Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq il-Kosta taħt it-Torri tal-Għallis – parking area

Question

Billi diversi xhur ilu kien intqal li dik il-parti ta' Triq il-Kosta li tinsab taħt it-Torri tal-Għallis, u li qabel kienet tifforma parti mit-triq il-qadima, kienet se tiġi kkonvertita f'parkeġġ, u dan kien ukoll indikat permezz ta' tabelli li juru li se jkun hemm parking area, li iżda għadha ma saritx, jista' jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol marbut ma’ dan l-istess parkeġġ? X'inhu jżomm milli jitlesta l-istess xogħol neċessarju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija jirrekjedu permess tal-Awtorità tal-Ippjanar. Bħalissa għaddejjin bil-preparamenti fuq l-applikazzjonijiet.

Twaħħil ta’ CCTV cameras

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġew stallati CCTV cameras, fejn twaħħlu, u kemm inqabdu nies jabbużaw, wara li l-Ministeru waħħal dawn il-cameras matul din is-sena? F'liema mill-postijiet fejn twaħħlu dawn il-cameras inqabdu nies jabbużaw?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena twaħħlu CCTV cameras f’dawn il-postijiet : Bombi Subway Floriana – Triq Sant’ Anna Subway (1) Floriana – Triq Sant’ Anna Subway (2) Birkirkara – Triq Ċensu Costa Manoel Island Sliema – The Strand Bormla – San Ġwann T’Għuxa Dawn huma faċilitajiet addizzjonali ma li twaħħlu fis-sena preċedenti. Minn dawn il-cameras inqabdu : Persuna fi Triq Sant’ Anna – Floriana Persuna –fi Sliema – The Strand Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-CCTV cameras qed jitwaħħlu f’postijiet viżibbli f’dawn iż-żoni, sabiex jiġi evitat li jintrema skart illegali. Addizzjonali ma’ dawn il-cameras hemm diversi kunsilli lokali li qed jinvestu f’sistemi simili. Il-Mnisteru huwa kommess li jżid l-infurzar anke b’mezzi oħrajn.

San Pawl il-Baħar – toroq — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq f’San Pawl il-Baħar, qed jistennew li jingħataw it-tarmak? Meta hu mistenni li jsiru?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 25629.

In-Naxxar – toroq — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq fin-Naxxar, qed jistennew li jingħataw it-tarmak? Meta hu mistenni li jsiru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-aħħar informazzjoni li għandha Transport Malta l-lista hija s-segwenti: Lokalità Triq Naxxar Forga Naxxar p/o Konti Manduca Naxxar Sir W Jervois Naxxar Fiteni Naxxar Manuel Magri Naxxar p/o G Vitale Naxxar Il-Kappella ta' San Mikiel Naxxar p/o Bahar ic-Caghaq Naxxar Mizzju Naxxar Tuffieh Dawn huma toroq residenzjali li għad iridu jiġu asfaltati u għaldaqstant jsiru ladarba jkunu ffurmati u skont il-prioritajiet, fondi disponibbli u l-proċess tal-akwist.

Il-Mellieħa – toroq — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq fil-Mellieħa qed jistennew li jsiru bit-tarmak? Meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq dawn it-toroq li għadhom qatt ma saru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Transport Malta illum l-lista hija segwenti: - Bejn Triq Għollieqa u Tramuntana - p/o Għollieqa - Tarag il-Landiera - Bejn Triq Fortizza & Camilleri - p/o Wied ta' Ruman, p/o Barkazza, p/o Marlozz - Taraġ fi Triq l-Etna - Bejn Triq Għerien u Sagħtar - Triq l-Imsell - p/o Rattan - Triq ir-Rihan -Żona Għar u Casa - p/o Padrun - Triq Stasija Infakkar lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq it-toroq residenzjali jsir skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akwist tas-servizzi tal-kuntratturi.

Parking Bays – loading/unloading

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk parking bays riservati għal loading/unloading, jistgħux jintużaw minn vetturi privati, sakemm ikunu qed jgħabbu jew iħottu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li loading/unloading bay tista’ tintuża minn kwalunkwe vettura li tkun qegħda tgħabbi u tħott.

Transport Malta – kantunieri – distanza li titħalla bla parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ikkunsidratx il-possibiltà li d-distanza li għandha titħalla mhux ipparkjata, fil-kantunieri, titnaqqas minn dak stabbilit illum, almenu f'toroq li huma 'one way'? Jekk iva, x'kien l-eżitu ta’ dawn l-istudji? Min għamilhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità timxi fuq kif stabbilit mill-liġijiet relevanti, f’dan il-każ speċifiku fuq Sezzjoni 79 tal-Avviż Legali 65.11.

Transport Malta – Toroq li saru mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet Transport Malta għamel testijiet, , fuq toroq, fejn ikun sar xogħol mill-kunsilli lokali, minn Jannar 2015, sal-lum? X'kienu r-riżultati ta' dawn it testijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat ta-Toroq u Infrastruttura fi ħdan Tranpsort Malta ma jagħmilx testijiet fuq xogħol ta’ terzi nkluż il-kunsilli lokali għaliex ma jimmaniġjax u lanqas jiċċertifika xogħol esegwit minn terzi li għalih għandu jkun hemm perit u kuntrattur responsabbli skont il-liġi u li jiġu mqabbda minn entità li kkummissjonat ix-xogħol b’termini u kundizzjonijiet stipulati fl-appalt rispettiv. Nirreferi għar-risposti li diġà ngħataw u partikolarment għall-mistoqsija parlamentari 26775 fejn ġie spjegat ir-rwol tad-Direttorat ghar-rigward ta’ xogħol li jsir minn terzi u li jinkludu wkoll il-kunsilli lokali.

Transport Malta – xogħol fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet minn kunsilli lokali lil Transport Malta, biex din tal-aħħar twettaq testjar fuq xogħol ta' toroq li jkunu wettqu l-kunsilli stess, minn Jannar 2015 sal-lum? F'liema każijiet saru t-testijiet mitluba? X’kienu r-riżultati li nġabru? X'passi ttieħdu wara dawn ir-riżultati?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari W544.

In-Naxxar u Baħar iċ-Ċagħaq – roundabout tas-Salina — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhu x-xogħol li qed isir bħalissa fir-roundabout li hemm is-Salina, qabel ma’ tkompli t-triq lejn Baħar iċ-Ċagħaq u n-Naxxar? X’inhu l-iskop ta’ dan l-istess xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qegħdin isiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta' ġiebja fir-roundabout li hemm is-Salina għat-tisqija tal-ambjent tal-madwar.

Triq il-Kosta – Ħruġ min-naħa tal-Qadi – xogħlijiet fuq triq

Question

Billi l-ħruġ min-naħa tal-Qadi, qrib Kennedy Grove lejn Triq il-Kosta hu limitat lejn parti waħda, u billi l-aħħar parti ta' din it-triq hi mħarbta għal kollox, jista l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din il-parti tat-triq tingħata wiċċ tarmak, iktar u iktar wara li kompliet titkisser minħabba x xogħol li sar fuq Triq il-Kosta?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari W456.

Energy Performance Certificates — korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jiġi organizzat kors ieħor għal dawk li jistgħu joħorġu Energy Performance Certificates, billi jidher li n-numru ta' persuni hekk awtorizzati li joħorġu ċ-ċertifikati, hu żgħir ħafna? Kemm-il kors sar s’issa, u f'kull każ, meta ġew organizzati dawn l-istess korsijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill Ministru kkonċernat.

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – toroq — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol li għandu jsir fit-toroq tat-12-il distrett elettorali? Liema huma t-toroq li se jsiru fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, din is-sena jew is-sena d-dieħla?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistqosijiet parlamentari W539, W540, W541. Dawn ix-xogħlijiet se jsiru skont l-istat ta’ formazzjoni, prioritajiet nazzjonali, fondi pubbliċi u l-proċess ta’ akwist.

Ten-T – proġett

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema partijiet ta' dak li kellu jkun il-proġett tat-TEN Ts f'Malta għadhom m’humiex lesti? Meta hu mistenni li jitkompla, jekk se jitkompla dan l-istess xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz tal-linji gwida għar-reviżjoni tat-Trans-European Transport Network (TEN-T), l-istess network tat-TEN-T ġiet estiża minn 51km għal 112km. It-Ten-T Network għandha tiġi żviluppata fuq bażi ta’ comprehensive network u core network. Il-core network, li tkopri l-partijiet l-iktar strateġiċi, trid titlesta sas-sena 2030, filwaqt li l- comprehensive network trid titlesta sas-sena 2050. Kważi 40 fil-mija tat-TEN-T network f’Malta ġiet kompluta. Il-partijiet li fadal ġew maqsuma f’29 proġett. Dawn il-proġetti għandhom jiġu mwettqa fiż-żmien stipulat mir-Regolament 1315/2013 tal-Unjoni Ewropea.

Skart fl-Għalqa – każ ta’ persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema minħabba li kienu tefgħu skart fl-għalqa tagħha meta rranġaw it-triq ħdejn iċ-Ċimiterju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser nsegwu dan il-każ, u jekk jirriżulta dak li qed jingħad mill-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, isir it-tindif neċessarju, bl-ispiża tax-xogħol tgħaddi għand min ħoloq l-inkonvenjent.

Qrendi — Water management plan jew storm water runoff plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx water management plan jew storm water runoff plan għan-naħat tal-Qrendi partikularment minħabba l-ilmijiet li jinżlu miċ-ċentru tar-raħal għal Triq Wied il-Fulija għal ġol-widien li kawża ta’ hekk, diversi familji mhux qed ikunu jistgħu joħorġu minn darhom? Jekk hemm water management plan, jista’ jgħid jekk dan jinkludix Triq iż-Żurrieq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li skont ir-records tal-aħħar għaxar snin tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura, ma hemmx Water Management Plan jew Storm Water Runoff Plan għan-naħat tal-Qrendi. Madankollu, se ninkariga lid-Dipartiment konċernat biex jagħmel rapport fuq din il-materja.

Marsa – maniġġar ta’ traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb ta’ maniġġar ta’ traffiku alternattiv/ulterjuri fl-inħawi tal-Marsa wara l-għeluq mill-ġdid tat-triq temporanja fi ħdan ix-shipbuilding?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret l-implementazzjoni ta’ Tidal Lane fi Vjal Sir Paul Boffa, Poala biex ikun hemm karreġġjata oħra għall-vetturi li kienu jużaw id-Dock 7. Barra minn hekk ninsabu impenjati biex jinstabu alternattivi oħra biex tittaffa il-problema tat-traffiku f’ dawn l-inħawi.

Wied il-Għajn – Ground tal-Football

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’preparamenti hemm biex isir xogħol fuq il-ground tal-football propost f’Wied il-Għajn u f’liema stadju waslu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-pjanti ġew sottomessi lill-Awtorità ta’ l-Ippjanar fil-15 ta' Lulju u l-istess Awtorità bħalissa qegħda tħejji l-iscreening letter. Sadanittant beda x-xogħol fuq it-tħejjija tal-pjanti dettaljati u tat-tender, biex hekk kif joħroġ il-permess, din tkun tista' tiġi ippubbikata mid-Dipartiment tal-Kuntratti.

Xatt tal-Qajjenza – xogħlijiet fuq il-Promenade

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti fuq ix-xogħol propost għax-Xatt tal-Qajjenza u x’se jsir mill-Promenade?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol jinvolvi t-twessiegħ u bini mill-ġdid tal-promenade u tat-triq. Ninfurmah ukoll li l-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar inħareġ u se tinħareġ sejħa għall-offerti minn Transport Malta biex isir ix-xogħol stutturali tal-bażi tat-triq u tal-ħajt tal-ilqugħ man-naħa tal-baħar. Sadanittant, ħarġet ukoll sejħa għall-offerti biex isiru x-xogħlijiet tal-pavimentar, bankijiet u dwal u din qegħda fil-fażi ta' evalwazzjoni.

In-Naxxar – Salini tal-Melħ — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, issa li l-proġett fis-Salini tal-Melħ fin-Naxxar tlesta, wara li dan il-proġett kien ilu wieqaf għal għadd ta’ snin, fiex kien jikkonsisti, kif se jkun qed jopera u meta se jkun jista’ jibda jitgawda mill-pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tas-Salini tal-melħ kien jikkonsisti fir-restawr u tranġar tat-tined tal-injam, it-tindif tal-Bur Mielaħ u r-restawr tar-Ridott ta’ Ximenes. F’wahda mit-tined sar mużew dwar l-istorja tal-produzzjoni tal-melħ fil-gżejjer Maltin u fir-Ridott ta’ Ximenes hemm wirja dwar il-flora u l-fawna tas-Salina u postijiet ta’ Natura 2000. Il-post qed jiġi operat minn ħaddiema li ġew ingaġġati speċifikament għal dan is-sit u l-post issa hu miftuħ għall-pubbliku. Fil-jiem li ġejjin se jkun imħabbar kif ir-responsabilta’ ta’ dan is-sit se jkun qiegħda tinfirex fuq iktar minn Ministeru wieħed.