Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #3772 Sitting 89 2004-01-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Mużew nazzjonali ta' l-arti — Pitturi u antikitajiet mislufa lill-ambaxxati barra minn Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jistax jikkonferma li mill-pitturi u l-antikitajiet oħra mislufa mill-mużew ta' Malta lill-ambaxxati barra l-pajjiż, l-ebda waħda ma tinstab nieqsa? Dan b'riferenza partikolari għal ambaxxati fi Franza, Spanja u l-Italja.

Response (BORG, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija mill-Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura fis-Seduta Numru 88 għall-Mistoqsija ta' l-istess Onorevoli Interpellant numru 3765. Inżid li wara li l-Ministeru għamel l-istħarriġ neċessarju irriżulta li ma hemm l-ebda pittura jew antikita oħra mislufa mill-Mużew ta' Malta lill-Ambaxxati barra l-pajjiż li hija nieqsa stante li kollha kemm huma jirriżultaw fl-inventarju relattiv ta' l-Ambaxxata jew tar-residenza uffiċċjali ta' l-Ambaxxatur. (Risposta korretta b'Dokument imqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra Nru 1008).
Leg 10 PQ #3715 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Passaporti Diplomatiċi

Question

Kemm inħarġu passaporti diplomatiċi fl-aħħar leġislatura u f'din il-leġislatura sena b'sena? Min huma dawn il-passport holders?

Response (BORG, JOE)

Mill-informazzjoni li ksibt mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, in-numru ta' passaporti diplomatiċi li nħarġu, sena b'sena, matul il-perjodu ndikat mill-Onorevoli Membru, kien dan: - Bejn il-11.09.1998 - 31.12.1998 ħarġu 15 il-passaport diplomatiku - Bejn il-01.01.1999 - 31.12.1999 ħarġu 85 passaport diplomatiku - Bejn il-01.01.2000 - 31.12.2000 ħargu 72 passaport diplomatiku - Bejn il-01.01.2001 - 31.12.2001 ħarġu 65 passaport diplomatiku - Bejn il-01.01.2002 - 31.12.2002 ħarġu 44 passaport diplomatiku - Bejn il-01.01.2003 - 30.04.2003 ħargu 21 passaport diplomatiku - Bejn il-01.05.2003 - 31.12.2003 ħarġu 61 passaport diplomatiku - Bejn il-01.01.2004 - 14.01.2004 ħarġu 5 passaporti diplomatiċi Infakkar lill-Onorevoli Membru illi numru konsiderevoli ta' dawn il-passaporti li nħarġu fi snin imgħoddija kellhom skadenza ta' ħames snin u uħud minnhom illum m'għadhomx validi. Ma nħossx illi għandi nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-passaporti diplomatiċi elenkati hawn fuq, iżda dispost li ngħaddi privatament lill-Onorevoli Membru din il-lista mħejjija mill-Ministeru konċernat.
Leg 10 PQ #3767 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxati Maltin barra minn Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema pajjiżi għandna ambaxxata jew se jkollna filwaqt li huma la għandhom u lanqas għandhom ħsieb immedjat li jiftħu ambaxxata f'pajjiżna?

Response (BORG, JOE)

Fil-preżent, Malta għandha jew se jkollha fil-ġejjieni qarib rappreżentanza permezz ta' Ambaxxatur Residenti f'dawn il-pajjiżi, li, minn naħa tagħhom, għad m'għandhomx Ambaxxata f'pajjiżna: - L-Arabja Sawdita - L-Awstrija - Il-Belġju - Id-Danimarka - Il-Greċja - L-Irlanda (l-Ambaxxata Maltija f'Dublin mistennija tiftaħ fil-ġejjieni qarib) - Il-Marokk (l-Ambaxxata Maltija f'Rabat mistennija tiftaħ fil-ġejjieni qarib) - Spanja (hemm konferma minn naħa tal-Gvern Spanjol li tinfetaħ Ambaxxata f'Malta dalwaqt) - L-Isvezja - L-Ungerija.
Leg 10 PQ #3768 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxata Maltija fis-Sawdi Għarabja

Question

Huwa minnu li l-gvern qed jikkonsidra li jagħlaq l-ambaxxata tas-Sawdi Għarabja u jiftaħ waħda ġdida fil-Marokk?

Response (BORG, JOE)

Nikkonferma li l-Gvern fi ħsiebu illi jiftaħ Ambaxxata Maltija ġewwa Rabat fil-ġejjieni qarib. F'dan l-istadju għadni m'inhiex f'qagħda li ngħid jekk l-Ambaxxata f'Riyadh hix ser tingħalaq fix-xhur li ġejjin jew le.
Leg 10 PQ #3622 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Kumpannija Amerikana General Electric — Ex-ambaxxatur ta' Malta

Question

Dejjem skond rapporti li dehru fis-Sunday Times tal-4.01.04 u fit-Times tal-5.01.04, iħoss il-Ministru li kien etiku li ex-ambaxxatur ta' Malta li llum jaħdem f'pożizzjoni għolja mal-kumpannija Amerikana General Electric ġie rrappurtat li saret lobbying f'ismu mill-kumpannija li jaħdem magħha ma' l-awtoritajiet Maltin biex jiġi maħtur kummissarju ta' Malta għall-UE? Billi ġie rrappurtat li saru laqgħat tad-delegazzjoni tal-GE Electric ma' uffiċjali għoljin tal-Gvern Malti, min awtorizza li jsiru taħditiet bħal dawn li jmorru kontra l-etika fejn kumpannija barranija tagħmel pressjoni fuq gvern sovran dwar min għandu jinħatar kummissarju Ewropew biex jirrappreżenta pajjiż li m'għandu x'jaqsam xejn mal-kumpannija konċernata?

Response (BORG, JOE)

Huwa l-Gvern Malti li jiddeċiedi min ser tkun il-persuna li tiġi proposta lill-Unjoni Ewropea sabiex isservi bħala l-Kummissarju Malti fl-Unjoni. Dak li jinkiteb u jintqal qabel ma tittieħed din id-deċiżjoni mill-Gvern u qabel ma din issir pubblika, m'huwiex ħlief spekulazzjoni.
Leg 10 PQ #3518 Sitting 84 2003-12-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Rikostruzzjoni ta' l-Iraq — Għajnuna ta' Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Malta li diġa' uriet interess f'mod limitat li tgħin fir-rikostruzzjoni ta' l-Iraq hijiex wieħed mill-pajjiżi li skond l-Istati Uniti ma jistgħux jieħdu sehem f'dawn il-pjani ta' rikostruzzjoni? Il-pożizzjoni ta' Malta ġiet meqjusa bħala favur jew kontra l-gwerra fl-Iraq?

Response (BORG, JOE)

Id-Dipartiment tad-Difiża ta' l-Istati Uniti ħareġ direttivi dwar l-għoti ta' "kuntratti primarji" għar-rikostruzzjoni ta' l-Iraq fil-5 ta' Diċembru 2003. Il-Gvern Amerikan ħareġ ukoll lista ta' 63 pajjiż li l-kumpaniji tagħhom jistgħu jikkompetu għal dawn il-"kuntratti primarji". Dawn il-pajjiżi huma l-Istati Uniti, l-Iraq, l-imsieħba fil-Koalizzjoni u dawk li bagħtu qawwiet biex iżommu s-sigurta' fl-Iraq. Il-Gvern Amerikan għamilha ċara li l-kumpaniji li jieħdu dawn il-"kuntratti primarji" għandhom il-liberta' kollha li jagħtu sottokuntratti lil kumpaniji minn kwalunkwe pajjiż. Malta la hi msieħba fil-Koalizjoni u lanqas ma bagħtet qawwiet biex iżommu is-sigurta' fl-Iraq.
Leg 10 PQ #3519 Sitting 84 2003-12-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxati — LAN Requirements

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ambaxxati li daħlu fi ftehim mal-MITTS għall-provvediment tal-LAN Requirements sabiex jiġu kkonnettjati mal-IT network tal-gvern?

Response (BORG, JOE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 10 ambaxxati u uffiċċji Konsolari li huma mqabbdin mas-sistema tal-Gvern magħrufa bħala MAGNET. Dawn huma: Toronto, Washington, New York, Ruma, Brussel, Pariġi, Stockholm, Berlin, Londra u Madrid. Il-kuntratt dwar din il-linja ta' komunikazzjoni huwa bejn il-MITTS Ltd u il-Ministeru, u mhux l-ambaxxati individwalment.

Ajruplani/vapuri tal-gwerra — Użu mill-faċilitajiet ta' portijiet Maltin

Question

Matul din is-sena, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm każi fejn gvernijiet ta' pajjiżi oħra talbu li l-ajruplani u l-vapuri tal-gwerra tagħhom jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-portijiet ta' l-ajruport tagħna u ġew irrifjutati? Jekk iva, liema gvernijiet kienu dawn?

Response (BORG, JOE)

Matul din is-sena, ma kienx hemm każijiet fejn talbiet minn Gvernijiet ta' pajjiżi oħra, biex ajruplani u vapuri tal-gwerra tagħhom jagħmlu użu mill-ajruport u mill-faċilitajiet tal-portijiet tagħna, ġew rifjutati.
Leg 10 PQ #3437 Sitting 80 2003-12-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Forzi Armati ta' Malta

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-Ministeru kien ġie infurmat mill-Forzi Armati ta' Malta li minħabba limitazzjonijiet finanzjarji ma kienux f'qagħda li jaċċettaw stedina tal-guardia civil Spanjola biex iżuru Algericas?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija kważi identika Numru 3319 magħmula minnu lill-Onorevoli Prim Ministru u li ġiet imwieġba fis-Seduta Parlamentari numru 73 tad- 9 ta' Diċembru 2003.
Leg 10 PQ #3445 Sitting 80 2003-12-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Konslu Malti f'Iżrael — Taħditiet dwar is-sigurta' fl-MIA

Question

Jikkonferma l-Ministru li f'Ottubru l-konslu tagħna f'Iżrael flimkien ma' uffiċjali tas-sigurta' Iżraelita żaru l-MIA għal taħditiet dwar is-sigurta' fl-ajruport?

Response (BORG, JOE)

Ntilob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat, ġaladarba din id-domanda tikkonċerna sigurta.
Leg 10 PQ #3327 Sitting 75 2003-12-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

International organisation for migration — Sħubija ta' Malta

Question

Jikkonferma l-Ministru li Malta applikat biex tissieħeb fl-International organisation for migration? Meta applikat? Fiex waslet din it-talba?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara li fis-7 ta' Ottubru 2003 il-Kamra tad-Deputati approvat riżoluzzjoni biex Malta ssir membru sħiħ fl-International Organisation for Migration, fil-15 ta' Ottubru 2003 jien ktibt lid-Direttur Ġenerali ta' l-IOM fejn issottomettejt l-applikazzjoni ta' Malta biex issir membru sħiħ ta' din l-organiżżazzjoni. Din l-applikazzjoni ġiet diskussa fit-18 ta' Novembru 2003 meta ltaqgħet is-sitta u tmenin Sessjoni tal-Kunsill tal-IOM li unanimament qablet li Malta ssir il-102 membru ta' l-istess Organiżżazzjoni. Din l-aħbar dehret fil-gażżetti lokali bi press release nhar il-Ħamis 20 ta' Novembru 2003.
Leg 10 PQ #3329 Sitting 75 2003-12-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

MEUSAC — Segretarju esekuttiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta is-Sur David Casa inħatar segretarju esekuttiv tal-MEUSAC? Jekk għandu, kemm għandu ħlas għal dan ix-xogħol?

Response (BORG, JOE)

Is-Sur David Casa ġie appuntat Executive Secretary tal-MEUSAC mill-1 ta' Settembru 2003 cioe' minn meta l-MEUSAC ġie rikostitwit. Is-Sur Casa kien ġie ngaġġat bħala Inter Ministerial Coordinator on the European Union mal-Ministeru b'kuntratt iddatat 25 ta' Marzu 1999. Il-ħlas li qed jingħata bħala Executive Secretary, MEUSAC huwa dak li kellu a bażi tal-kuntratt iddatat 25 ta' Marzu 1999 miżjud biss bl-aġġustamenti ġenerali li saru fir-rati tal-pagi minn dak inhar.
Leg 10 PQ #3330 Sitting 75 2003-12-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Bord ta' konsulenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se jitħallas il-board ta' konsulenti għall-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin?

Response (BORG, JOE)

Il-Bord ta' konsulenti għall-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin huwa kompost minn disa' persuna li, minbarra tnejn ser jirċievu honorarium ta' LM1,000 fis-sena kull wieħed.
Leg 10 PQ #3331 Sitting 75 2003-12-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Voice of the Mediterranean — Managing director

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qed jitħallas il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, bħala managing director tal-Voice of the Mediterranean?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2846 fejn tinstab l-informazzjoni mitluba minnu

Office of review — Direttur

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba d-direttur ta' l-office of review siefer, kemm dam barra l-pajjiż u kemm kienet l-ispiża globali għal kull żjara barra minn Malta minn meta ħa l-appointment f'April 2001 sa meta nbidillu r-rwol tiegħu f'Ottubru 2003?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Jnterpellant illi l-Ministeru tiegħi qatt ma kellu uffiċċjal bil-kariga speċifika ta' Direttur Office of Review.
Leg 10 PQ #3320 Sitting 74 2003-12-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Moska — Taħditiet bejn id-diriġenti tal-Kordin Grain company

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm dwar it-taħditiet f'Moska bejn id-diriġenti tal-Kordin Grain company fir-Russja?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taħdidiet esploratorji li saru f'Moska mid-diriġenti tal-Kordin Grain Company kienu riżultat ta' kuntatti diplomatiċi li saru mal-Kamra tal-Kummerċ tal-Federazzjoni Russa li uriet l-interess tagħha fis-servizzi ta' din il-kumpanija. Wara li ġew identifikati uħud mir-Reġjuni Russi li potenzjalment jistgħu jesportaw qmugħ u ċereali, id-diriġenti Maltin marru Moska f'Settembru li għadda għal taħdidiet inizjali ma' rappreżentanti tar-Reġjuni u organiżżazzjonijiet interessati fil-faċilitajiet li toffri Malta għal ħażna ta' konsenji mmirati għar-riesportazzjoni. It-taħdidiet li seħħew għadhom mhux konklussivi.
Leg 10 PQ #3321 Sitting 74 2003-12-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Moska — Ambaxxata Maltija

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-ambaxxata Maltija f'Moska qed tfittex premises ġodda?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-diskussjonijiet bejn il-Gvern ta' Malta u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa rigward ir-rilokazzjoni ta' l-Ambaxxata Maltija f'Moska f'bini ieħor ilhom għaddejjin għal diversi snin. Iż-żewġ naħat qegħdin jinnegozjaw fuq din il-materja u hu mistenni li jintħlaħaq ftehim f'qasir żmien sabiex l-ambaxxata ta' Malta ikollha bini aktar adattat biex jaqdi il-funzjonijiet diplomatiċi u konsulari tagħha.
Leg 10 PQ #3323 Sitting 74 2003-12-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Visa biex persuni ta' nazzjonalita' Maltija jkunu jistgħu jidħlu l-Libja

Question

Jikkonferma l-Ministru li minħabba l-prinċipju tar-reċiproċita', Malta ġiet mgħarrfa min-naħa Libjana li l-Maltin se jkollhom bżonn il-visa biex jidħlu fil-Libja mill-1 ta' Mejju?

Response (BORG, JOE)

Għalkemm il-Maltin ser ikollhom bżonn il-Visa biex jidħlu fil-Libja mill-1 ta' Mejju 2004, bħalma l-Libjani ser ikollhom bżonn il-Visa biex jidħlu f'Malta mill-istess data; matul iż-żjara tal-Prim Ministru Libjan f'Malta f'Ottubru li għadda, iż-żewġ naħat qablu li jkollhom taħdidiet sabiex jidentifikaw u jaqblu bejniethom kif l-aħjar tkun introdotta il-Visa bejn Malta u l-Libja mingħajr ma' tkun ta' xkiel għal kummerċ u t-turiżmu bejn iż-żewġ pajjiżi. Huwa l-ħsieb taż-żewġ naħat li tkun introdotta sistema effiċjenti ta' ħruġ ta' Visa li tista tinkludi wkoll il-Visa tat-tip multiple entry. Hemm ukoll il-ħsieb li jkun hemm eżenzjoni mill-bżonn tal-Visa fir-rigward ta' uffiċċjali Governattivi u dawk diplomatiċi.
Leg 10 PQ #3324 Sitting 74 2003-12-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Transfer of sentenced prisoners

Question

Jikkonferma l-Ministru li t-Tuneżini ma aċċettawx talba Maltija biex jiġi ffirmat ftehim dwar transfer of sentenced prisoners?

Response (BORG, JOE)

Għal diversi drabi, Malta urit ix-xewqa li jkollha taħdidiet mat-Tuneżija sabiex jintlaħaq ftehim għat-trasferimenti ta' persuni kkundannati. S'issa, l-awtoritajiet Tuneżini m'humiex qed iħossu l-ħtieġa għal ftehim bħal dan. Il-Ministeru tiegħi qed ikompli jipprova li jinbdew taħdidiet sabiex jintlaħaq ftehim jew xi forma ta' arranġament ieħor dwar din il-materja.