Wara rapporti li ma ġewx miċħuda fil-ħarġa ta’ The Malta Independent, ta’ nhar il-Ħadd 25 ta’ Ottubru 2015 fejn intqal li l-kuntratt tal-Electrogas jippermetti lill-Gvern jixtri l-elettriku minn sors irħas mill-prezz miftiehem għal 18-il sena, imma l-kumpanija xorta jieħdu d-differenza, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-ftehim sabiex il-Parlament ikun jaf xi ftehim għamel il-Gvern f’isem il-poplu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li dak li ntqal mhuwiex korrett.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk, huwiex minnu li l-iron supplements li kienu jiġu pprovduti bla ħlas lid-donaturi tad-demm twaqqfux u issa d-donaturi qegħdin jiġu mitluba li jixtru t-tali supplement huma sad-data li ġiet imressqa din il-mistoqsija parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti spjegazzjoni għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni?
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jdum għaddej ix-xogħol fi Triq Birkirkara, Triq San Ġiljan u Triq San Ġwann tal-Għargħar f'San Ġwann mid-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fi Triq Birkirkara min naħa tal-WSC huwa lest. Ix-xogħol ta’ trinek fi Triq San Ġiljan u Triq San Ġwann tal-Għargħar dalwaqt jitlesta. Kif jitlesta dan ix-xogħol imbagħad jiġi ttestjat il-main tal-ilma u meta jgħaddi mit-test tal-pressa, ikun jista’ jsir l-asfalt.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien ippjanat li se jdum ix-xogħol fi Triq Birkirkara, Triq San Ġiljan u Triq San Ġwann tal-Għargħar f'San Ġwann? Meta fil-fatt beda x-xogħol? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol mid-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fi fi Triq Birkirkara huwa lest min naħa tal-WSC. Il-wiċċ tal-asfalt hu mistenni li jingħata minn Transport Malta fi żmien qarib.
Ix-xogħol fi Triq Triq San Ġwann tal-Għargħar beda fit-8 ta’ Settembru u mistenni jitlesta sa ġimgħatejn oħra. Ix-xogħol qed idum aktar milli pjanat minħabba li nstabu ħafna servizzi. Infatti, waqt ix-xogħlijiet biex jitpoġġa pipe tal-ilma ta’ 500mm, qed issir devjazzjoni ta’ cable tal-GO biex ikun hemm post fejn jitpoġġa l-main tal-ilma.
Ix-xogħol fi Triq San Ġiljan mistenni li jitlesta sa xahar ieħor. Ix-xogħol dam aktar milli pjanat minħabba numru ta’ servizzi li instabu fit-toroq fejn kien diffiċli biex ix-xogħol isir b’rata mgħaġġla. Kien hemm xi xogħol addizzjonali li sar ukoll biex is-sistema tal-ilma ssir aħjar. Ix-xogħol f’din it-triq ukoll kien wieqaf għal madwar xahar minħabba mandat tal-qorti minn wieħed mir-residenti.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn sad-data li qed issir din il-mistoqsija parlamentari għadu ma ngħatax it-tarmak fi Triq Birkirkara, San Ġwann, fil-parti bejn Triq in-Naxxar u Triq tas-Sliema meta x-xogħol f'din il-parti tat-triq ilu li ntemm għal numru ta' ġimgħat u t-trinka li nfetħet biex fiha jsiru x-xogħlijiet ingħalqet u ngħatat il-konkos sal-livell ta' wiċċ it-triq?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17797 u jgħid kemm huma l-impjegati tal-Engineering Resources Ltd li huma assenjati:
(a) mal-Enemalta plc;
(b) mall-Ministeri/Dipartimenti tal-Gvern (u jelenka kemm hemm impjegati ma’ kull Ministeru/dipartiment partikolari;
(c) mal-entitajiet oħra (u jelenka kemm hemm impjegati ma’ kull entità oħra)
(għall-finijiet ta’ din il-mistoqsija parlamentari wieħed għandu jieħu d-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari.)
Jista’ jgħid kemm mill-impjegati li ġew assenjati mal-Ministeri/dipartimenti jew entitajiet oħra talbu huma biex jitilqu mill-Enemalta u kemm minnhom ġew mibgħuta direttament mill-management?
Peress li l-mistoqsija oriġinali kienet saret fit-8 ta’ Lulju 2015 u l-informazzjoni mitluba kienet tgħid li għal finijiet tat-tweġiba, trid tittieħed id-data li fiha saret il-mistoqsija parlamentari u ċjoe t-8 ta’ Lulju 2015, jista’ jgħid jekk mit-8 ta’ Lulju 2015 sad-data li qed issir din il-mistoqsija parlamentari u ċjoe: 11 ta’ Ottubru 2015, kienx hemm xi ċaqliq jew kambjament għaċ-ċifri mitluba sat-8 ta’ Lulju 2015? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija tal-Gvern Engineering Resources Limited kellha 1,363 (elf, tlett mija, tlieta u sittin) impjegat sekondati sat-8 ta’ Lulju 2015. Minn dak iż-żmien sal-11 t’Ottubru 2015 sar ċaqlieq minimu u ċ-ċifra niżlet għal 1,352 (elf, tlett mija, tnejn u ħamsin).
Jista’ l-Ministru jgħid minn Marzu 2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm saru direct orders għal xiri ta’mediċini? Ġew irrispettati r-regoli tal-procurement? Mingħand min inxtraw dawn il-mediċini?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ladarba l-Isptar San Luqa se jiġi żviluppat u se jkun immexxi mill-privat, jista’ l-Ministru jgħid fejn se jiġi rilokat iċ-Child Guidance Clinic (CGC)? Jista’ jgħid jekk bediex xi xogħol f’dan ir-rigward u jekk il-professjonisti ġewx ikkonsultati?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadhom qed isiru diskussjonijiet dwar din il-materja.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa għal Theatre Manager fl-Isptar Mater Dei? Kemm applikaw għal din il-post u min hi l-persuna li ntgħażlet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejha inħarġet fil-25 ta’ Novembru 2014, għaliha applikaw tmienja (8). Il-persuna appuntata huwa is-Sur Stanley Iles.
B’Bugia – Triq iż-Żurrieq – perkolazzjoni ta’ drenaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jara tinstabx soluzzjoni għar-rigward ta’ perkolazzjoni ta’ drenaġġ li ilha eżistenti għal dawn l-aħħar 4 snin u liema drenaġġ qed jesporġi f'residenzi privati fi Triq iż-Żurrieq B'Buġia u dan nonostante d-diversi rapport li saru?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qegħdin isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa fuq il-mejnijiet tad-drenaġġ tal-akwati. Diġa’ sar intervent ta’ riparazzjoni u l-każ se jkompli jiġi segwit mill-qrib.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn fl-20 ta’ Lulju, parti sostanzjali mill-Imsida kienet mingħajr dawl?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-20 ta’ Lulju, parti mill-Imsida kienet mingħajr dawl minħabba ħsara naturali fuq cable tas-sistema tal-high tension.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu fiżjoterapisti fis-sena 2015 u jista’ jgħid ta’ liema nazzjonalità huma?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sat-18 ta’ Settembru 2015, ġew ingaġġata wieħed u għoxrin (21)-il fiżjoterapista matul is-sena 2015 u dawn huma kollha Maltin