Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ingaġġ fis-servizz pubbliku

Question

L-ingaġġ fis-Servizz Pubbliku - Servizz Ġenerali - fuq bażi indefinita, sal-lum isir permezz ta' eżami fil-livell ta' clerkjew ta' principal. Jista' l-Prim Ministru jgħidilna jekk meta jidħol fis-seħħ l-Avviż Legali 51 ta' l-2007, jiġix affettwat dan il-metodu ta' ingaġġ u jekk iva, b'liema mod? Dan se jibqa' l-unika metodu ta' ingaġġ jew se jiġu introdotti metodi ġodda? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kif se jintlaqtu l-impjegati preżenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ingaġġ fis-Servizz Pubbliku hu regolat minn diversi Classification Agreements u jsir skond il-provedimenti ta’ dawn il-ftehim. L-Avviż Legali 51/2007 ma japplikax.

Servizz/Settur Pubbliku — Kuntratt ta' servizz

Question

Artiklu 3 (2) (d) ta' l-Avviż Legali 51 2007 jgħid li r-regolamenti ta' l-Avviż Legali ma japplikawx f'każ ta' kuntratti ta' servizz fis-Servizz Pubbliku jew fis-Settur Pubbliku li ma jkunux saru skond il-liġijiet applikabbli ta' Malta u partikolarment skond il-proviżjonijiet tal-Kostituzzjoni. Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar ħames snin sarux kuntratti simili u jekk saru, kemm kienu, f'liema gradi saru u x'kienu l-elementi fil-kuntratt/i li kienu jiksru xi liġi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jirriżultalix li jeżistu kuntratti li saru mhux skond il-liġijiet applikabbli. Jekk l-Onorevoli Interpellant taf b’xi każ nitlobha tgħarrfni.

Immigranti illegali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-ammont totali (mill-pulizija, mill-armata u mill-ministeru tal-familja u solidarjeta' soċjali) li tħallas għall-immigranti illegali fl-aħħar 10 snin sena b'sena? Kemm qed jiswa lill-gvern kull immigrant fid-detention centres?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Kontijiet ta' l-income tax — Arretrati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25784 u 25071 u jgħid kemm hu n-numru ta' persuni/kumpanniji/households/intraprendituri (separatament) li fil-preżent għandhom arranġament sabiex iħallsu l-arretrati tal-kontijiet pendenti għat-taxxa ta' l-income? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-aħħar ħames snin, sena b'sena? Għal kemm snin imur lura l-aħħar pagament dovut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-dettalji, sena b’sena, ta’ persuni/kumpaniji/households/intraprendituri li fil-preżent għandhom arranġamenti mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni sabiex iħallsu l-arretrati ta’ kontijiet pendenti huma kif murija fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Provisional tax

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25017 u jgħid jekk hijiex prattika normali li persuna li tkun ħallset provisional tax żejda minflok tieħu refund tara li l-flus li tkun ħallset żejda jmorru sabiex tħallas penali dovuti lill-gvern fil-qasam tat-taxxi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skond Artikolu 48 (2c) ta’ l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, Kap 372, “Il-Kummissarju jkollu jedd inaqqas minn kull ħlas lura dovut lil persuna kif dikjarat fis-subartikoli (2A) jew (2B) kull taxxa, taxxa addizzjonali jew imgħax li jista’ jkun dovut minn dik il-persuna taħt l-Atti dwar it-Taxxi.

Income and living conditions

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-lokalitajiet li minnhom ġejjin id-59,315 persuni (in-numru ta' persuni u minn liema lokal) li huma ndikati permezz tas-survey on income and living conditions 2005 u li qed jgħixu taħt is-60% tal-median equivalised income u għaldaqstant taħt il-poverty line?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Unpaid/Study Leave

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fiċ-Ċivil li qegħdin fuq unpaid leave jew study leave? Kemm hemm impjegati li ilhom bejn 1- 2 snin 2- 3 snin 3- 4 snin 4- 5 snin 5 snin + ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Impjegati mal-Gvern — Kuntratti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 25813 u 25862 ċioe': Fl-isfond ta' l-Avviż Legali Nru. 51, Art. 7 (3) jista' l-Prim Ministru jgħid x'miżuri se jittieħdu biex min hu nkarigat mit-tiġdid jew twaqqif ta' kuntratti jinżamm responsabbli f'każ li ma jimxix mat-termini tal-kuntratti diversi, u l-klawsoli fl-avviż legali jidħlu fis-seħħ awtomatikament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25813.

Servizz Pubbliku — Kuntratt ta' servizz

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 25815 u 25860, ċioe': Artiklu 3 (2) (d) ta' l-Avviż Legali 51 2007 jgħid li r-regolamenti ta' l-Avviż Legali ma japplikawx f'każ ta' kuntratti ta' servizz fis-Servizz Pubbliku jew fis-Settur Pubbliku li ma jkunux saru skond il-liġijiet applikabbli ta' Malta u partikolarment skond il-proviżjonijiet tal-Kostituzzjoni. Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar ħames snin sarux kuntratti simili u jekk saru, kemm kienu, f'liema gradi saru u x'kienu l-elementi fil-kuntratt/i li kienu jiksru xi liġi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25815.

Ingaġġ fis-Servizz Pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 25814 u 25861, ċioe': L-ingaġġ fis-Servizz Pubbliku - Servizz Ġenerali - fuq bażi indefinita, sal-lum isir permezz ta' eżami fil-livell ta' clerkjew ta' principal. Jista' l-Prim Ministru jgħidilna jekk meta jidħol fis-seħħ l-Avviż Legali 51 ta' l-2007, jiġix affettwat dan il-metodu ta' ingaġġ u jekk iva, b'liema mod? Dan se jibqa' l-unika metodu ta' ingaġġ jew se jiġu introdotti metodi ġodda? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kif se jintlaqtu l-impjegati preżenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25814.

Mater Dei — Għoti ta' kuntratt

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25810 u 25863 u jgħid f'liema stadju waslet l-aġġudikazzjoni u l-għoti tal-kuntratt tat-teknoloġija ta' l-IT f'Mater Dei biex jippermetti t-tmexxija minn jum għal jum ta' dan l-isptar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar xhur sar ħafna xogħol ta’ preparazzjoni dwar din il-materja u li l-aħħar fażi tal-proċess ta’ evalwazzjoni jinsab fl-istadju fejn il-Gvern qiegħed jistenna l-proposti finali.

Proġetti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid sa liema data jistgħu jiġu sottomessi kontijiet għall-ħlas ta' xogħoljiet ta' proġetti permezz ta' fondi tal-Protokol Taljan u tal-pre-accession funds mill-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu azzjoni biex dawk is-suldati li għalqu l-55 sena u li m'għamlux il-25 sena servizz jingħataw l-opportunita' li jkomplu s-servizz u mhux jiġi mitmum l-impjieg tagħhom minn ma' l-armata kif fil-fatt diġa' sar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

OPM — Ħaddiema li jieħdu allowance

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jieħdu xi forma ta' allowance? X'inhu l-grad u x'inhi r-raġuni wara dan l-allowance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

OPM — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kiri u lease ta' karozzi fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Forzi Armata ta' Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid : Kemm hemm membri tal-Forzi Armati stazzjonati f'Għawdex; Kemm hemm membri tal-Forzi Armati Għawdxin stazzjonati Malta; X'inhu l-grad tagħhom u meta daħlu fl-Armata; F'dawn l-aħħar għaxar snin kemm membri Għawdxin ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex u x'kienet ir-raġuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fil-preżent hemm 46 membru tal-Forzi Armati ta’ Malta stazzjonati f’Għawdex. Hemm 48 membru li huma Għawdxin u li huma stazzjonati Malta. Il-grad ta’ dawn u s-sena li fiha daħlu fl-Armata huma kif jidher fit-tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. F’dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm 4 individwi li ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex. Dawn ġew trasferiti minħabba esiġenzi tas-Servizz.

Kumpannija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif il-kumpannija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadha ma ġietx stralċjata mir-reġistru tal-kumpanniji meta din ilha ma tiffunzjona snin twal tant li l-aħħar darba li ġew ippreżentati xi dokumenti kien fid-29 ta' Mejju 1979?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija imsemmija reġistrat l-aħħar dokument mar-Reġistratur tal-Kumpaniji fid-29 ta’ Ottubru 1985 u mhux fid-29 ta’ Mejju 1979. L-aħħar korrispondenza dwar il-kumpanija tmur lura għal 1992 u l-kumpanija m’għamlitx compliance ma’ l-Att dwar il-Kumpaniji ta’ l-1995, liema compliance kellha ssir sa Frar 1998. Ir-Reġistratur tal-Kumpaniji matul l-aħħar snin qiegħed juża’ l-provvedimenti ta’ l-artikolu 325 ta’ l-imsemmi Att sabiex jistralċja dawk il-kumpaniji li m’għamlux compliance u/jew li jidhru li jkunu defunct. Numru sostanzjali ta’ kumpaniji diġà ġew stralċjati b’din il-proċedura li mistennija tiġi applikata wkoll għall-kumpanija in kwistjoni fiż-żmien opportun.

EU Funding

Question

X'persentaġġ ta' EU Funding utilizzat Malta s'issa minn dak li ġie allokat lilha? Kif jipparaguna ma' l-uptake tal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea li ssieħbu magħna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Unit ta' l-EU Funding

Question

X'inhi l-istruttura preżenti tat-taqsima responsabbli għall-EU Funding fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u x'inhuma ir-reporting lines tagħha? X'taħriġ u x'esperjenza hands on għandhom il-persuni responsabbli - lil hinn mill-persuna li qed tmexxi dan il-unit - f'dan is-settur vitali u kumpless? Mingħajr ma ssemmi ismijiet tista' tindika l-job description tal-persuni nvoluti kif ukoll ta' kemm ilhom iservu f'dan il-unit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li d-Diviżjoni għall-Ippjanar u l-Koordinazzjoni tal-Prijoritajiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru hi responsabbli fost oħrajn għal diversi Fondi ta’ l-Ewropa, għalkemm mhux dawk settorali li jinsabu fi ħdan il-Ministeri individwali. Il-Fondi prinċipali li jaqgħu taħt ir-responsabbilità ta’ din id-Diviżjoni huma l-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni, l-Inizjattivi Komunitarji Interreg u Equal, il-Fond ta’ Pre-Accession u l-Fond ta’ Tranżizzjoni u diversi Programmi Bilaterali. Il-Kap tad-Diviżjoni hi Direttur Ġenerali u taqa’ taħt is-superviżjoni tas-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (Policy). Il-parti tad-Diviżjoni li hi responsabbli għall-Fondi llum għandha Assistent Direttur u numru ta’ Senior Managers fi skala 5 li jmexxu unit partikolari kull wieħed fi ħdan id-Diviżjoni. F’kull unit hemm numru ta’ Programme Managers u Fund Managers fi skala 7 li huma responsabbli mill-koordinazzjoni ta’ diversi proġetti. L-esperjenza tad-Direttur Ġenerali fil-qasam tal-politika reġjonali ta’ l-Ewropa u fuq Fondi oħra ta’ l-Ewropa twassal għal aktar minn 11-il sena, b’numru ta’ snin t’esperjenza diretta fi Brussel. Is-Senior Managers kollha għandhom masters degree u bejn tliet u sitt snin esperjenza fuq Fondi u project management fis-settur pubbliku u privat. Il-Programme Managers u Fund Managers huma gradwati u numru sostanzjali minnhom għandhom masters degree jew ekwivalenti. Huma għandhom numru ta’ snin t’esperjenza li tvarja minn ftit xhur (għal dawk li daħlu fl-aħħar sejħa t’applikazzjonijiet) sa sitt snin.

Investiment barrani

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23867 dwar investiment barrani dirett f'Għawdex, jista' l-Prim Ministru jgħidli għaliex it-tagħrif li tlabtu ma jistax jingħata minħabba raġunijiet kummerċjali meta l-gvern jippubblika regolarment din l-informazzjoni dwar Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-iStatistika jiġbor din l-informazzjoni mingħand accountants jew awdituri ta’ kumpaniji li għalkemm jistgħu jorperaw f’Għawdex għandhom l-indirizz f’Malta. F’dawn il-każi l-investiment hu meqjus li sar f’Malta. F’Għawdex jidhru biss 3 kumpaniji li għandhom investiment barrani u għalhekk minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba.