Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — bordijiet tal-appell
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Bordijiet tal-Appell, taħt kwalsiasi isem jew titolu, li jinsabu fid-dekasteru tiegħu u b’liema liġi hu mwaqqaf kull Bord jew Tribunal?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fid-domanda tiegħu.
Jista’ l-Ministru jagħti separatament, it-tip ta’ materjal u t-tunnellaġġ ta’ kull materjal, li hemm akkumulat fis-Civic Amenity Sites preżentament,? (għall-finijiet ta’ tweġiba, wieħed għandu jieħu d-data ta’ meta saret din il-mistoqsija parlamentari).
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies ġodda jaħdmu mal-Wasteserv (kemm jekk direttament mal-Wasteserv, kemm jekk sekondati, kif ukoll jekk tramite il-kuntrattur jew bhala self-employed) mill-1 ta’ April 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? F’liema impjant iddaħħlu jaħdmu, x’inhu r-rwol tagħhom u mil-liema lokalità huma?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi żewġ Tabelli fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba. Tabella A turi n-numru ta’ impjegati ġodda li daħlu mal-Wasteserv mill-1 ta' April 2013 sas-7 ta' Jannar 2016. F’dan ir-rigward kien hemm 8 ħaddiema li m’għadhomx impjegati mal-Kumpanija. Tabella B turi n-numru ta’ impjegati ġodda tal-kuntrattur li qed iservu mal-Wasteserv mill-1 ta' April 2013 sas-7 ta' Jannar 2016. F’dan ir-rigward kien hemm 47 ħaddiem li m’għadhomx iservu mal-Wasteserv.
Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali – għoti ta’ kuntratt lill-individwu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħata l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew l-uffiċċju legali tiegħu fl-entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Segretarjat Parlamentari bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, kienx riżultat ta’ direct order jew le?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22010.
Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali – għoti ta’ kuntratt lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħatat l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tiegħu fl-entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Segretarjat Parlamentari bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, kienx riżultat ta’ direct order jew le?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22011.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk, u meta hu mistenni li tinħareġ it-tender biex tkun tista’ topera l-faċilità kummerċjali li mistenni li jkun hemm fl-inħawi tas-salini tal-melħ? X’tip ta’ użu kummerċjali hu mistenni li jkun permess f’dan is-sit?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – għoti ta’ kuntratt lill-individwu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħata l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew l-uffiċċju legali tiegħu fl-entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, kienx riżultat ta’ direct order jew le?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, bejn Marzu 2013 u Novembru 2015, mill-Ministeru tiegħi nkluż id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħi, l-individwu inkwistjoni ngħata tlett kuntratti li n-nefqa tagħhom tammonta għal €30,793.33, u li d-dettalji tal-pagamenti ngħataw fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 17743. L-istess individwu ġie kuntrattat ukoll fuq biċċa xogħol ta’ darba tal-Wasteserv li fuqha saret nefqa ta’ €3,020.80
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – għoti ta’ kuntratt lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħatat l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tiegħu fl-entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, kienx riżultat ta’ direct order jew le?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li b’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 14426, skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, matul il-perjodu msemmi, il-kumpanija inkwistjoni ngħatat xogħol li jammonta għal €2,745 VAT inkluż, għal diversi servizzi għal xi ġranet f’Marzu 2015 għall-okkażjoni tal-iffirmar tal-MOUs għat-tħaddir tal-komunitajiet. Dan ix-xogħol ingħata b’direct order.
Jista' l-Ministru jgħid x'użu qed isir bħalissa miċ-Ċentru San Franġisk f'Ta' Qali, speċjalment filgħaxijiet u bil-lejl?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, Ċentru San Franġisk bħalissa jinsab magħluq u qed jigi mgħasses lejl u nhar sakemm il-post jgħaddi għand l-operatur il-ġdid.
B’referenza għax-xogħol li qed isir fuq il-breakwater tal-Veċċja f’San Pawl il-Baħar, billi qed jingħad li qed jinħolqu xi diffikultajiet għal dawk li normalment jużaw l-istess breakwater, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol li hu marbut ma’ dan l-istess breakwater? Kemm hu mistenni li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li x-xogħlijiet ferm meħtieġa li qed isiru fuq il-breakwater, bilfors joħolqu ċerti diffikultajiet u inkonvenjenza għal dawk li normalment jużaw il-breakwater. Iżda meta x-xogħlijiet jitlestew, il-benefiċċji għall-istess nies ikunu ta’ sodisfazzjon.
Għar-rigward tal-mistoqsija tiegħek, minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninfurmak li x-xogħol li qed isir fuq il-
breakwater
tal-Veċċja f’San Pawl il-Baħar hu mistenni li jitlesta sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, sakemm ma jkunx hemm dewmien minnħabba maltemp li jista’ jaħkem il-post. Ninsab infurmat li l-ispiża fuq dan il-proġett hija maqsuma kif ġej: Xogħol strutturali relatat mal-moll, it-tisħiħ tiegħu u l-faċilitajiet relatati, liema xogħol jammonta għal €1,090,875.10. Minbarra dan, qed isir xogħol għall-Water Services Corporation fuq is-sistema tad-drenaġġ li jammonta għal €117,302.36. Għalhekk l-ispiża totali hija ta’ €1,208,177.46 (VAT eskluż).
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu r-roundabouts li fuqhom sar xogħol straordinarju matul dawn l-aħħar xahrejn, mill-ELC? Fiex kien jikkonsisti dan l-istess xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Nixtieq intik l-informazzjoni mitluba biss kif diġa fissirt fit-tweġibiet ta’Mistoqsijiet Parlamentari oħrajn, l-operat tal-ELC ma jaqax taħt il-Ministeru tiegħi.
Għawdex — Ix-Xewkija - Gozo Waste Transfer and Material Recovery Facility - xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21351 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta beda x-xogħol fuq il-Gozo Waste Transfer and Material Recovery Facility f’Tal-Kus fix-Xewkija Għawdex? Jista’ jgħid kemm sewa dan il-proġett u kemm minnu kien kofinanzjat minn Fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid għaċ-Ċerimonja tal-Inawgurazzjoni, min iddeċieda min għandu jkun mistieden?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, x-xogħol fuq il-Gozo Waste Transfer and Material Recovery Facility f’Tal-Kus fix-Xewkija Għawdex inbeda f'Awissu tal-2014 fil-barriera imħaffra. In-nefqa qabżet it-totali ta għaxar miljun Ewro b’kofinanzjament mil-Unjoni Ewropea ta 85%, u funding gap ta 80.794%.
L-għażla tal-mistiedna ġiet deċiża mill-uffiċjali tal-Wasteserv flimkien mal-Ministeru u fosthom kien hemm stedina għall-Kelliema ewlenija ta’ l-oppożizzjoni għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport, li ma setgħetx tattendi minħabba impenji oħra.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — petrol u diesel - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija 21643 u jgħid kemm intuża petrol u diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti, għall-karozza li juża l-istess Ministru minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015? Jista’ jgħid ukoll kemm intuża petrol u/jew diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti għat-tieni karozza u karozzi oħra li juża l-istess Ministru, jew xi ħadd awtorizzat minnu, minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-ispiża fuq fuel għall-karozza uffiċjali tiegħi fil-perjodu msemmi kienet medja ta’ €50 fil-ġimgħa. Bħala fuel ingħatat medja ta’ 36 litru fil-ġimgħa.
F’din il-leġislatura la użajt jew awtorizzajt l-użu tat-tieni karozza jew ta’ xi karozza oħra.
Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — petrol u diesel - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21644 u jgħid kemm intuża petrol u diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti, għall-karozza li juża s-Segretarju Parlamentari fl-uffiċċju tal-istess Ministru minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015? Jista’ jgħid ukoll kemm intuża petrol u/jew diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti għat-tieni karozza u karozzi oħra li juża s-Segretarju Parlamentari fl-uffiċċju tal-istess Ministru, jew xi ħadd awtorizzat minnu, minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-ispiża fuq fuel għall-karozza uffiċjali tas-Segretarju Parlamentari fil-perjodu msemmi kienet medja ta’ €80 fil-ġimgħa. Bħala fuel ingħatat medja ta’ 59 litru fil-ġimgħa.
F’din il-leġislatura la użajt jew awtorizzajt l-użu tat-tieni karozza jew ta’ xi karozza oħra.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — użu tat-tieni karozza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tieni karozza li kien juża l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kenitx tinkera jew kenitx mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid liema mudell kienet din il-karozza? F’każ li l-karozza kienet mikrija, x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu? Kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozza kienet inxtrat mill-Gvern u meta nxtrat? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswijiet li saru fuq din l-istess karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflok it-tieni karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, xahar b’xahar b’mod separat, għat-tieni karozza li għamel użu minnha l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu?
Response (BRINCAT, LEO)
L-Onor. Interpellant japprezza li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli għaliħ nibet minn Ministeri oħra li kienu jħaddnu wkoll bosta sezzjonijiet u jew entitajiet u dipartimenti li llum ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-parti l-kbira l-Ministeru tiegħi twieled minn dak li qabel kien il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali (MRRA) li minnu twieled ukoll il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura (MTI) tal-lum. Għaldaqstant biex ma tingħatax informazzjoni doppja għal perjodu msemmi bejn l-2008 sa Marzu 2013 ir-risposta ser tingħata mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari simili.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward rimi ta’ tyres ħżiena?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li minn stħarriġ li sar fuq l-ilment imsemmi jirriżulta li d-depożitu jew ir-rimi ta’ tyres ħziena jsiru għand il-kuntrattur imqabbad mill-Wasteserv. Kien hemm ċirkostanzi fejn minħabba nuqqas ta’ spazju, il-kuntrattur ma setax jilqa’ għandu aktar tyres iżda din is-sitwazzjoni ġiet rimedjata u infurmat li l-kuntrattur qed jerġa’ jilqa’ t-tyres ħżiena.