Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji biex tinfetah banka tal-lotto? Fejn huma t-talbiet biex jinfetħu? Meta nfetħet l-aħħar waħda u fejn?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-kriterji fil-preżent segwiti mid-Dipartiment tal-Lottu biex tinfetaħ banka tal-lottu huma li trid tkun f’ambjent li qiegħed ikun żviluppat jew f’xi post ieħor fejn ma hemmx banka tal-lottu u li din trid tkun f’distanza raġonevoli jekk il-lokal ikun ġa servut b’banka ohra. Il-banka trid tkun sitwata f’bini jew mibnija fuq art pubblika.
Fil-preżent id-Dipartiment ma għandu ebda talba biex tinfetah xi banka f’post partikolari. L-aħħar banka tal-lottu li nfetħet hija dik li tinsab fis-sala tal-wasla fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Din il-banka bdiet topera fit-3 ta’ Mejju, 1999.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 24578 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u cioe: Jista' jgħid kemm persuni qed igawdu mill-personal injuries emergency provisions li kellha tidħol mill-1 ta' Jannar ta' l-1999?
Response (DALLI, JOHN)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qeda tirreferi għall-emenda ta' Artiklu 11 tar-Regolamenti fl-"Iskim ta' l-1941 għal Malta dwar il-Korrimenti fil-persuna li jiġru lil pajżani"(P.I.S.) u li saret permezz ta' l-Avviż Legali Nru. 194 ta' l-1999.
F'Marzu 2001, l-għadd ta' dawn il-benefiċċjarji - li kulma jmur qed jonqos - kien ta' 51 persuna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti Maltin fuq il-kotba tal-MFSC? Min huma, kemm qed jitħallsu u kemm jaħdmu sigħat fil-ġimgħa? Kif u meta ġew ingaġġati?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-konsulenti Maltin fuq il-kotba tal-MFSC fis-27 ta' Marzu 2001 huma kif ġej:
1. Paul Vella - Lm 2,000 - ma għandux siegħat fissi u qiegħed jipprovdi is-servizz tiegħu fuq bażi ta' assignment speċifiku. Ingaġġat fit-28 ta' Frar 2000 fuq xogħol relatat ma' accounting.
2. Charles Theuma - Lm 500 fix-xahar. Ingaġġat fil-23 ta' Frar 2001 fuq bażi ta' minimu ta' 40 siegħa fix-xahar fuq xogħol ta' IT strategy and development.
3. Mrs Joanne Cassar - Lm 500 fix-xahar. Ingaġġata fil-21 ta' Lulju 2000 fuq bażi ta' nofs ta' nhar kuljum sa l-aħħar ta' Marzu 2001 fuq xogħol relatat ma' business development.
4. Anthony Azzopardi - Lm 12,000 fis-sena. Ingaġġat fil-21 ta' Lulju 2000 fuq bażi full-time ta' minimu ta' 40 siegħa fil-gimgħa fuq xogħol relatat ma' human resources.
Il-konsulenti kollha ġew ingaġġati b'deċizzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern u l-Bank Ċentrali qed isegwi l-iżvilupp li seħħ tul Frar 2001 meta ċittadini Maltin li għandhom depożiti f'banek barranin ġew infurmati minn dawn il-banek li mis-6 ta' April 2001, l-imgħaxijiet tagħhom se jibdew jiġu rrappurtati lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni tar-Renju Unit biex dawn jgħaddu din l-informazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxi tal-pajjiżi differenti li minnhom ġejjin dawn iċ-ċittadini?
Qed jittieħdu xi passi biex anke jkun hemm ftehim bejn il-Gvern Malti u dak tar-Renju Unit biex tiġi skambjata din l-informazzjoni dwar depożiti ta' ċittadini Maltin f'banek Ingliżi?
Meta hemm il-ħsieb li l-Awtoritajiet tat-Taxxa Lokali jibdew jiksbu dan it-tagħrif mir-Renju Unit?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jeżisti ftehim bejn Malta u r-Renju Unit għall-ħelsien minn Taxxa Doppja u biex tiġi evitata evażjoni fiskali dwar Taxxi fuq l-Income u Qligħ Kapitali li fih dispożizzjonijiet li jippermettu li l-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Stati jibdlu dik l-informazzjoni neċessarja bl-iskop li jitħaddmu sew il-liġijiet tat-taxxa taż-żewġ Stati u hekk tiġi evitata l-evażjoni fiskali.
Permezz ta’ dan il-ftehim, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni tar-Renju Unit jista’ jgħaddi kull tagħrif li jkollu dwar residenti ta’ Malta għand l-awtoritajiet tat-taxxa Maltin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultax li kumpanija tefgħet offerta għall-kuntratt CT 28/2001 bil-prezz ta' Euro 395,000 u fin-negozjati wriet li lesta tniżżilha għal Euro 44,500?
Kif kienet lesta tniżżel dan il-prezz? Jitqies realistiku dan il-prezz ġdid? B'liema prezz fil-fatt ingħata l-kuntratt?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba li wieħed mill-offerenti issottometa objezzjoni fit-termini tal-Public Service Procurement Regulations ma nħossx li għandi nwieġeb din il-mistoqsija f'dan l-istadju biex il-każ ma jiġix preġudikat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji / persuni li tefgħu offerta għall-kuntratt CT 28/2001? F'hiex jikkonsisti x-xogħol mitlub? Min intagħżel biex jagħmel dan ix-xogħol? B'liema kriterji ġie magħżul?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm ħames kumpanniji li tefgħu offerta għat-tender CT 28/2001. Fir-rigward ta' l-aħħar tlett mistoqsijiet nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 24470.
Jista' l-Ministru jagħti l-figuri sa tmiem is-sena 2000 ta' kemm kien hemm wage and salary earners kif ukoll self-employed iħallsu l-bolla tan-national insurance, kategorija b'kategorija?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u għalhekk ma tistax tingħata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ditti u azjendi li jiġu sampled meta jitħejja l-business perceptions survey tal-Bank Ċentrali? B'kollox kemm jirrappreżentaw ħaddiema? X'persentaġġ jirrappreżentaw tal-work force tas-settur privat Malti u Għawdxi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' azjendi li jieħdu sehem fil-'business perceptions survey' ivarja xi ftit f'kull 'survey' minħabba li xi wħud jistgħu jagħżlu li ma jweġbux. Bejn wieħed u ieħor ikopri bejn 130 u 140 azjendi li jimpjegaw bejniethom aktar minn 16,000 impjegat, jew 20% tal-impiegi fis-settur privat Malti. Kemm jista' jkun jinżamm l-istess 'sample' minn darba għall-oħra fl-interess tal-konsistenza.
B'referenza għall-mistoqsija/tweġiba parlamentari nru. 23634, x'inhi d-definizzjoni ta' professional offices? Xi gradi mis-servizz pubbliku jidħlu f'din id-definizzjoni? X'xogħol se jkunu qed jagħmlu? X'xogħol se jkun qed jagħmlu li ma jistax isir minn impjegati tas-servizz pubbliku?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li:
1. Għal biċċa l-kbira tal-postijet vakanti li għad fadal fit-Tax Compliance Unit min japplika irid ikun gradwat fis-suġġetti relatati mal-pożizzjoni li jkun applika għaliha. Irid ikollu ukoll esperjenza ta’ numru ta’ snin u l-inklinazzjoni għat-tip ta’ xogħol li ser jidħol għaliħ. Fil-każ ta’ postijiet ta’ accountants, barra li jkunu gradwati fl-accountancy min japplika irid ikollu warrant ta’ C.P.A. jew C.P.A.A., u track record ta’ verifika/xogħol ta’ accounts ta’ ditti kummerċjali. Min japplika għall-postijiet fl-informatika irid ikollu track-record f’dan it-tip ta’ xogħol, barra kwalifiki akkademiċi.
2. Fil-każ ta’ accountants/awdituri ma jidhierx li hemm gradi fis-servizz pubbliku li jaqgħu taħt din id-definizzjoni. Dan it-tip ta’ xogħol isir minn ftit uffiċjali fis-servizz ġenerali l-aktar fid-Dipartimenti tat-Taxxi Interni. Għall-pożizzjonijiet fl-informatika, il-gradi fis-servizz pubbliku li jidhru f’din id-definizzjoni huma Profesisonal Officers III A (I.T.)., Project Manager (I.T.), Systems Analyst (I.T.)
Għall-maġġoranza ta’ l-uffiċjali mpjegati mat-Tax Compliance Unit ix-xogħol ser jikkonsisti f’verifka ta’ Accounts u investigazzjonijiet ta’ kumpaniji u/jew individwi fin-negozju fejn ikun hemm suspett ta’ evażżjoni jew frodi ta’ taxxa. Uffiċjali mal-Gvern li jistgħu jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol li jirrikjedi esperjenza fl-industrija u l-kummerċ, barra preparazzjoni akkademika, huma ftit.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Ministeru tal-Finanzi li qegħdin iservu fuq boards governattivi u/jew parastatali b'remunerazzjoni? Jista' jagħti lista tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hemm sitt uffiċjali tal-Ministeru tal-Finanzi li qegħdin iservu fuq boards governattivi u/jew parastatali b'remunerazzjoni:
- Is-Segretarju Permanenti bħala Direttur fuq il-Bord tal-Malta Development Corporation
- Direttur Ġenerali bħala membru fuq il-Bord tal-Planning Authority
- Direttur bħala membru fuq l-Accountancy Board
- Assistent Direttur bħala membru fuq il-Bord tal-Award for Achievement in Industry
- Assistent Direttur bħala Segretarju tal-Accountancy Board
- Assistent Direttur bħala Segretarju tal-Financial Services Tribunal u l-Malta Stock Exchange Tribunal
Din hi l-istess pożizjoni li kienet teżisti meta l-Onorevoli Interpellant kien Ministru. L-unika eċċezzjoni hi l-aħħar nomina li hi fuq Tribunal ġdid li twaqqaf fl-1999.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-taxxa fuq il-fringe benefits hix se tkun applikabbli għal dawk l-impjegati li jgawdu mill-użu tal-karozza jew xufier fis-servizz pubbiku jew permess tal-kuntratt li għandhom jew minħabba l-grad jew xogħol li jagħmlu bħal ma huma periti, inġiniera, diretturi u oħrajn?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi ghat-“Tax Guide” dwar il-‘fringe benefits’ li ħareġ id-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
Billi għal żmien twil kienet proċedura li Ministri u membri f'delegazzjonijiet tal-Gvern jaqtgħu il-biljetti ta' l-ajru mill-kumpanija Air Malta, partikolarment meta jkunu se jintużaw servizzi tagħha?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hu u l-membri li jakkompanjawh huwiex qed isewgu din il-proċedura, u jekk le, minn fejn qed jaqtgħu l-biljetti tagħhom ta' l-ajru?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura hija li Ministru jew uffiċjal tal-Gvern li jsiefru jaqtgħu l-biljetti ta' l-ajru mill-Air Malta jew imngħand xi aġenzija oħra jekk ta' l-aħħar tkun orħos wara li jittieħed inkonsiderazzjoni l-50% skont mogħti mill-Air Malta. Jien u l-membri li jakkompanjawni qed isegwu din il-proċedura.
Wara l-interpellanza tiegħi numru 23928 lil Ministru ta' l-Ambjent u li ġiet riferuta lil Ministru tal-Finanzi, jogħġbu l-Ministru jgħid kemm intefqu flus s'issa sabiex inxtraw u jitwaħħlu precipitators fil-power station tal-Marsa
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li numru ta' anzjani għadhom ma irċevew ebda żieda għall-għoli tal-ħajja? Jista' jgħid wkoll x'inhi r-raġuni li fejn tidher iż-żieda, ma jidhirx tnaqqis tal-F.S.S.
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 24371?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat illi minn tagħrif miġbur mill-ministeri m'hemmx pagamenti over and above li ġie miftiehem li jingħataw lill-kuntratturi fil-ġejjieni fuq medda ta' snin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm VAT Refunds dovuti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sal-15 ta’ Marzu 2001, l-ammont ta’ kreditu eċċessiv ta’ VAT mitlub minn persuni reġistrati u li għad irid jitħallas fix-xhur li ġejjin kien ta’ Lm16,312,582.42. Din il-figura tista’ tinbidel skond id-dikjarazzjonijiet li persuni reġistrati jagħmlu fid-denunzja tat-taxxa li jibgħatu sakemm il-kreditu eċċessiv jasal biex jitħallas.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 22460, kemm kienu l-administration expenses konnessi ma' kull logħba?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-administration expenses konnessi ma kull logħba organizzata mid-Dipartiment tal-Lottu tul is-sena 2000 huma kif ġej:-
Logħba Administration Expenses
Lm
Lottu 1,265,445.00
Super Five 868,470.00
Lotterija Nazzjonali 252,446.00
Tiritombla 159,034.00
Presto Instant Lottery 247,492.00
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-laqgħa li saret mal-korpi kostitwiti dwar il-fringe benefits tax nhar it-Tnejn 05.03.01?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul il-laqgħa mal-korpi kostitwiti dwar il-fringe benefits kienu spjegati u iċċarati ċerti punti mqajjma minn dawn il-korpi dwar xi sezzjonijiet tat-Tax guide maħruġ mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni f'dak li għandu x'jaqsam mal-valutazzjoni ta' xi benefiċċji u eżenzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għamilx xi stħarriġ professjonali biex jara kif il miżura speċifika fil-budget Ingliz ser tolqot l-offshore betting companies ibbażati f'Malta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma nħassitx il-ħtieġa li jsir dan l-istħarriġ minħabba li metematika sempliċi turi li Malta għadha kompettittiva f'dan is-settur.