Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — Gradwazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni studenti ta' l-MCAST ma tħallewx jiggradwaw ma' sħabhom minkejja li għaddew mill-eżamijiet kollha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-raġuni għala xi studenti ta' l-MCAST ma gradwawx ma' sħabhom hija li r-rizultat tagħhom ma jkunx għadu definit minħabba li r-rizultati ta' kompetenzi prattiċi, għalkemm ikunu magħrufin, ma jkunux għadhom ġew verifikati minn barra.

Universita' ta' Malta — Sistema ta' rtirar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fl-Universita' ta' Malta tiġi ntrodotta sistema ta' irtirar ta' 65 sena għall-istaff akkademiku wkoll meta wieħed iqis li hemm ħafna li huma 'l fuq sew minn 65 sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kwestjoni ta' irtirar għal staff akkademiku issa trid tiġi rikonsidrata fid-dawl tal-provvedimenti l-ġodda adottati mill-Parlament dwar il-pensjoni tas-Sigurta Soċjali kif ukoll fid-dawl ta' eventwali proposti għal tibdil fil-liġi li tirregola l-Universita'.

Malta University Services — Bord

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-bord li jmexxi l-Malta University Services? Jista' jgħid ukoll jekk dawn jitħallsux jew għandhomx xi allowances? Jekk iva, x'inhuma?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Riżenji ta' chairmen

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu jservi fil-kariga ministerjali preżenti kemm kien hemm chairmen ta' kumitati, korporazzjonijiet, enti, awtoritajiet, aġenziji u korpi parastatali li jaqgħu taħtu li rriżenjaw jew talbu espressament li ma jiġux kkonsidrati mill-ġdid għall-kariga li kienu qegħdin jokkupaw? Min kienu u fejn kienu qegħdin iservu? Jista' jagħti d-dati ta' kull każ applikabbli?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt li ma jinħeliex ħin ta' uffiċċjali pubbliċi fuq il-ġbir tat-tagħrif mitlub.

Zjarat fl-iskejjel

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23926 dwar żjarat fl-iskejjel, jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-affarijiet li nstabu ħżiena fl-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawn iż-żjarat saru bl-iskop li jkunu ta' għajnuna fl-identifikazzjoni ta' affarijiet jew sitwazzjonijiet li jistgħu joħolqu periklu sew għall-istudenti u l-għalliema. Dawn iż-żjarat jieħdu forma ta' 'Risk Assessment', li wara jiġi diskuss mal-kapijiet ta' l-iskejjel biex jiġu identifikati metodi kif dawn jiġu mtejjba.

Hal Kirkop — Kumpless sportiv

Question

B'riferenza għall-aħbar li se jinbena kumpless sportiv f'Hal Kirkop, jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol u kemm se jiġi jiswa? Min se jagħmel dan ix-xogħol u x'inhuma l-faċilitajiet li se jkun fih dan il-kumpless? Meta huwa maħsub li jitlesta x-xogħol fuq dan il-kumpless?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol fuq il-kumpless sportiv f’Ħal Kirkop beda. Ix-xogħol se jiġi jiswa madwar Lm530,000.00 u l-kuntrattur li rebaħ it-tender tal-kostruzzjoni wara proċess tal-kumitat tal-kuntratti huwa ‘Elbros Construction’. Informat ukoll li l-Kumpless ta' Ħal Kirkop ser ikun multi-sports usage u mhux marbut ma' xi sport partikolari. Il-post ser ikollu fih first aid room , fitness centre u uffiċini għall-amministrazzjoni.

Marsa Sports Complex — Xogħol ta' bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fil-faċilita' sportiva tal-Marsa li issa ilu li beda jinbena mhux ħażin? Meta huwa maħsub li dan jinfetaħ u għal xiex se jservi dan il-bini?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-KMS kompla fuq l-ewwel fażi tax-xogħol tal-Car Park ġewwa l-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Fil-fatt ix-xogħol strutturali tal-carpark tlesta u anke d-dawl intern ta’ l-istess car park. Ix-xogħol tad-dawl intern apparti l-fittings tlesta fl-2006. Il-KMS sejjer din is-sena joħrog t-tender għal finishes tal-car park.

Science Lab/Technology Technicians

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk li huma technicians, bħal ngħidu aħna Science Lab u Technology Technicians, u li jinsabu fi Skala 14 hux possibbli jitilgħu xi skala jew tnejn wara numru ta' snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-materja hi regolata mill-Ftehim 'Classification, Regrading and Assimilation of the Technical Class'.

MCAST — Għalliema ta' l-IT

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li waslu għandi mingħand numru ta' studenti u ġenituri dwar għalliema ta' dixxendenza Ingliża li tgħallem ġewwa l-MCAST studenti ta' l-IT ġewwa ċentru ta' l-EC f'Paceville fejn qed jingħad li tgħajjar lill-istudenti tant li rrappurtawha lil counsellors u li tgħid diskors dispreġjattiv fil-konfront tal-pajjiż u anke kontra l-MLP?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-MCAST qed jieħdu l-passi meħtieġa.

Carers — Night duty distrubance allowance

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23901 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23443, jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema carers fi djar ta' l-anzjani tas-sorijiet humiex intitolati għal night duty disturbance allowance skond il-liġi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-liġi tax-xogħol m’hemm l-ebda referenza għal night duty disturbance allowance. Jekk l-Onor. Membru iħoss li hemm xi kundizzjonijiet li m’humiex skond il-liġi jista' jagħti aktar informazzjoni biex ikunu jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet relattivi.

Skejjel — Bini ta' swali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbnew is-swali ta' l-iskola Primarja ta' Marasxlokk u tal-Junior Lyceum ta' Sta. Luċija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tender biex tinbena s-sala fl-iskola primarja ta’ Marsaxlokk tinsab għand il-Kumitat tal-Kuntratti biex tiġi pubblikata. Ix-xogħol jibda wara l-ħruġ tal-Letter of Acceptance. Rigward il-Junior Lyceum ta’ Sta. Lucia qiegħed isir renewal tal-pjanti biex jiġu approvati mill-MEPA u bdew jinħadmu l-Bill of Quantities sabiex tiġi pubblikata t-tender għall-bini tas-sala.

Skejjel — Xogħlijiet ta' bini/manutenzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24011, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-oġġezzjoni tiegħu sabiex dan il-pjan jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba oriġinali.

Żurrieq — Skola Primarja B - Facilitators

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga numru ta' rapporti li wasluli dwar l-iskola Primarja B taż-Żurrieq, fejn qed jingħad li xi facilitators qed igħaddu ħafna żmien barra mill-klassi minflok mat-tfal li għandhom bżonnijiet speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ebda lment dwar ir-rapporti imsemmija fil-Mistoqsija ma waslu la lill-Kap ta' l-iskola u lanqas lill-uffiċċju tal-Ko-Ordinaturi tal-Kulleġġ San Benedittu. Mill-investigazzjoni informat li ma jirrizultax li r-rapporti msemmija fil-Mistoqsija huma ġustifikati.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Psikologi edukattivi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23894, il-Ministru llum jikkonferma li hemm tlett psikologi edukattivi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid dawn fejn qed jaħdmu u x'inhu t-titlu proprju tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm huwa meħtieġ li jkun il-compliment ta' psikologi sabiex jaqdu l-ħteġijiet tat-tfal kollha? X'qed isir ħalli jintlaħaq il-compliment meħtieġ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-prezent hemm tlett Psikologi Edukattivi li jipprovdu servizz fi ħdan is-Servizzi Psikoloġiċi għall-iskejjel. Fejn tinħass il-ħtieġa jiġu kuntrattati s-servizzi ta' Psikologi privati. Id-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni għandha vakanzi għall-Psikologi Edukattivi li jaħdmu fuq bazi ta' ħin bħala uffiċjali pubbliċi fis-servizz ġenerali kif jiġri fil-qasam tas-settur tas-saħħa u oqsma oħra. L-istudenti u l-iskejjel ma jistgħux jinqdew tajjeb b'servizz ta' psikoloġija li jieqaf fil-vaganzi u hekk kif tieqaf l-iskola. Id-Divizjoni tibqa' tagħmel l-almu tagħha biex tikseb is-servizzi meħtieġa u biex timla l-vakanzi li għandha bħalissa.

Servizz ta' facilitator

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra każ ta' tifel li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandu bżonn facilitator peress li mhux l-ewwel darba li kellu nuqqas ta' dan is-servizz kif ġara nhar l-Erbgħa 28/03/07? Jista' l-Ministru jieħu azzjoni biex il-ġenituri ta' dan it-tifel ikollhom risposta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-facilitator tat-tifel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kienet bis-sick leave mill-Ġimgħa 12 ta' Jannar, 2007 sa nhar il-Ġimgħa 2 ta' Marzu. Matul dawn il-ġimgħat inġabet spiss On Call facilitator.

Working permit

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-working permit ta' sinjur li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ilu hawn Malta sitt snin? Possibbli din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjoni għall-permess tax-xogħol għall-persuna msemmija mhux ser tintlaqa’. Applikazzjoni minn prinċipal ieħor għall-istess persuna ġiet irrifjutata f ‘Settembru 2006.

Applikazzjoni mal-Maltanet

Question

B'riferenza għall-ittra tat-13 ta' Frar, 2007 ta' persuni mis-Swieqi li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separtament, dwar kif ġie ttrattat it-tifel tagħhom meta applika biex jaħdem mal-Maltanet, tista' tinvestiga l-allegazzjonijiet ta' l-ittra kif wkoll titlob lil kumpannija tibgħat tweġiba xierqa lis-Sinjur imsemmi? Tħossx li dan l-allegat aġir jirrispetta l-liġijiet tax-xogħol tal-pajjiż, kif ukoll it-trattament xieraq li applikanti simili għandhom dritt għalih?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li uffiċjali mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg iltqagħu mal-persuna konċernata, fil-prezenza tal-ġenituri tagħha, biex jakkwistaw aktar informazzjoni. Mill-investigazzjonijiet, sa issa għadu ma jirrizultax li kien hemm xi ksur tal-liġi tax-xogħol. Iktar informazzjoni tingħata meta l-investigazzjonijiet ikunu mitmuma.