Kemm-il ċittadin/kumpannija Maltija resqu każ quddiem il-Qorti Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa fis-snin li għaddew?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull applikazzjoni, li xi ċittadin ta' Stat Membru tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem iressaq quddiem il-Qorti Ewropea, tiġi sottomessa direttament lill-Qorti w għalhekk l-istat, li tiegħu l-applikant ikun ċittadin, ma jiġix infurmat li tkun tressqet applikazzjoni.
Tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf li ħafna mill-każi mressqa jiġu mwarrba mill-Qorti stess wara li jkunu nstabu bħala invalidi, u li ma tinżamm l-ebda kwalita ta' rekord dwar dawn il-każi.
Minn informazzjoni miksuba mill Qorti Ewropea, jirriżulta li kien hemm:
1) sbatax-il każ kontra Malta li ġew dikjarati inammissibli (li każ minnhom tressaq minn ċittadin mhux Malti),
2) ħames każi kontra Malta li ġew deċiżi b'sentenza (li tlieta minnhom tressqu minn ċittadini mhux Maltin) u
3) każ li intlaħaq ftehim dwaru bejn iż-żewġ partijiet.
Barra minn hekk, hemm ħames każi oħra kontra Malta li għadhom qed jiġu konsiderati mill-Qorti Ewropea.
Jirriżulta li taħt l-arranġamenti ta' special temporary state and to support processors and recognised retailers of imported products, pajjiżna mhux se jkun eżentat mit-tariffi li l-UE timponi fuq l-importazzjoni ta' l-ikel, xorb u tabakk impurtati mill-pajjiżi li mhumiex membri tagħha?
Response (BORG, JOE)
Nitlob li l-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat
Jista' il-Ministru jgħid jekk jikkonfermax il-pożizzjoni tal-mistoqsija parlamentari numru 37428 u cioe'
kif jispjega l-fatt il-Ministru li
supply measures
li qed jiġu negozjati ma l-Unjoni Ewropea se jkunu jkopru biss l-importazzjoni attwali ta' suq ta' 380,000 ruħ meta l-industriji lokali jridu jipparteċipaw u jkunu kompetitivi f'suq ta' l-Unjoni Ewropea ta' 380 miljun illum u 500 miljun wara t-tkabbir?
Response (BORG, JOE)
Ir-risposta għal din il-Mistoqsija ingħatat fis-seduta numru 833 mill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu drivers personali miegħu?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għandi żewġ drivers personali miegħi, u dawn skond il-Memorandum "Guide Lines on the Engagement of Staff for Private Secretariats".
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Protocol speċjali li Malta rnexxielha tikseb mal-UE fuq il-kwestjoni ta' l-abort?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fżq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim milħżq fżq il-Protocol speċjali li ser jifforma parti mit-Trattat ta' sħżbija liMalta ser tiffirma fis-16 t'April li ġej. Il-ftehim milħżq hż fżq it-text bl-ingliż
Jista' il-Ministru jibgħat kopja tal-istqarrija tal-Isqfijiet (COMECE) li ħarġet illum lill-membri kollha tal-Parlament jew almenu iqiegħed kopji fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, JOE)
Qçgħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istqarrija ta' l-Isqfijiet (COMECE) li għaliha irrefera l-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm laptop computers għall-użu tal-uffiċjali u mpjegati fil-Ministeru u entitajiet taħt id-dikasteru tiegħu? Jista' jgħid min qed jagħmel użu minnhom u meta nxtraw? X'mudell huma u meta u kemm inxtraw?
Response (BORG, JOE)
Sakemm ma ningħatax raġuni konvinċeti 'l għala qed tintalab din l-informazzjoni ddettaljata ma nara l-ebda skop li nitlob li jinħela ħafna ħin biex tinġabar.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm flus intnefqu u kemm dam sejjer ix-xogħol fuq il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fi Triq il-Merkanti? Jista' wkoll jinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li l-bankina ta' quddiemu ssir ukoll ġdida?
Response (BORG, JOE)
Ix-xogħol ta' restawr taż-żewġ faċċati ta' Palazzo Parisio li fih jinsab il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ġie jiswa LM61,723,89 u dam sejjer 42 ġimgħa.
Rigward il-bankina, tajjeb jingħad illi t-tiswija tal-bankini hija responsabbilta tal-Kunsill Lokali. Il Ministeru fi ħsiebu jagħmel talba lill-Kunsill Lokali tal-Belt, Valletta sabiex issir bankina ġdida quddiem il-Ministeru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu tariffi u fees amministrattivi f'dipartimenti/awtoritajiet/organizazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fis-sena 2002? Kien hemm xi għoli fil-prezzijiet ta' xi servizzi li jagħtu dawn id-dipartimenti, awtoritajiet jew organizazzjonijiet?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ma żiedx tariffi u fees amministrattivi matul l-2002.
Jirriżultalu l-Ministru jekk fid-dawl tan-negozjati ta' Malta ma l-Unjoni Ewropea humiex se jkunu mposti tariffi prottettivi (levies) fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli anke wara s-sena 2010? Jista il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn it-tariffi ġodda (levies) li trid ddaħħal malta sabiex tipproteġi l-biedja ta' l-UE?
Response (BORG, JOE)
Peress li l-Mistoqsija tirrigwarda materja teknika dwar prodotti agrikoli nitlob l-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal l-iffirmar minn Malta tal-Bioethics Convention tal-Kunsill ta' l-Ewropa.
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed jikkonsidra sew l-iffirmar u wkoll l-irratifikar ta' din il-Konvenzjoni.
Din ir-ratifika tirrekjedi mhux biss studju profond tal-Konvenzjoni biex jiġu identifikati l-obbligi li jkunu jridu jiġu aċċettati mar-ratifika, imma wkoll studju ta' dawk il-liġijiet lokali li jkunu jridu jiġu emendati kif ukoll preparazzjoni ta' liġijiet ġodda li jista' jkun hemm bżonn isiru qabel ma jiġu aċċettati dawn l-obbligi.
Irid ukoll isir studju biex jiġi deċiż jekk hemmx bżonn li l-Gvern jagħmel xi reżervi meta jirratifika din il-Konvenzjoni u jekk iva x'riżervi hemm bżonn li jsiru.
Dan il-proċess diġa beda, iżda billi l-eżerċizzju legali nvolut huwa intensiv mhux ħażin u billi x-xogħol irid isir b'mod akkurat ħafna, il-proċess jirrikjedi ċertu tul ta' żmien sabiex jitlesta.
Jista' il-Ministru jgħid intalbitx għajnuna mill-Ġnus Magħquda u/jew minn xi organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn biex jgħinu lil Malta tikkontrolla d-dħul ta' immigranti illegali u tgħin biex tieħu ħsiebhom?
Response (BORG, JOE)
Ma ntalbet l-ebda għajnuna mill-Ġnus Magħquda u / jew minn xi organiżżazzjonijiet internazzjonali oħrajn biex jgħinu lil Malta tikkontrolla d-dħul ta' immigranti illegali jew biex jgħinuha tieħu ħsiebhom.
Peress li din il-materja taqa' taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministeru ta' l-Intern, jekk l-Onorevoli Interpellant irid nformazzjoni aktar ddettaljata nitolbu jagħmilha lil dak il-Ministeru.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar mis-Sur Ranier Fsadni
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni tas-safra tas-Sur Ranier Fsadni fil-Greċja, li skond ir-risposta li ta għal mistoqsija parlamentari 34031 ġiet tiswa 'l fuq minn Lm400, u għal liema raġuni li s-sur Fsadni li mhux impjegat tal-Foreign Office isiefer a spejjeż ta' dan il-ministeru?
Response (BORG, JOE)
Is-Sur Ranier Fsadni siefer biex jattendi l-laqgħa tal-Forum Mediterranju f'Delos, il-Greċja. Din kienet laqgħa fejn kull pajjiż membru tal-Forum kien mistieden li jinnomina żewġ intellettwali sabiex jattendu flimkien mad-delegazzjoni ministerjali. L-intellettwali ta' kull pajjiż kellhom jipparteċipaw f'diskussjonijiet dwar l-iskambji interkulturali u d-djalogu bejn iċ-ċiviltajiet. Il-Gvern Malti nnomina lill-E.T. Dr Ugo Mifsud Bonnici u lis-Sur Ranier Fsadni, lil dan ta' l-aħħar peress li jgħallem l-antropoloġija kulturali tal-Mediterran fl-Universita ta' Malta, b'riferenza partikolari għall-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani. Fil-laqgħa tal-Greċja, is-Sur Ranier Fsadni għamel proposta għall-proġett kulturali li jista' jkun organiżżat mill-membri tal-Forum.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar mill-Ambaxxatur Willie Spiteri
Question
Billi l-ambaxxatur Willie Spiteri hu akkredit għall-Ġermanja, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni tas-safra tal-ambaxxatur Spiteri u l-mara tiegħu f'Palermo fi Sqallija li ġiet tqum mas-Lm600 skond ir-risposta li ta għal mistoqsija parlamentari 34031
Response (BORG, JOE)
Waqt iż-żjara tal-President ta' Malta fil-Ġermanja f'Novembru tal-2001, l-Ambaxxatur Spiteri, flimkien miegħi, ġie mistieden mill-Viċi President ta' Daimler-Chrysler, is-Sur Mathias Kleinert, sabiex jattendi għall-laqgħa tad-diriġenti tal-kumpanija u konferenza Mediterranja f'Palermo fejn jien kont mistieden bħala wieħed mill-kelliema priċipali.
Sussegwentement apparti il-laqgħa tad-diriġenti, sar kunċert sinfoniku minnflok il-konferenza li tħassret. Daimler-Chrysler xorta waħda ħarġu l-inviti għall-okkażżjoni. L-ispejjeż tal-lukandi tħallsu mill-kumpanija Ġermaniża.
Waqt din l-okkaażjoni ttieħdet l-opportunita li jitkattru l-kuntatti ma' din il-kumpanija kbira Ġermaniża, fosthom mal-President tal-kumpanija Dr Jurgen Schrempf. Riżultat ta' dawn il-kuntatti, il-Kumitat Olimpiku Malti ġie rregalat van mill-kumpanija Daimler-Chrysler. Din il-preżentazzjoni saret f'Ottubru li għadda mill-Viċi President tal-kumpanija li ġie Malta apposta.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar mill-Ambaxxatur Salvinu Busuttil
Question
X'kienet ir-raġuni tas-safra ta' l-Ambaxxatur Salvinu Busuttil f'St Tropez li skond ir-risposta għal mistoqsija parlamentari 34031 ġiet tqum Lm1259 u x'kienet preċiżament l-ispiża ta' Lm232 f'others li mhijiex speċifikata?
Response (BORG, JOE)
L-Ambaxxatur Salvino Busuttil ħtieġlu jmur Monaco u San Tropez sabiex jiltaqa' mal-Ministru ta' l-Istat għall-Monaco u sabiex jieħu ħsieb il-preparamenti meħtieġa għat-tiġrija tal-'yachts' bejn San Tropez u Malta magħrufa bħala "Trophée Bailli de Suffran". Huwa ukoll attenda għall-esebizzjoni ta' kultura u arti Maltija, liema esebizzjoni saret bħala parti mill-avvenimenti marbuta mat-tiġrija msemmija.
Rigward l-ispejjeż oħra ta' LM232, dawn kienu għal-kiri ta' karozza f'San Tropez (LM140) u l-bqija żewġ ikliet mgħotija ad unur tas-Sindku ta' San Tropez u d-Direttur ta' l-Affarijiet Barranin tal-Yacht Marina f'San Tropez.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar - Bonus Miles
Question
Minħabba r-riskju li uffiċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, fejn isir ħafna safar, jistgħu jevitaw l-Air Malta u jaqbdu kumpaniji oħra fejn is-safra tiġi tqum aktar lil gvern biex jieħdu l-bonus miles, jista' l-Ministru jagħmel bħal postijiet oħra biex il-bonus miles jibda jeħodhom il-ministeru u mhux igawdi minnhom l-individwu privatament?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-Ministeru tçgħi, l-ibbukkjar tal-bijetti ta' l-ajru għal safar uffiċċjali huwa ċentralizzat f'taqsima partikolari, fejn l-uffiċċjali inkarigati jçħdu ħsçb li jidentifikaw l-aħjar rotot u jiksbu l-orħos pezzijiet għall-vjaġġi indikati lilhom. Għal din ir-raġuni, mhux il-każ illi dawn l-uffiċċjali jeżerċitaw xi soġġettivita' billi jippreferu linja ta' l-ajru minn oħra għar-raġuni li semma' l-Onorevoli Interpellant. Inżid ngħid, f'dan il-kuntest, illi l-Air Malta tħaddem skema simili ta' bonus miles hija wkoll, għaldaqstant ma jreġix l-argument illi xi ħadd qed iwarrab lill-linja ta' l-ajru Maltija minħabba li ma jiggwadanjax punti mingħandha.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Rapporti mibgħuta minn uffiċjal fi Brussels
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li wara kull vjaġġ li tagħmel minn Brussels għal Strasbourg biex issegwi s-seduti tal-Parlament Ewropew l-uffiċjal ta' l-ambaxxata fi Brussels li isimha qed jintbagħat separatament, tibgħat rapporti ikkuppjati kelma b'kelma minn dawk li jidhru minn fuq il-website ta' l-istess Parlament?
Response (BORG, JOE)
Ix-xogħol prinċipali ta' l-Ambaxxata fi Brussels fil-qasam tal-Parlament Ewropew huwa li jsegwi dawk l-inizjattivi li l-aktar għandhom rilevanza għal Malta, u li jieħu ħsieb li jippromwovi l-interessi ta' Malta b'kull mod possibbli. L-uffiċċjal fl-Ambaxxata li għandu risponsabbiltajiet li jinkludu l-Parlament Ewropew jirraporta fuq dawn l-aspetti lill-Ambaxxatur skond il-bżonn, kemm verbalment kif ukoll bil-miktub. Barra min hekk dan l-uffiċċjal ilesti żewġ rapporti ġenerali fix-xahar li jkopru l-iżviluppi fil-Parlament Ewropew, wieħed minn dawn ir-rapporti jittratta biss fuq is-sessjoni plenarja ta' kull xahar, l-ieħor jifforma parti mir-rapport ġenerali ta' l-Ambaxxata ta' kull xahar.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Konvenzjoni Ewropea - Safar
Question
Kif jispjega il-Ministru li għal żewġ safriet bejn Malta u Brussels bejn l-20 u t-23 ta' Marzu, Mr John Inguanez għat-travel nefaq Lm629 u l-Profs Serracino Inglott nefaq Lm363.90 meta mr Inguanez huwa s-sostitut ta' Profs Serracino Inglott fil-European Convention, u kif għal safra oħra fi Brussels mill istess żewġ persuni f'April Mr John Inguanez nefaq Lm452.30 u Profs Serracino Inglott nefaq Lm237.40?
Response (BORG, JOE)
Meta rrispondejt għall-Mistoqsija numru 34031, il-figuri ta' l-ivvjaġġar ma' kienux jinkludu l-50% tnaqqis li soltu tagħti l-Air Malta lill-impjegati tal-Gvern li jużaw ir-rotot tagħha.
Fir-rigward tal-vjaġġ ta' bejn l-20 u t-23 ta' Marzu 2002, is-Sur John Inguanez ħtieġlu jbiddel il-biljett ta' l-ajru mit-23 ta' Marzu għat-22 ta' Marzu. Għalhekk kellu jitħallas addizzjonalment l-spejjeż ta' biljett 'one way'. Waqt li sa issa għadu ma wasalx ir-refund dovut għar-return mhux utiliżżat.
Fir-rigward tal-vjaġġ li sar bejn l-14 u t-18 t'April 2002. Il-figura ta' LM452.30 li ġiet indikata bħala ħlas tal-vjaġġ, kienet waħda proviżorja. Anke hawn dan l-ammont ma kienx imnaqqas bir-riduzzjoni li tagħti l-Air Malta. Fil-fatt, dan it-tnaqqis issa wasal, u jammonta għal LM195.30 u allura l-ispejjeż tal-vjaġġ iridu juru LM257.00 minnflok LM452.30.
Kumpanniji Maltin ibbojkottjali minn pajjiżi Għarab
Question
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 36671 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi.
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi ma għandu l-ebda informazzjoni li xi kumpaniji Maltin qed jiġu bbojkottjati mill-pajjiżi Għarab għax għandhom kuntatti kummerċjali ma' Israel.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari numru 36548 jista' il-ministru jaġġornani dwar il-kuntatti li saru mal-FAO kif oriġinarjament tirreferi l-ittra? Jista' ukoll il-Ministru jinfurmani x'inumha l-inizjattivi li rrefera għalihom sabiex is-sajjieda lokali jiġu megħjuna jakbbru l-ħbiberija mas-sajjieda Tuneżini?
Response (BORG, JOE)
B'riferenza għall-ewwel parti tad-domanda, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma saru ebda kuntatti speċifiċi mal-FAO dwar dan il-każ, peress li din il-materja qed tiġi trattata direttament fuq livell bilaterali, u fil-fatt ittieħdu l-passi neċessarji u ngħataw il-garanziji relevanti mill-awtoritajiet Tuneżini.
In kwantu għal inizjattivi f'dan il-kuntest, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bl-għan li s-sajjieda Maltin u Tuneżini jkunu megħjuna jkabbru l-ħbiberija ta' bejniethom, l-awtoritajiet Maltin u dawk Tuneżini qed jinkoraġixxu t-tisħiħ tar-rabtiet bejn iċ-ċentru għax-Xjenzi fis-Sajd ta' Malta, f'Marsaxlokk, u Ċentri jew Istituzzjonijiet ta' Riċerka tas-Sajd fit-Tuneżija.
L-awtoritajiet Maltin u Tuneżini qed ukoll iħeġġu lill-mexxejja lokali ta' irħula tas-sajjieda f'Malta u fit-Tuneżija jilħqu ftehim ta' ġemellaġġ. Permezz ta' ftehim simili, l-awtoritajiet lokali u n-nies tagħhom, bl-għajnuna tal-Gvernijiet ċentrali, jkunu jistgħu jsiru jafu aktar lil xulxin. Huwa ttamat li, permezz ta' dawn l-inizjattivi, inċidenti bejn is-sajjieda Maltin u dawk Tuneżini jiġu evitati.