Ħal Qormi — Triq l-Iljun - xogħol fuq il-parti tal-wied
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jispiċċa x-xogħol li nbeda fuq il-parti tal-wied fl-area ta' Triq l-Iljun, f'Ħal Qormi u li jibqa' sejjer sal-Marsa?
Possibbli jittieħdu passi biex jiġu mnaddfa l-inħawi ħdejn il-monument ta' l-RAF f'bieb il-Belt li hu mitluq b'siġar mejta, pajpijiet imsadda u ħmieġ ieħor?
Billi dan hu post ċentrali fejn ta' kuljum jgħaddu għadd ta' Maltin u turisti, possibbli jittieħdu passi mmedjati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inħawi msemmija jaqaw taħt ir-responsabilta' ta' l-Environmental Landscapes Consortium. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Ħlas pendenti lill-kuntratturi
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6630, jista' il-Ministru jirrispondi dwar l-ammonti kollha li l-Ministeru għandu pendenti dovuti għal xogħlijiet u servizzi li saru/ngħataw?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' materjal u min għażlu , qiegħed jintuża għall-pavimentar ta' l-Imdina? Min qiegħed jissuplixxi dan il-materjal u kemm hi stmata l-ispiża tiegħu sabiex jitlesta x-xogħol kollu? Kien hemm il-ħtieġa li dan il-materjal jinqata' f'biċċiet tant ħoxnin sabiex jintuża għal dan il-paviment meta fl-Imdina ftit li xejn suppost jgħaddu vetturi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-materjal li qed jintuża għall-proġett ta' pavimentar ta' l-Imdina huwa Altopiano Ragusano li hija ġebla tal-qawwi minn Sqallija. Il-materjal intgħażel minn uffiċjali tal-Works Division u l-Imdina Rehabilitation Project Committee wara konsultazzjoni ma' esperti Taljani. Il-kuntrattur li rebaħ it-tender, General Co. Ltd., qed jissuplixxi dan il-materjal.
L-istima biex isir il-pavimentar ta' l-Imdina kollha hija ta' madwar nofs miljun lira. Waqt li huwa veru li l-ammont ta' vetturi li jidħlu huwa limitat, jibqa' l-fatt li vannijiet u trakkijiet jidħlu b'mod regolari għall-proġett u għas-servizzi. Għalhekk ġie deċiż li l-ħxuna tkun waħda li tippermetti t-traffiku. L-ispecification u t-tender documents inhargu fid-9 ta' Mejju 2003 u t-tender giet awardedfis-16 t'April 2004.
Jista' jitnaddaf il-culvert ta' ħdejn iċ-ċimiterju ta' Ħal Lija għaliex huwa mblokkat bil-ħaxix ħażin u debris ieħor?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li d-Dipartiment għas-Servizzi ta' l-Indafa għandu programm ta' tindif tal-culverts fit-toroq arterjali. Il-culvert ta' Ħal Lija huwa ppjanat li jitnaddaf f'Awissu.
Billi sakemm jerġa' jiftaħ il-Parlament wara l-vaganzi tas-sajf hemm possibbilta' kbira li tkun saret il-maltempata l-kbira li normalment tikkaratterizza x-xahar ta' Settembru, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-passi preventivi li ttieħdu mid-dipartiment konċernat sabiex tiġi evitata l-problema tal-għargħar li n-nies ta' l-Imsida, b'mod partikolari f'Valley Road, jgħaddu minnha f'dawk iż-żmenijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li d-Dipartiment għas-Servizzi ta' l-Indafa fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet wettaq xogħol ta' tindif fl-inħawi ta' Valley Road, Msida kif elenkat hawn taħt:-
Xahar
Deskrizzjoni tax-Xogħol
Settembru 2003
Tneħħija ta 88 tunnellata metrika materjal
Ottubru 2003
Tneħħija ta' 9 metri kubu u 71 tunnellata metrika materjal
Novembru 2003
Tneħħija ta' 44 tunnellata metrika materjal
Diċembru 2003
Tindif tul 1.5km minn ġo Valley Road, Msida
Jannar 2004
Tneħħija ta' 36 tunnellata metrika ta' materjal
Marzu 2004
Tneħħija ta' tunnellata metrika ta' materjal u tindif ta' 77 metru ta'
culverts
April 2004
Tindif tul 1.3km minn ġo Valley Road, tneħħija ta' 107.25 tunnellata metrika ta' materjal u tindif ta' 365 metru ta'
culverts
Ix-xogħol ta' tindif f'dawn l-inħawi jkompli jsir fuq bażi regolari skond il-ħtieġa.
Rigward il-proġett ta' flood relief fl-inħawi ta' Valley Road, Msida, peress li dan jinvolvi xogħol fuq it-triq, nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla t-tindif ta' Wied it-Tiġieġ f'Ħal Qormi (Il-Wied li jinsab biswit Triq l-Imdina u Tal-Ħandaq), liema tindif kien inbeda wara l-għargħar tal-15 ta' Settembru li għadda u baqa' ma tlestiex għaliex il-ħaddiema tal-Public Works li kienu assenjati fuq dan ix-xogħol ittieħdu fuq xogħol fuq il-proġett ta' Paceville?
Jista' jagħti l-konferma tiegħu jekk dan ix-xogħol hux se jitlesta qabel Settembru li ġej?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant għandu jiftakar li x-xogħol ta' tisbiħ ta' Paceville kien ipprogrammat qabel il-15 ta' Settembru, liema xogħol kien jitlob ħaddiema tas-sengħa. Rigward ix-xogħol fil-Water Course tal-Marsa/Qormi, ix-xoghol ta' tindif li kien ilu jinġema għal dawn l-aħħar 30 sena inbeda mmedjatament hekk kif għaddiet il-maltempata. Sussigwentement ġie mfassal programm ta' manutenzjoni, bini ta' mollijiet, twessiegħ tal-Water course u saħansitra twaqqigħ u bini mill-ġdid ta' pontijiet, fost oħrajn, liema xogħlijiet fil-preżent għaddejjin kif ippjanati.
It-tindif ta' Wied it-Tiġieġ, ta' Wied is-Sewda u ta' Wied il-Kbir huma parti minn dan il-programm estensiv ta' xogħlijiet.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol ta' tindif u tħammil fl-inħawi ta' Wied is-Sewda f'Ħal Qormi (minn Ħ'Attard sa Triq il-Wied), liema xogħol kien imwiegħed lill-kunsill lokali Qormi f'Jannar li għadda?
Jista' jgħid jekk hux se jiġu rranġati dawk it-toroq mhux urbani fosthom Triq tal-Ħlas u Triq Ħ'Attard li tkissru wara l-għargħar tal-15 ta' Settembru li għadda?
Jista' jikkonferma jekk dawn ix-xogħlijiet hux se jinbdew qabel Settembru li ġej?
Ħal Qormi/Marsa — Xogħol konness mal-proġett ta' l-għargħar
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm, bejn wieħed u ieħor, se jdum sejjer ix-xogħol konness mal-proġett ta' l-għargħar fl-inħawi ta' Ħal Qormi u l-Marsa, peress li milli jidher dan ix-xogħol jinsab lura ħafna u l-partijiet fil-widien tan-naħiet ta' fuq għadu ma nbediex?
Jista' jgħid jekk, bħala parti minn dawn ix-xogħlijiet, huwiex se jnaddaf il-Menqa fil-Marsa biex l-ilma tax-xita ikun jista' jmur lejn il-baħar mingħajr ebda problema?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol konness mal-proġett ta’ l-għargħar fl-inħawi ta’ Ħal Qormi u l-Marsa jikkonsisti fit-twessiegħ tal-korsa ta’ l-ilma tax-xita bejn Triq Manwel Dimech, Ħal Qormi u Triq Aldo Moro, Marsa. Qed isir ukoll it-twessiegħ tal-pont ta’ Triq l-Iljun biex jitnaqqsu l-ostakli għall-passaġġ ta’ l-ilma tax-xita. Dan ix-xogħol mistenni li jkun lest matul din is-sena.
Rigward it-tindif tal-Menqa fil-Marsa ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol ingħata b’offerta u dan mistenni li jinbeda fil-futur qarib.
Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Ħlas pendenti lill-kuntratturi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu jagħti flus f'xogħol li għamlu l-kuntratturi u li għadhom ma tħallsux u kemm tammonta l-ispiża għal kull kuntrattur sal-lum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Membru ikun aktar speċifiku u jiċċara għal liema tip ta' kuntratturi qed jirreferi.
Persuni impjegati fis-Segretarjat — Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura
Question
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni fis-segretarjat privat tiegħu, liema huma b'kuntratt jew sekondati minn xi dipartiment jew aġenzija tal-Gvern u x'inhu r-rwol ta' kull wieħed minnhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Biljetti ta' l-ajru
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm użu mis-servizzi tal-kumpanija ndikata.
Jista' il-Ministru jara li l-għalqa li hemm fi Triq Wied Glavan fix-Xgħajra titnaddaf u jinbena ċint skond il-liġi (kopja tal-pjanta qed tintbagħat separatament)? Jaf li f'din l-għalqa qed jintrema' ammont ta' skart li qed joħloq inkonvenjent filwaqt li qed ikun ta' periklu għas-saħħa tar-residenti ta' l-istess triq? Jaf li għalkemm saru diversi ilmenti ma' l-awtoritajiet konċernati baqa' ma sar xejn u dan bl-iskuża li s-sidien ta' l-għalqa mhumiex magħrufa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-għalqa msemmija hija tal-privat, għalhekk l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati studenti universitarji mill-Junior College jew MCAST bħala summer workers mal-ministeru jew aġenziji li jaqgħu taħtu dan is-sajf? Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li dan is-sajf ma ġewx ingaġġati studenti universitarji bħala summer workers, la mill-Junior College u lanqas mill-MCAST.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnhom iċ-ċangaturi taż-żonqor li kienu jiffurmaw taraġ fi Triq l-Oratorju, f'Bormla mal-ġenb tal-knisja? Jista' jgħid għaliex qed ikun permess li flokhom isir wiċċ tal-konkrit? Jista' jindaga x'sar minnhom dawn iċ-ċangaturi taż-żonqor? Jekk tkissru, jista' jgħid għaliex ma' ittieħdux il-prekawzjonijiet neċessarji?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li la l-Ministeru u lanqas il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera ma kienu nvoluti f'dawn ix-xogħlijiet.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani sabiex il-barrakka fuq is-Saqqajja r-Rabat, minn fejn kull sena fl-Imnarja jitqassmu l-paljijiet, mibnija minn Ġilormu Cassar, tiġi restawrata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-Kunsill Lokali tar-Rabat kien għamel applikazzjoni mal-MEPA għar-restawr tal-barrakka. La darba jinħarġu l-permessi, dan ix-xogħol jiġi nklus fil-programm ta' restawr.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani sabiex l-għajn storika li hemm fit-Telgħa tas-Saqqajja r-Rabat tiġi restawrata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-Kunsill Lokali tar-Rabat kien għamel applikazzjoni mal-MEPA għar-restawr ta' l-għajn. La darba jinħarġu l-permessi, dan ix-xogħol jiġi nklus fil-programm ta' restawr.
Miżbla tal-Magħtab — Tindif ta' toroq mnejn jgħaddu t-trakkijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li nies mgħammra bl-apparat meħtieġ intbagħtu jnaddfu t-toroq fejn jgħixu residenti ta' l-inħawi tal-Magħtab mnejn jgħaddu trakkijiet bl-iskart u jwaqqgħu u jnittnu l-inħawi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li t-toroq imsemmija jitnaddfu minn nies apposta mgħammra bl-apparat meħtieġ fuq bażi regolari u skond kif meħtieġ.