Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-pulizija neqsin fid-distretti tal-Pulizija kollha bħalissa? Jista' jgħid jekk preżentament hemmx karozzi tas-servizz 'stand by' li jkunu jistgħu jintużaw mid-distretti f'każ li jkun hemm ħsarat jew bżonn? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm hemm karozzi għal dan il-għan? Jista' jikkonferma jekk hemmx għassa tal-pulizija li ilha bla karozza sa minn Diċembru li għadda? Jekk ir-risposta hija fl-affermativ, jista’ jindika liema hija din l-għassa u r-raġuni għala hemm dan in-nuqqas?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi bħalissa hemm dsatax il-karozza allokati għal xoghol distrettwali f’kull wieħed miż-żewġ distretti f’Malta (total ta’ 38 vettura). Hemm biss żewġ vetturi neqsin fir-Regjun ‘B’, wara li waħda daħlet biex tinbidel u oħra kienet involuta f’inċident tat-traffiku u se tiġi written off. Tajjeb jingħad li hemm vetturi oħrajn fl-istess distrett, allokati f’għases oħrajn, li jistgħu jintalbu meta jkun hemm il-bżonn, sakemm ikun hemm sostituzzjoni tal-istess vetturi. Barra min dan hemm ukoll erba’ vetturi għal użu tad-distrett f’Għawdex. Sakemm inqrat din ir-risposta hemm karozza waħda li bħalissa tkun 'stand by' u li tkun tista’ tintuża mid-distretti.
Jista' l-Ministru jgħid liema hi l-kumpanija li qed tagħmel ir-wrapping/stickers tal-karozzi tal-pulizija? Jista' jgħid jekk din il-kumpanija hux qed tagħmel dan ix-xogħol permezz ta' direct order jew jekk hux għax rebħet tender? Jekk permezz ta' tender, jista' jgħid meta ġiet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern (data preċiża)? Jista' jgħid kemm qed tiġi tiswa kull karozza tal-pulizija biex tiġi wrapped jew jitwaħħlulha l-istickers? Jista' jgħid kemm-il karozza ġiet wrapped minn Marzu 2013 sat-23 ta' Frar 2016 u kemm ġew jiswew lill-Korp tal-Pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi il-Pulizija ma tu¿ax wrapping għal-livery tal-karozzi tal-Pulizija. Infurmat illi bejn Jannar tas-sena 2013 u Jannar ta’ din is-sena, il-maġġoranza tal-istickers li jintużaw għal-vetturi tal-Pulizija ġew mixtrija mingħand il-Viking Signs, waqt li wħud inxtraw mingħand Attard Signs Limited. Dawn l-istickers inxtraw skont il-ħtieġa fiż-żmien li kien hemm bżonnhom u għaldaqstant ma kienx hemm tender. Għar-rigward ta’ stickers li qed jinxtraw minn Frar ta’ din is-sena, il-proċedura hi li jintalbu tal-inqas tlett quotes u wara ġew/jiġu proċessati u approvati mill-Ministeru tal-Finanzi, biex tittieħed l-aktar quote vantaġġjuża. Fil-fatt dawn se jinxtraw mingħand Ray Autostyle. Il-vetturi li sarilhom livery permezz ta’ stickers fil-perjodu msemmi, kienu diversi u ma hux possibli li wieħed jikkalkula kemm kienu ġew jiswew peress li l-istickers jitwaħħlu skont il bżonn u mhux kull karozza jkollha bżonn l-istess ammont ta’ stickers. Barra minn dan seta’ kien hemm stickers mis-snin ta’ qabel u parti minnhom intużaw mis-sena 2013. Madankollu il-pagamenti ta’ stickers mixtrija mis sena 2013 sal-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena kienu, kif jidher fit-tabella t’hawn taħt.
Sena
Fornitur
Ammont
2013
Viking Signs
Euros 3,781
2014
Viking Signs
Euros 1,725
2015
Viking Signs
Euros 3,193
2016
-
Nil so far
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – każijiet ta’ Influwenza (Swine Flu)
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm aktar każijiet ta’ influwenza (Swine Flu) fil-ħabs fil-ġimgħa li bdiet it-Tnejn 22 ta Marzu 2016? Jekk ir-risposta hija iva, kemm kien hemm każijiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għad m’għandiex id-don li nkun naf x’ser jiġri fil-futur.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-sena 2016 li għadha kemm bdiet, kienx hemm detention officers li kellhom kuntratt definit li skada u li sussegwentament ingħataw kuntratt ġdid? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm kien hemm detention officers li ngħataw kuntratt ġdid u għal kemm żmien huwa dan il-kuntratt? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dawn il-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jispjega kif jista’ jiġġustifika dawn il-kuntratti ġodda in vista tal-fatt li n-numru ta’ persuni fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni llum huwa ta’ inqas minn 10 persuni?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li kien hemm żewg persuni biss li l-kuntratt tagħhom skada. Il-kuntratt ta’ dawn għadu ma ġiex imġedded għax għadu qed jiġi abbozzat (għalkemm għadhom jidħlu għax xogħol). Il-kuntratt mistenna jkun għal 12 -il xahar jew sad-data li jilħqu l-eta ta’ rtirar jekk din tiġi qabel.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — direct order
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma ngħatax xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħi jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, mill-2004 sa Marzu 2013.
Korp tal-Pulizija – ħlas għal sigħat twal li għamlu fis-Summit Afrikan Ewropew u fiċ-CHOGM
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23348, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx korrispondenza li għaddiet bejn il-Malta Police Association (MPA) u ċ-CHOGM task force, fejn ġie assigurat li l-fondi għall-ħlas tal-fizzjali jeżisti u qiegħed jistenna biss it-talba min-naħa tal-amministrazzjoni tal-korp biex dawn jitħallsu? Jista' jgħid għaliex l-Amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija ma jridux li jagħmlu t-talba liċ-CHOGM task force biex il-fizzjali tal-korp jitħallsu għas-sigħat żejda li saru waqt is-Summit Afrikan Ewropew u fiċ-CHOGM? Billi fir-risposta parlamentari 23349 il-Ministru informa li l-fizzjali tal-korp tħallsu mill-Kummissjoni Elettorali għal xogħol li għamlu konness ma’ elezzjonijiet, jaħsibx il-Ministru li l-fizzjali tal-Pulizija għandhom jitħallsu miċ-CHOGM task force għax-xogħol li sar minnhom fiċ-CHOGM u s-Summit Afrikan?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Police Association (MPA) hija Assoċċjazzjoni awtonoma u ċ-CHOGM task force ma taqax taħt dan il-Ministeru.
Billi qed ikun evidenti li minkejja x-xogħol kollu, u d-dedikazzjoni kollha li jagħmlu l-pulizija li huma stazzjonati fl-għassa tal-Qawra u ta' San Pawl il-Baħar, xorta qed tinħass nuqqas ta' preżenza tal-pulizija fit-toroq tal-lokalità, jista' l-Ministru jassigura li jekk għadu mhux possibli li jiżdiedu l-pulizija f'dawn l-għases, almenu jiżdiedu sostanzjalment, il-patrols tal-pulizija bil-karozzi?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 23398.
Identity Malta – Applikazzjonijiet għaċ-Ċittadinanza Maltija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija pendenti sal-lum quddiem Identity Malta? Jista' jgħid ukoll kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti li jirrigwardaw ċittadinanza bi żwieġ jew b'naturalisation separatament minn xulxin? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew miċħuda?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru konċernat.
Terminu ta’ żmien sabiex jitlesta l-Proċess għaċ-Ċittadinanza
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-terminu normali ta' żmien li wieħed irid jistenna ladarba jgħaddi mill-istadji kollha tal-proċess għaċ-ċittadinanza sakemm jinħariġlu ċ-ċertifikat?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza li ġew aċċettati iżda li għadhom qegħdin jistennew lill-Ministru jiffirma ċ-ċertifikat taċ-ċittadinanza? Jista' jagħti wkoll id-data ta' meta ngħatat l-approvazzjoni għal dawn iċ-ċittadinanzi u jgħid għaliex il-Ministru għadu ma ffirmax dawn iċ-ċertifikati?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru konċernat.
Akkwist ta’ –ċittadinanza minn barranin miżżewġin Maltin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni li dawk il-barranin li applikaw fl-2014 wara ħames snin żwieġ ma’ Malti/Maltija u għandhom il-karti f’posthom, għadhom qed jistennew il-formalità li jsiru Maltin?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru konċernat.
San Pawl il-Baħar – Ilmenti fil-konfront tal-pulizija
Question
Billi n-nuqqas ta' preżenza ta' pulizija, madwar San Pawl il-Baħar qed twassal għall-ilmenti mhux ġustifikati fil-konfront tal-pulizija li qed iwettqu dmirhom bl-aħjar mod possibbli, iżda hemm nuqqas kbir tagħhom (fin-numru), li assolutament ma jiddependix minnhom, jista' l-Ministru jassigura li jkun hemm in-numru ta’ pulizija meħtieġa għax-xogħol li hemm bżonn?
Response (ABELA, CARMELO)
Minħabba li l-Onor. Interpellant qed jesprimi opinjoni, niġbed l-attenzjoni tas-Sedja għall-ordni Permanenti 27 dwar Regoli dwar interpellanzi u tweġibiet.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati detention officers minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Jannar 2016?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ġew ingaġġati erbgħin (40) detention service officers minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Jannar 2016.
Ċentri ta’ Detenzjoni – detention officers deployed
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk intlaħaqx ftehim mal-GWU dwar il-possibbilità li detention officers jiġu deployed biex jagħmlu xogħol ieħor mhux konness maċ-Ċentri ta’ Detenzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li intlaħaq ftehim fil-11 ta’ Mejju 2015 meta ġie ffirmat is-sectorial agreement. Dan kien magħruf fi stqarrija maħruġa mid-DOI numru PR151036 9 xhur ilu. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-parti relevanti għal din il-mistoqsija.
Ċentri ta’ Detenzjoni – detention officers — xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tul is-sena 2015 kienx hemm detention officers li ntbagħtu jagħmlu xogħol ieħor mhux konness maċ-Ċentri ta’ Detenzjoni u dan in vista li n-numru ta’ residenti fis-sena 2015 niżel drastikament sal-punt li fl-aħħar ta’ Jannar 2015 kien hemm biss 12-il persuna miżmuma fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm kienu dawn il-persuni li ntbagħtu jaħdmu f'post ieħor u f'kull każ għal kemm żmien? Jista’ jgħid kif intgħażlu d-detention officers li ntbagħtu jaħdmu f'postijiet oħra ‘l hinn mid-detention centres?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn Lulju 2015, 52 (tnejn u ħamsin) detention service officer bdew jaħdmu bħala għassiesa fiċ-Ċentri miftuħa mmexxija mill-AWAS. Dawn il-persuni jaħdmu fuq bażi ta’ shift matul il-ġurnata u bil-lejl.
Matul il-Valletta Summit on Migration u matul ic-CHOGM, 20 (għoxrin) detention service officer ġew imqabbda jaħdmu bħala sewwieqa mal-Korp tal-Puluzija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fiċ-Ċentri ta' Detenzjoni fl-aħħar ta’ Diċembru 2013 u fl-aħħar ta’ Diċembru 2014?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fiċ-Ċentri ta' Detenzjoni fl-aħħar ta’ Diċembru 2013 kien hemm 339 (tliet mija, disa’ u tletin) immigrant u fl-aħħar ta’ Diċembru 2014 kien hemm 26 (sitta u għoxrin) immigrant.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-erbgħin karozza li l-Korp tal-Pulizija xtara mingħand iċ-CHOGM task force f'Novembru li għadda, għas-somma ta' €400,000, għadhom mhux jintużaw u qegħdin mitluqa f'Ta' Kandja? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender biex ikun jista' jsir ir-wrapping u l-beacon lights ta' dawn l-erbgħin vettura? Jista' jagħti data preċiża meta dawn l-erbgħin karozza tat-tip Ford Focus se jiġu mgħammra kif suppost, bir-wrapping u l-beacon lights biex jibdew jintużaw mill-membri tal-Korp? Jista' jikkonferma jekk dawn il-karozzi humiex se jkunu qed jintużaw mill-pulizija tad-distrett jew jekk hux se jingħataw lill-membri tal-RIU?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi l-vetturi li nxtraw mill-Pulizija, kif indikat fil-mistoqsija, ser joħorġu fl-iqsar żmien possibli. Numru żgħir tqassmu diġa. Fil-preżent inħarġu numru ta’ tenders u quotes għal xogħlijiet meħtieġa biex jintramaw bħala karozzi tal-pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali li ntefqet mill-Korp tal-Pulizija u/jew mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jew xi entità oħra fl-istess Ministeru sabiex sar xogħol ta' irranġar, maintenance u ristrutturar fuq il-bini li hemm Ħal Ferħ fejn kellhom jiġu akkomodati l-pulizija waqt il-laqgħa taċ-CHOGM?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-ispiża totali li ntefqet mill-Korp tal-Pulizija u/jew mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali jew xi entita’ oħra fl-istess Ministeru sabiex sar xogħol ta' irranġar, maintenance u ristrutturar fuq il-bini li hemm Ħal Ferħ fejn kellhom jiġu akkomodati l-pulizija waqt il-laqgħa taċ-CHOGM kienet ta’ € 12,352,53.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23365, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija humiex se jitħallsu l-ħlasijiet kollha tal-overtime li twettaq b'rabta maċ-CHOGM u l-Valletta Summit 2015?
Response (ABELA, CARMELO)
It-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 23365 hija ċara u għalhekk nirreferih għaliha.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — xogħol ta' konsulenza lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa’ Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħatax xogħol ta’ konsulenza lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament.