B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija 34288, jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalita jinstabu dawn l-applikazzjonijiet u għal kemm il-sular għoli qiegħda ssir it-talba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-lokalitajiet għall-applikazzjonijiet li saret referenza għalihom huma l-Qawra u San Ġiljan. It-talba qiegħda issir għal ħmistax (15) -il sular.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' dawk il-persuni li attendew id-Detox centre? X'etajiet għandhom dawk li attendew? Bejn Jannar u Mejju 2002?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' żgħażagħ li nqabdu jabbużaw mid-droga bejn Jannar u Mejju 2002? Bejn 16 u 30 sena? Irġiel? Nisa? Tfal taħt 16-il sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju 2002, inqabdu 46 mara u 209 irġiel ta` bejn is-sittax u t-tletin sena (16-30) jabbużaw mid-droga. Infurmat ukoll illi inqabdu ukoll 5 bniet u tifel wieħed li l-eta` tagħhom kienet taħt is-sittax-il sena.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33547 magħmula fil-15 ta’ Mejju 2002 fejn bi żvista r-riferenza ta’ l-applikazzjoni għal notification ingħatat bħala DN0093/02 minflok DN 00983/02 li hi r-riferenza t-tajba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-każ tan-notifika DN 0983/02, il-bidliet jibdlu l-karattru u l-kuntest tal-bini. Għaldaqstant, il-bidliet m`humiex koperti mill-eżenzjonijiet mogħtija taħt l-Ordni dwar in-Notifikazzjoni ta` l-Iżvilupp, u hija meħtieġa applikazzjoni sħiħa għal permess sabiex il-każ ikun jista` jitqies aktar fid-dettal skond il-merti tiegħu. Dan ir-rimedju huwa fil-fatt indikat ("a formal application to the Planning Authority for development permission is required") fl-istess ittra li ntbagħtet lill-perit ta` l-applikant, u ma jirriżultax li l-applikant mhux qed jingħata xi gwida minn naħa ta` l-Awtorita` dwar x`jista jagħmel.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna ta’ nazzjonalita’ Tuneżina li isimha qed nagħti under separate cover għandiex visa biex tibqa’ Malta? Wara li dan it-Tuneżin tilef żewġ kawżi kostituzzjonali u ma ngħatax il-permess biex jibqa’ Malta, jista’ jgħid x’passi ħadet il-pulizija biex dan it-Tuneżin jitkeċċa? Hija infurmata l-pulizija li dan it-Tuneżin fil-qorti stess li qed jaħdem bħala bennej mingħajr permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qegħda tingħata estensjoni tal-visa peress li għandha kawża kriminali pendenti u ma tistax tħalli Malta mingħajr il-permess tal-Qorti. Sadanittant il-kawża kostituzzjonali li kien għamel biex jibqa` Malta ġiet deċiża kontrih anki mill-appell.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tagħmel l-investigazzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-uffiċini wżati mill-guards and warden service ġewwa tal-Ħriereb road Msida humiex koperti mill-permessi kollha ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar? Jekk le, x'se jagħmel biex jissalvagwardja id-drittijiet tar-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-uffiċini li qed jagħmel referenza għalihom l-Onor. Interpellant m`humiex koperti b`permess ta` żvilupp għal bdil fl-użu materjali minn residenzjali (klassi 1) għal uffiċini amministrattivi (klassi 5) u dan peress illi l-applikazzjoni PA 3830/01 li saret għal dan l-iskop ġiet irrifjutata mill-MEPA. Għaldaqstant kien inħareġ Avviż biex Tieqaf u tat-Twettieq ECF 455/02 datat 17 ta` Mejju 2002 kontra il-persuni involuti skond l-Att 1 dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp. Fil-frattemp saret talba għar-rikonsiderazzjoni mill-applikant wara r-rifjut li nħareġ, liema applikazzjoni għada qed tiġi pproċessata. Is-sezzjoni ta` l-Infurzar tal-MEPA ser tibqa` ssegwi l-każ sa ma jkun hemm konklużjoni finali fuq il-kwestjoni.
B'riferenza għall-mistoqsija 26838, jista' l-Ministru jgħid x'passi ittieħdu fis-sena li għaddiet minn mindu saret il-mistoqsija? Jaf li l-attivita' illegali msemmija fil-mistoqsija 26838 għadha għaddejja sal-lum u dan minkejja s-sentenza tal-qorti kontra din l-attivita'? Jaħsibx li issa għadda żmien biżżejjed biex jittieħdu passi bis-serjeta' meta qiegħed dejjem jirriżulta li b'din l-attivita' qed issir ħsara lill-ambjent kif ukoll lis-saħħa tar-residenti fl-inħawi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell fit-30 ta` Mejju 2001, il-MEPA kienet avżat lil persuna ikkonċernata u infurmatu bil-ħsieb li tneħħi hija stess l-iżvilupp illegali msemmi fl-avviż ECF 303/97, ċioe` li twaqqaf it-trobbija tal-ħamiem mill-post. Minn naħa tiegħu is-sid kien ikkopera billi neħħa il-ħamiem huwa stess. Dan kien ikkonfermat minn uffiċjali ta` l-Awtorita` li spezzjonaw il-post. Għaldaqstant l-Awtorita` ma kelliex għalfejn tipproċedi b`mod ulterjuri.
Fil-frattemp, applikazzjoni għal bdil fil-użu tal-'washroom' sabiex din tkun tista` tintuża bħala 'pigeon loft' (PA 03719/01) u li kienet ġiet oriġinarjament irrifjutata fis-17 ta` Jannar, 2002, ġiet approvata mid-'DCC' wara li saret talba għar-rikonsiderazzjoni mill-applikant. Fil-fatt riċentament inħareġ permess datat 3 ta` Ġunju, 2002 fejn is-sid ingħata permess li hu validu għal sena sabiex ikun jista` jżomm sa 50 ħamiema (racing pigeons) wara li weħel multa imponuta mill-istess DCC. Għaldaqstant il-każ minn naħa t`infurzar issa huwa magħluq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni tressqu l-qorti tul is-sena 2001 u 2002 (sa l-1 ta' Lulju) għax inqabdu jġorru l-ħamrija bla permess tad-dipartiment ta' l-agrikoltura?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar 2001 u l-1 ta` Lulju 2002, il-Pulizija ressqet żewġ persuni quddiem il-Qorti talli ġarrew ħamrija mingħajr il-permess meħtieġ.
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb problema serja li hemm fil-bitħa f'183 Triq ir-Repubblika l-Belt?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tiswija ta` servizzi f`partijiet komuni ta` proprjeta` residenzjali tal-Gvern hija r-responsabbilita` tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta` Djar fi ħdan il-Ministeru tal-Politika Soċjali. Għalhekk l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jaghmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri bħalissa fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Kemm minnhom huma barranin? Kemm hemm priġunieri li huma sentenzjati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-3 ta` Lulju 2002 in-numru ta` priġunieri illum kien ta` 279. It-tagħrif mitlub dwarhom hu kif ġej:-
Maltin
Sentenzjati 153
Arrestati 36
Barranin
Sentenzjati 46
Arrestati 44
Jista' l-Ministru jgħid meta l-qorti tagħmel xi rakkomandazzjoni lid-direttur tal-ħabs biex persuna ssentenzjata l-ħabs tingħata xi forma ta' kura minħabba droga jew xi ħaġa oħra, din dejjem tiġi implimentata mid-direttur tal-ħabs? Din il-kura dejjem tingħata l-ħabs jew anke barra?
Response (BORG, TONIO)
Nassigura lill-Onor. Interpellant illi kull meta l-Qorti tagħmel xi rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Ħabs, din dejjem tiġi mogħtija l-attenzjoni sħiħa u jittieħdu l-passi neċessarji biex tiġi attwata, dejjem skond ir-regolamenti tal-ħabs.
B'riferenza għar-risposta li kelli għal PQ 34410, fejn mill-investigazzjoni qiegħed jirriżulta li l-kundizzjonijiet tal-kurja huma kollha onorati, jidhirlux il-Ministru li Klawsoli 3 u 4 humiex qegħdin jiġu mittiefsa? Dwar Klawsola 7 qiegħed il-konsum jiġi mħallas mill-inwilin? Fuq liema permess infetħet gate oħra barra dik stipulata fil-Klawsola 4?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
Fuq żewġ partijiet tal-kirja il-
boundary wall
sar b`
chain link fence
u mhux b`ħajt ta` erba` filati. La darba il-
boundary wall
sar, id-Dipartiment ta` l-Artijiet ma jħossx li dan ifisser li il-klawsola 3 qiegħda tiġi mittiefsa.
Rigward il-klawsola 4 l-inkwilin qiegħed juża aċċess li ilu jużah għal dawn l-aħħar tmintax-il sena. Ma jidhirx li hemm xi aċċess ieħor għal dik il-parti tas-sit li l-inkwilin għandu mikrija.
Rigward il-klawsola 7, id-Dipartiment ta` l-Artijiet qatt ma ħallas id-dawl u l-ilma tas-sit u ma għandu l-ebda informazzjoni li l-inkwilin mhux qiegħed iħallas. Għaldaqstant l-Onorevoli Membru huwa mitlub li jagħmel din il-parti tad-domanda lill-Ministru tas-Servizzi Ekonomiċi.
B'riferenza għal PQ 34359 jidhirlux il-Ministru li minħabba id-djuq tat-Triq San Martin, Żebbuġ, u minħabba l-fatt li minn din l-istess triq jgħaddi kwantita kbira ta' ilma li jaqleb lejn in-naħa tal-bini l-qadim, għandux jitneħħa kompletament il-front garden minn quddiem kull residenza/garage li għamlu l-front garden?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi peress il-'front gardens' li jeżistu ġewwa din il-parti ta` Triq San Martin huma koperti bil-permessi tal-bini meħtieġa, u dan kif diġa` ġie spjegat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34359, il-MEPA għalkemm għandha kompetenza li tibdel l-allinjament ta` triq u tneħħi l-ħtieġa tal-front gardens, ma tistax tordna it-tneħħija fiżika ta` dawn il-front gardens. Rigward ilma li jgħaddi minn din in-naħa tat-triq huwa ssuġerit li din il-problema għandha tiġi riferuta lill-Awtorita` kompetenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li jitħlu kuntistabbli ġodda minn fost ir-rekluti ili hemm? Kemm hu mistenni li jiżdiedu l-kuntistabbli mal-ALE sa biex tiġi msaħħa din it-taqsima dan fid-dawl tal-kummenti li għamel ic-chairman tal-awtorita’ Maltija għat-turiżmu fejn qal li hemm bżonn aktar enforżar tal-liġi f’dal-qasam?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi it-72 rekluta li kienu qed jattendu l-kors ta` taħriġ fl-Akkademja tal-Pulizija, temmew b`suċċess dan il-kors, u huwa ppjanat illi dawn jieħdu l-ġurament tal-ħatra bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija nhar il-Ħamis 11 ta` Lulju 2002. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tqassim tal-membri tal-Korp isir skond l-esiġenzi tal-Korp u n-neċċessitajiet oħra li jkun hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jara kif il-pulizija tal-Mosta għadhom ma għamlu xejn biex inaddfu vetturi wieqfin u abbandunati fi Triq wara l-Gradiljoli, Mosta u viċin fejn hemm numri ta' vetturi mingħajr il-pjanċi u liċenzji li huma mitluqin u dawn huma primarjament vannijiet żgħar bojod?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa dwar l-ilment imressaq mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-permess nru. PA 2960/01?
Response (BORG, TONIO)
Ġaladarba l-liġi tispeċifika li pjanti huma aċċessibbli għall-pubbliku iżda ma tingħatax kopja tagħhom, ma jidhirlix li għandi naċċedi għat-talba ta` l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li pulizija li jaħdmu f'uffiċini, kemm fid-distretti kif ukoll fid-depot, ma jibqgħux jaħdmu bil-ġurnata iżda jibdew jaħdmu bix-shift? Huwa maħsub li dawn il-postijiet jimtlew minn persuni ċivili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-10 ta` Ġunju ta` din is-sena kienet ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet minn membri tas-Servizz Ċivili li huma interessati li jkunu imħarrġa u eventwalment ingaġġati bħala Police Administrative Support Officers. Ix-xogħol tagħhom ser ikun primarjament fl-uffiċini Distrettwali tal-Pulizija. B`hekk ser ikun hemm numru ta` membri tal-Korp li bħalissa qed jagħmlu xogħol fl-uffiċini li ser ikunu jistgħu jibdew jagħmlu xogħol ta` natura pulizjeska, li ħafna minnu jinħadem fuq bażi ta` shifts.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija 34365 jikkunsidra l-Ministru jressaq riżoluzzjoni għat-tiġdid taċ-ċens tal-każin Malti fil-ġejjieni qarib biex dawk li jmexxu l-każin ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar ċertu investiment għat-titjib tal-bini u faċilitajiet li ma jiflaħx jistenna sentejn u nofs? Xi problemi hemm biex iċ-ċens jiġġedded qabel iż-żmien?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-materja qed tiġi kunsidrata mill-aspetti kollha tagħha, inkluż il-konsegwenzi li jista` jkun hemm fuq għadd ta` proprjetajiet mogħtija lil terzi eż. ħwienet li jiffurmaw parti mill-istess konċessjoni enfetewtika li faddlilha sal-01.01.2005 biex tagħlaq.
Jista' l-Ministru jgħid ittieħdux xi passi mill-pulizija wara lmenti minn residenti u operaturi turistiċi li fil-bini ta' kostruzzjoni fuq sit f'kantuniera bejn Summer Street u St. Simon Street f'Buġibba, qed ikun hemm minn siegħat bikrin ta' fil-għodu b'ħafna ħsejjes insapportabbli b'inkonvenjenzi kbar għall-ġirien? X'passi ttieħdu? X'riżultati ħallew?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi xi ġimgħat ilu il-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra kellha ilment mingħand operatur ta` stabbiliment turistiku dwar ix-xogħol li kien qed isir fis-sit imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Il-Pulizija immedjatament ħadet il-passi meħtieġa fejn wissiet lill-kuntrattur sabiex josserva il-ħinijiet li fihom għandu jsir ix-xogħol. Wara dan il-Pulizija ma kellhiex aktar ilmenti.