-power station għax issa ilu mkisser?
Billi hemm riskju li l-maltemp ikisser xi opri tas-sajd tas-sajjieda Xlukkajri, possibbli dan jingħata priorita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi dan il-moll kien inbena mill-Enemalta li allura hija responsabbli wkoll għall-manutenzjoni tiegħu. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Biljetti ta' l-ajru
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-servizzi tal-kumpanija msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari sar użu minnhom f'okkażżjoni waħda mill-Malta Maritime Authority u l-ammont kien ta' Lm143.70.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija naħseb li la jkun prudenti u lanqas prattiku li nipprovdi l-ismijiet kollha ta' dawk l-aġenziji/kumpaniji li minn għandhom intalbu kwotazzjonijiet f'dawn l-aħħar ħames snin.
Ministeru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Ħlas pendenti lill-kuntratturi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu jagħti flus f'xogħol li għamlu l-kuntratturi u li għadhom ma tħallsux u kemm tammonta l-ispiża għal kull kuntrattur sal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku u jiċċara għal liema tip ta' kuntratturi qed jirreferi.
B'riferenza għall-mistoqsijiet preċedenti tiegħi, possibbli jittieħdu passi biex jiġi aċċertat il-fair way fil-bajja ta' Wied il-Għajn għax hemm sajjieda li huma full timers li ma jistgħux jidħlu u joħorġu minn din il-bajja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-proċess tal-fairway fil-bajja ta' Marsaskala beda bil-ħruġ ta' l-Avviż għal Baħħara f'Marzu li għadda.
F'każijiet bħal dawn, l-Awtorita' Marittima tipprova tilħaq il-kunsens mal-partijiet konċernati. F'dan il-każ qegħdin isiru diskussjonijiet ma' l-Għaqda Dilettanti ta' Marsaskala peress li wisq probabbli ser ikun hemm bżonn isiru diversi ċaqlieq ta' dgħajjes u mażżri. Il-koperazzjoni bejn il-partijiet kollha konċernati, f'każijiet bħal dawn, hija mportanti ħafna sabiex din il-materja tiġi konkluża f'qasir żmien.
Jista' il-Ministru jgħid x'se tkun il-pożizzjoni tal-gvern vis-a-vis il-wasla imminenti f'Malta tal-vapur MV Doulous u l-bejgħ ta' kotba minn fuqu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-MV Doulos ilu jidħol Malta għal diversi snin u l-Awtorita' Marittima ma ssib ebda problema li talloka berth għal dan il-vapur.
Għar-rigward ta' bejgħ ta' kotba, jien infurmat li għad iridu jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6554, peress li issa Għawdex ma għandhux frekwenza nazzjonali jista' il-Ministru jgħid hux ser tingħata frekwenza oħra minflok dik ta' Radio Calypso?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi fis-26 ta' Lulju l-Awtorita' tax-Xandir se tħabbar ir-riżultati ta' business study li se jitfa' dawl dwar is-sitwazzjoni tar-radju nazzjonali eżistenti u jekk għandhomx jiġu allokati frekwenzi ġodda għax-xandir. Dan il-Ministeru għalhekk qed jistenna li jirċievi r-rakkomandazzjonijiet ta' l-Awtorita' tax-Xandir qabel ma jiddeċiedi kif għandu jipproċedi f'dan il-qasam.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6554 jista' il-Ministru jforni d-dettalji kollha dwra dan it-trasferiment u dwar il-mod ta' kif it-talba ġiet determinata mill-Awtorita' tax-Xandir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Billi l-Awtorita' tax-Xandir mhiex parti mid-dikasteru li jaqa' taħt ir-responsabilta' tal-Ministeru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni, nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tagħmel id-domanda tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Minsitru jgħid u jispjega kif l-unika frekwenza tar-radju li kien hemm allokata għal Għawdex fuq bażi nazzjonali issa mhux se tibqa' tittrasmetti minn Għawdex?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi s-sid ta' Radju Calypso qiegħed fi proċeduri biex ibiegħ il-kumpanija Radju Calypso Ltd. lill-kumpanija oħra. Jien infurmat ukoll li l-Awtorita' tax-Xandir kellha talba quddiemha f'dan is-sens u li hija approvata. Peress li l-istazzjonijiet tar-radju joperaw fuq bażi kummerċjali, s-sid ta' dan l-istazzjon m'għandu l-ebda obbligu li jbiegħ lil xi operatur ieħor ġewwa Għawdex għaldaqstant wieħed għandu dritt li jiddisponi mill-istazzjon skond ir-regoli tas-suq. L-approvazzjoni tal-bejgħ ta' dan l-istazzjon skond l-artiklu 16 ta' l-Att dwar ix-xandir.
Festi ċentinarji f'ġieħ Santa Katerina — Ħruġ ta' sett bolol
Question
Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-awtorita` konċernata rċevitx talba sabiex għas-sena d-dieħla fil-festi ċentinarji f’ġieħ Santa Katerina jinħarġu sett bolol tifkira ta' dan l-avveniment? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jista’ jgħid fiex waslet din it-talba u jekk ġietx milqugħa jew le?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord li jagħti pariri dwar disinn tal-bolli rċieva talba biex il-festi ċentinarji f'ġieħ Santa Katerina jkunu mfakkra s-sena d-dieħla bil-ħruġ ta' bolla jew bolli. Din it-talba għad trid tiġi evalwata mill-Bord, flimkien ma' diversi talbiet oħrajn, meta jkun qed jitfassal il-programm għall-ħruġ ta' bolli għas-sena d-dieħla.