Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dajr tal-Gvern — Istallazzjoni ta' lifts

Question

Xi żviluppi hemm dwar l-istallazzjoni ta' lifts fl-appartamentii tal-Gvern: i) 68, Triq San Tumas Floriana, ii) 131, Triq San Pawl Valletta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li lift f'numru 131, Triq San Pawl, Valletta, ġie ordnat u mistenni li jitlesta sa Ġunju ta' din is-sena. Dwar il-lift f'numru 68, Triq San Tumas, Floriana, minħabba li m'hemmx spazju biex isir lift fit-tromba tat-taraġ, intalab permess jekk tistax tintuża l-bitħa użata mill-ħwienet ta' taħt il-blokka. Peress li għad m'hemmx risposta għat-talba tal-Awtorita' tad-Djar, dan il-każ bħalissa qiegħed wieqaf.

Tfal — Private adoptions

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 38216, jista' l-Viċi Prim Ministru jfisser il-frażi "talbiet pendenti" għax mill-informazzjoni li għandi jidher li hemm ħafna iktar każi "awaiting" minn erbgħa? Jista' jgħid minn liema pajjiżi hemm it-talba ta' l-addozzjoni tat-tfal għal erbgħa talbiet pendenti? Minn liema pajjiżi nġabu tfal għall-addozzjoni matul dawn l-aħħar erbgħa snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-erba' talbiet pendenti msemmija fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 38216 huma talbiet ta' adozzjonijiet ta' tfal Maltin li d-dipartiment ġie mgħarraf dwarhom mill-Avukat li ressaq ir-Rikors fis-Sekond'Awla. Id-Dipartiment jiġi nfurmat mill-Avukat li jressaq Rikors fis-Sekond'Awla tal-Qorti Ċivili dwar talba tal-applikanti biex jadottaw minuri (skond l-Artiklu 116 (2) Cap. 16 tal-Kodiċi Ċivili). Għaldaqstant, id-Dipariment mhuwiex f'pożizzjoni li jgħid in-numru ta' każijiet ta' adozzjonijiet pendenti fil-Qorti ta' Malta qabel ma jirċievi l-ittra msemmija mingħand l-Avukat tal-applikanti li ser jaddottaw. Matul dawn l-aħħar erba' snin il-pajjiżi li minnhom inġabu tfal għal adozzjoni kienu Renju Unit, Pakistan, Albania, Rumanija, Filippini, Kolombja, Kenya u Marokk.

Impjiegi — Ħaddiema bararnin illegalment

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk meta jinqabdu ħaddiema barrani llegalment fuq xi sit ta' xogħol mill-ispetturi ta' l-ETC jittieħdux proċeduri kkontra min iħaddem dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Meta-ħaddiema barranin jinstabu jaħdmu f'Malta illegalment, l-uffiċċjali tal-ETC jgħaddu l-każijiet immedjatament lill-Pulizija. Il-Pulizija ttellagħhom il-Qorti immedjatament. L-uffiċjali tal-ETC ġeneralment jintalbu jitilgħu wkoll il-Qorti bħala xhieda kontra l-persuna akkużata. Kemm il-ħaddiema kif ukoll min iħaddimhom, jiġu mmultati skond il-liġi, jekk jinstabu ħatja.

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni li fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla qed ikun hemm ilmenti dwar ħafna nemus fil-kmamar? X'ser isir sabiex dan l-inkonvenjent jitneħħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf li dan l-ilment li qiegħed isemmi mhuwiex relatat biss għad-Dar tal-Anzjani ta' Bormla iżda għar-residenti kollha ta' dawk l-inħawi għaliex il-kawża ta' dan l-ilment m'għandu x'jaqsam xejn mad-Dar tal-Anzjani ta' Bormla. Biss qegħdin jittieħdu l-passi neċessarji biex dan l-inkonvenjent jispiċċa.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Information Managment Unit

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus sabiex twaqqaf l-Information managment Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali l-Belt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Information Management Unit fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti jieħu ħsieb it-tmexxija ta' sistemi ta' l-informatika, tat-taħriġ fl-użu tas-sistemi u l-informatika in ġenerali u ta' l-operat kollu tas-sistemi fi ħdan id-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Politika Soċjali. Fost l-oħrajn din il-Unit li tħaddem fiha 23 persuna, hija responsabbli mill-ħruġ ta' 'l fuq minn 1.8 Miljun cheque u nofs miljun ittra lill-benefiċċjarji tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, b'valur ta' aktar minn Lm200 Miljun kull sena. Barra minn hekk, fi ħdanha, jitmexxa l-programm tal-e-Government, filwaqt li jsir is-support tekniku kollu għall-aktar minn 800 impjegat li jħaddem u jaħdem permezz ta' kompjuter. Minħabba s-sensittivita' u l-importanza nazzjonali tas-sistemi li jitħaddmu f'dan iċ-Ċentru, inħasset il-ħtieġa li jiġu implimentati sistemi ta' sigurta' massima sabiex jibqa' assigurat li ma' jsirux ħsarat, sabotaġġi jew indħil li jistgħu b'xi mod jew ieħor jikkompromettu l-integrita' u l-kontinwita' tal-benefiċċji soċjali lill-pubbliku. Għaldaqstant, fl-2001 inħarġu żewġ tenders pubbliċi li kienu jinvolvu x-xiri, tal-installazzjoni u tal-commissioning ta' numru ta' sistemi avvanzati ta' sigurta'. Il-valur ta' dawn it-tenders kien ta' Lm34,300.83. Minħabba li ried isir ħafna xogħol ta' ristrutturar sabiex jiġu nstallati dawn is-sistemi, kellhom jitbiddlu wkoll is-sistemi ta' l-elettriku u s-sistemi tad-data network. Il-Unit għaldaqstant ġiet ri-organiżżata u refurbished bi spiża ta' Lm12,964.15. Fil-maġġoranza assoluta tiegħu, x-xogħol kollu sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Ministeru.

Ta' Ġiorni

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi biex żewġt irħamiet tat-taraġ, waħda fl-indana t'isfel u l-oħra quddiem bieb numru 8 fi Block B triq Bertha K . IIg, Ta' Ġiorni jiġu mibdula peress li jinsabu imkissrin b'periklu għal min juża l-istess taraġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Tarzna — Assigurazzjoni

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tat-tarzna humiex inxurjati? Jista’ jgħid x’jiġri f’każ li persuna tweġġa waqt il-qadi ta’ dmirijietha fit-tarzna, u għall xiex intitulata u jista' jgħid ukoll jekk ħaddiem li jweġġa gravi fit-Tarzna għandhux dritt jara l-poloz ta’ sigurta’ jekk din teżisti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħal kull impjegat ieħor, impjegat fit-Tarzna li jkorri fuq il-post tax-xogħol waqt il-qadi ta' dmirijietu jkun intitolat għall-Benefiċċju għall-Korrimenti mħallas skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Skond l-istess Att, meta l-inċident jirriżulta f'telfien permanenti ta' fakulta' fiżika jew mentali, l-impjegat ikun intitolat għal Għotja għall-Korriment jew Pensjoni għall-Korriment. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi assigurazzjoni oħra minnbarra dik provduta taħt l-imsemmi Att, nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Kottonerea — Kumpless sportiv

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fis-sit fejn qed jinbena l-kumpless sportiv tal-Kottonera, minħabba li jidher li l-kuntrattur li qed iħaddmu numru sostanzjali ta' ħaddiema barranin? Jista' jgħid meta saru dawn l-ispezzjonijiet? Jista' jgħid ukoll jekk instabux ħaddiema barranin u jekk iva jista' jgħid jekk kellhomx permess tax-xogħol jew le?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru, li s-sit imsemmi ġie spezzjonat diversi drabi matul is-snin 2001 u 2002. F'każ minnhom, fit-13 ta' Novembru, instabu ħaddiema barranin u dawn ġew mgħoddija lill-pulizija biex jiġu pproċessati skond il-liġi, iżda fil-każi l-oħra ma nstab ħadd li kien qed jaħdem b'mod irregolari.

Perikli — Leakage ta' ilma

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji u mmedjati sabiex jitneħħa l-periklu li hemm minħabba leaks ta' l-ilma fi flat b'mod li qed ibatu l-konsegwenzi r-residenti ta' flat li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Djar — Persuna li ngħatat ir-relief

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex ingħata r-relief tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament meta din biegħet id-dar tagħha u xtrat oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ser tiġi nfurmata personalment bl-eżitu tal-każ tagħha.

Kummisjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita? — Każi pendenti

Question

X'każi hemm pendenti quddiem il-Kummisjoni Nazzjonali Persuni ta' Diżabilita' li jirrigwardaw awtoritajiet pubbliċi u governattivi dwar bini għax mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilita? X'passi ttieħdu mill-Kummisjoni f'kull każ dwar l-obbligu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Sigurta' Soċjali — Tnaqqis fil-bonus

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex il-persuna, li isimha qiegħed jintbagħat separatament, li hija residenti Ħas-Serħ, St. Vincent De Paule, irċeviet il-bonus ta' Diċembru b'xi Lm21 imnaqqsa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm fil-waiting list sabiex jidħlu fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Minn liema lokalita' ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-'waiting list' sabiex jidħlu fid-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla hemm 119 persuna. Dawn ġejjin minn dawn il-lokalitajiet: B'Buġia, Birgu, Bormla, Fgura, Ħamrun, Isla, Kalkara, Luqa, M'Skala, Msida, Paola, Qawra, Qormi, Siġġiewi, Sta. Luċija, Sta. Venera, San Pawl il-Baħar, Tarxien, Valletta, Żabbar u Żejtun.

Taħriġ u edukazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 38211 u cioe' xi pjani hemm maħsuba għal taħriġ u edukazzjoni għaż-żgħażagħ diżabbli wara li jagħlqu s-16-il sena biex jitħejjew għax-xogħol u l-ħajja? X'iniżjattivi ttieħdu f' dan il-qasam fl-aħħar erba' snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Installazzjoni ta' lift — Siġġiewi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħtini tagħrif dwar il-pożizzjoni tal-lift fil-binja ta' Wied Ħasri entratura numru 7 s-Siġġiewi? Għaliex dan il-lift li ilu nstallat żmien twil għadu mhux jiffunzjona? X'passi ħadet l-amministrazzjoni responsabbli dwar din il-problema? X'inhuma r-rimedji li qegħdin jittieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Blokki N, O u P fis-Siġġiewi, ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ħarġet tender biex il-lifts eżistenti jissewwew. Ninsab infurmat ukoll li dan ix-xogħol tlesta u t-tlett lifts issa qed jaħdmu.