Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar – persuni jistennew għall-appuntament biex jiffirmaw kuntratt ġdid għall-kera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex persuni li qed jistennew mingħand l-Awtorità tad-Djar sabiex jingħataw appuntament biex jiffirmaw kuntratt ġdid ta’ kiri fuq il-proprjetà tagħhom, mhumiex qed jitħallew iħallsu l-kera?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar qed timxi mal-kundizzjonijiet li joħorġu mill-istess kuntratti li qed issir referenza għalihom f’din il-Mistoqsija Parlamenatri u li tali kundizzjonijiet kienu mposti fis-snin preċidenti meta sar l-iffirmar tal-kuntratt li llum huwa skadut. Madanakollu, l-Awtorita’ qeda tara kull possibilita’ li tirregoralizza dawn il-kuntratti u tħares lejn il-vulnerabilita’ tagħhom.

Residenza San Vinċenz de Paule – kuntratt tas-servizz tal-ikel

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26122, jista’ l-Ministru jgħid jekk intgħażilx il-kuntrattur il-ġdid tas-servizz tal-ikel? Jista’ jgħid min hu l-kuntrattur il-ġdid u jgħid ukoll x’inhu t-terminu ta’ dan il-kuntratt il-ġdid?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, it-tender ħareġ u ġie aġġudikat, iżda ġiet ippreżentata oġġezzjoni mill-kuntrattur li ma ntagħżilx. Il-proċess kollu qed isir mid-Dipartiment tal-Kuntratti.

Residenza San Vinċenz de Paul – tobba impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rakkomandazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq il-każ datat 30 ta' April 2015 u li referenza għalih qed tingħata separatament, li jitratta numru ta' tobba impjegati fir-Residenza San Vincenz de Paul, ġewx esegwiti mill-Gvern? Jekk iva, jista' jgħid x'kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq il-każ datat 30 ta' April 2015 u li kien jitratta numru ta' tobba impjegati fir-Residenza San Vincenz de Paule, ġew implimentati kollha mill-Gvern preżenti. Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istess Ombudsman kien agħmilha ċara li l-problemi ma kienux riżultat ta’ maladministration mill-amministrazzjoni preżenti imma minħabba xi kundizzjonijiet li kienu ddaħħlu fil-Ftehim Kollettiv iffirmat bejn il-Gvern preċedenti u l-MAM ftit qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Birgu — Ċentru ta’ Matul il-Jum – aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk iċ-Ċentru ta' Matul il-Jum (Day Centre) fil-Birgu, li mistenni jiftaħ matul ix-xahar ta' Lulju, hux se jkun post aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità nkella għall-anzjani bi problema ta' mobilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-pjanijiet oriġinali, diġa’ kien maħsub xogħol u nstallar ta' ekwipaġġ li jippermetti li s-sit ikun aċċessibli; liema ekwipaġġ jkun kompatibbli man-natura tal-binja u dan skont ukoll ix-xewqa tal-istess kunsill. Bħalissa pero’, qed isiru diskussjonijiet ulterjuri biex l-ekwipaġġ propost jinbidel sabiex eventwalment ilaħħaq mad-domanda kbira, anke in vista tal-interess massiċċ f'dan is-servizz ġdid, għall-anzjani tal-inħawi.

Persuni f’riskju ta’ faqar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-aħħar statistika li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu dwar kemm hemm persuni li huma f’riskju ta’ faqar u jaqsamhom f’kategoriji ta’ kemm hemm minnhom minn tfal sa 16-il sena, żgħażagħ bejn is-16 u l-35 sena, irġiel u nisa bejn l-35 u l-65 sena, anzjani bejn 65 sena sa 75 sena u anzjani ta’ ‘l fuq minn 75 sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, statistika bħal dik mitluba minnu tista’ tinkiseb biss mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) u trid tinġabar minn surveys differenti li l-istess uffiċċju jagħmel minn żmien għal żmien, inkluż iċ-Ċensiment Nazzjonali, il-Household Budgetary Survey u s-Survey on Income and Living Conditions. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Persuni f’riskju ta’ faqar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, mill-aħħar studju li għandu f’idejh, kemm minn dawk li huma f’riskju ta’ faqar, ma jaħdmux, għandhom xi forma ta’ diżabilità, anzjani ta’ ‘l fuq minn 65 sena u persuni bla xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, bħalma weġibt għall-mistoqsija parlamentari numru 26272, statistika bħal dik mitluba minnu tista’ tinkiseb biss mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) u trid tinġabar minn surveys differenti li l-istess uffiċċju jagħmel minn żmien għal żmien, inkluż iċ-Ċensiment Nazzjonali, il-Household Budgetary Survey u s-Survey on Income and Living Conditions. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Persuni jistennew saqaf fuq rashom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nies jistennew biex jingħataw għajnuna biex ikollhom saqaf fuq rashom u d-dar tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ tad-Djar sal-lum għandha 2835 applikazzjoni minn persuni li qed jitolbu akkommodazzjoni alternattiva mifruxa fuq diversi kategoriji. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, filwaqt li l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, m’hijiex l-entità responsabbli għall-akkommodazzjoni soċjali, minn ċertu snin ’l hawn dejjem kien hemm għadd ta’ persuni bi problemi soċjali li minħabba li spiċċaw jgħixu fil-faqar, ma setax ikollhom saqaf fuq rashom. Għaldaqstant, l-Fondazzjoni bdiet tgħin billi ssibilhom postijiet f’diversi homeless shelters li jmexxu għaqdiet mhux governattivi. Sal-aħħar ta’ Mejju 2016 l-għadd ta’ persuni bla dar li kienu qed joqgħodu f’ homeless shelters permezz tal-Private Public Partnerships bejn l-Fondazzjoni u l-NGOs, kien ta’ 40 b’ kollox.

Barranin li jgħixu f’dar waħda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri se jittieħdu biex dawk id-djar li jinkrew lill-gruppi ta’ barranin, fejn ankè tista’ tgħid li xi drabi jkun hemm ‘l fuq minn 10 barranin qed jgħixu f’salt f’dar waħda, bil-konsegwenza li dan il-fenomenu għolla l-kirjiet lill-familji Maltin u ġabhom jikkompetu biex jikru dar lil dawn il-gruppi ta’ barranin biex jgħixu flimkien?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu ma taqax fil-kompetenza tal-Ministeru li jien responsabbli minnu.

Housing – politika tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’politika għandu l-Gvern biex jindirizza r-realtajiet ġodda fil-qasam tal-housing fejn persuna separata li għandha l-paga minima ma tistax tissellef iktar minn €60,000 mill-banek kummerċjali u fl-istess ħin ma taffordjax li tixtri d-dar tagħha u jekk tmur fil-kera, porzjoni kbira mill-paga tagħha jmorru għall-kirja tad-dar bil-konsegwenza li din il-persuna tibda tgħix fil-faqar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26277.

Housing Soċjali – politika tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-politika tal-Gvern fuq il-housing soċjali llum li qed niffaċċjaw realtà ġdida fejn il-kirjiet qegħdin jagħmluha kważi impossibbli li għal sezzjoni tas-soċjetà bi dħul limitat li jikru?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar hija konxja minn din ir-realta’ ġdida u filfatt qiegħda taħdem bis-sħiħ sabiex tindirizza din il-problema. Dan qed tagħmlu permezz ta; programm li jinsab għaddej bħalissa, sabiex l-Awtorita’ tad-Djar iżżid l-istokk ta’ residenzi li għandha u b’hekk tkun f’pożizzjoni aħjar li tkun tista’ tgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta’. Barra minn dan, qiegħda tkun studjata wkoll il-possibilita’ li l-Awtorita’ tad-Djar tirrevedi l-ammont tas-sussidju li hija toffri lil dawk li qed jikru r-residenza tagħhom mingħand il-privat, kif ukoll skemi oħra.

Stallazzjoni ta’ lift fi Blokka

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fejn waslet l-applikazzjoni għall-istallazzjoni ta' lift fil-blokk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-permess tal-ippjanar ta' din l-applikazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħtaw separatament, ġiet approvata u qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa lill-każ ikkonċernat.

Servizzi Soċjali — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward għajnuna fuq is-servizzi soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-każ imsemmi minnu ġie mistħarreġ u l-persuna ġiet infurmata bil-proċess.

Problema ta’ Pensjoni – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward problema ta’ pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-każ tal-persuna msemmija ġie investigat u l-individwu ġiet infurmata bl-eżitu.

Dipartiment tas-Servizzi Soċjali – single parents

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 25921 jista' l-Ministru jgħid kemm hemm: a. tfal involuti mill-għadd ta' 10,931 single parents ; b. kemm hemm romol involuti fl-għadd ta' 10,931 single parents ; u c. kemm hemm persuni separati mill-għadd ta' 10,931 single parents ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paule – problema ta’ ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir biex titnaqqas il-problema ta' ġrieden li teżisti fir-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule, ma hemm ebda problema ta' ġrieden, iżda jeżisti programm preventiv permezz ta’ numru ta’ nases. Isir ukoll tindif ta’ rutina, kemm barra kif ukoll ġewwa il-faċilita’, kif ukoll proċessi oħra ta’ diżinfettant skont il-bżonn.

Santa Venera – Thouret House – żieda fil-preżenza tal-pulizija

Question

B’rabta mas-sigurtà tal-ħaddiema u tar-residenti stess f’Thouret House, jista’ l-Ministru jikkunsidra li jibda jkun hemm preżenza tal-pulizija b’mod permanenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, diġa’ għamlet talba formali u saret laqgħa bejn l-istess Fondazzjoni u uffiċċjal għoli fil-Korp tal-Pulizija sabiex tiġi kkunsidrata l-preżenza tal-pulizija fuq bażi permanenti f’Thouret House.

Residenza San Vinċenz de Paule – ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fir-Residenza San Vinċenz de Paule li huma Maltin u li jgħixu f'Għawdex? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema Għawdxin li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paule u kemm minnhom jgħixu f'Għawdex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, filwaqt li r-Residenza San Vinċenz de Paule m’għandhiex impjegati Maltin u li jgħixu Għawdex, mill-banda l-oħra, ir-Residenza San Vinċenz de Paule għandha 23 ħaddiem Għawdxi li jgħixu ġewwa Għawdex.

Residenza San Vinċenz de Paule – servizz privat ta’ sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-Residenza San Vinċenz de Paule tagħmilx użu minn servizz privat ta' sigurtà? Jekk iva, jista' jagħti dettalji tal-kuntrattur li qiegħed jagħti dan is-servizz, ta' kif ingħata dan il-kuntratt, jekk hux b'direct order jew permezz ta' tender u jagħti kull dettal ieħor? Jista' jpoġġi kull ftehim li għandu f'dan ir-rigward fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi invista tax-xogħlijiet li qed isiru u li kienu jirrekjedu iktar sorveljanza, ingħata kuntratt għall-servizz ta’ emerġenza li jammonta sa massimu ta’ €2,500.

Anzjani li jagħmlu użu min-n night xelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-anzjani li jagħmlu użu minn-night shelters f'Malta jingħatawx ukoll is-servizz ta' trasport minn djarhom għan-night shelters u lura? Jekk iva, jista' jgħid kif jingħata dan is-servizz? Jekk le, jista' jgħid għaliex dan is-servizz ma jiġix provdut?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, t-transport lill-anzjani l jagħmlu użu minn Night Shelter, sa issa huwa offrut biss lill-anzjani li joqgħodu fil-viċinanzi ta’ San Vinċenz de Paul u li jattendu n-Night Shelter ta’ San Vinċenz de Paul. L-anzjani jinġabru minn djarhom għan-night shelter u lura. Dan is-servizz huwa pprovdut minn San Vinċenz de Paul u huwa bla ħlas. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, fil-31 ta’ Mejju 2016, ġie ntrodott servizz ta’ transport għall-anzjani li jagħmlu użu mid- Dementia Activity Centre f’Għajnsielem. Minħabba li s-servizz ta’ night shelter huwa provdut fl-istess binja, s-servizz ta’ t-transport ġie estiż għal dawk l-anzjani li jattendu n- Night Shelter ġewwa Għajnsielem u li kienu nteressati, bi ħlas.

Awtorità tad-Djar – kuntratti ta’ kiri li skadew

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' kuntratti ta' kiri li għandha l-Awtorità tad-Djar li diġà skadew u li sal-lum għadha ma ffirmatx kuntratti oħra ġodda mal-inkwilini tagħha? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' dawn il-proprjetajiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar diġa’ bdiet iġġedded xi kuntratti li saru fis-sena 2009, 2010 u 2011. Għad baqa’ 377 kuntratt li skadew fuq medda ta’ tlett snin u li għadhom ma ġewx iffirmati kuntratt ġdid għalihom mal-inkwilini. Il-proprjetajiet ikkonċernati huma mferxin madwar Malta u Għawdex.