Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bastimenti — Reġistrazzjoni taħt il-bandiera Maltija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati bastimenti/tunnellaġġ mar-Reġistru Malti għas-snin 2002, 2003 u 2004? Jista' jgħid kemm ġew ikkanċellati bastimenti/tunnellaġġ għall-istess snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinsab fir-rapport annwali tal-Awtorita' Marittima ta' Malta għas-snin 2002/3 li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar is-sena 2004 din l-informazzjoni (sa Settembru) qed tiġi konkluża biex tkun parti mir-rapport annwali għas-sena 2003/4.

Jottijiet/dgħajjes — Postijiet ta' irmiġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn fil-preżent postijiet għall-irmiġġ ta' yachts u jagħti d-dettalji?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-preżent hawn dawn il-postijiet għall-irmiġġi ta' yachts f'Malta u Għawdex: Grand Harbour Marina, Vittoriosa 274 Manoel Island Marina 400 Mġarr Marina, Għawdex 186 Msida Marina u Ta' Xbiex 810 Portomaso Marina 110 Total 1780

MV Doulos — Bejgħ ta' kotba

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-MV Doulos hux se jingħata jew le permess biex ibiegħ kotba jekk u meta jiġi Malta iktar tard din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-aġenti tal-vapur issottomettew l-applikazzjoni fid-Diviżjoni tal-Liċenzji biex jistgħu jagħmlu fiera tal-kotba meta l-vapur iżur Malta f'Diċembru liema applikazzjoni għandha tiġi approvata sakemm l-applikant joqgħod għall-kundizzjonijiet tad-diviżjoni.

Dairy products — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-prezz tal-ġobon, butir u prodotti oħra tal-ħalib (abbażi l-importazzjoni storika) mhux se jkun sussidjat skond ma huwa l-prezz ta' dan is-sors fis-suq internazzjonali kif ġie mwiegħed il-poplu qabel ir-referendum u qabel l-elezzjoni ġenerali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Laħam aħmar — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-prezz tal-laħam aħmar (abbażi ta' l-importazzjoni storika) mhux se jkun sussidjat skond ma huwa l-prezz ta' dan is-sors fis-suq internazzjonali kif ġie mwiegħed il-poplu qabel ir-referendum u qabel l-elezzjoni ġenerali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Qmuħ u ċereali — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-prezz tal-qmuħ u ċ-ċereali (abbażi ta' l-importazzjoni storika) mhux se jkun sussidjat skond ma huwa l-prezz ta' dan is-sors fis-suq internazzjonali kif ġie mwiegħed il-poplu qabel ir-referendum u qabel l-elezzjoni ġenerali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Satellite Dishes — Refunds

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibdew jingħataw lura r-refunds ta' dawk li laħqu ħallsu l-liċenzji tas-satellite dishes?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-preparamenti għall-ħlas tar-refunds qed isiru u hu intenzjonat li toħroġ stqarrija pubblika meta dawn ikunu ser jibdew jitħallsu biex kulħadd ikun infurmat.

Zokkor — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-prezz taz-zokkor (abbażi ta' l-importazzjoni storika) mhux se jkun issussidjat skond ma huwa l-prezz ta' dan is-sors fis-suq internazzjonali kif ġie mwiegħed il-poplu qabel ir-referendum u qabel l-elezzjoni ġenerali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Gvern qiegħed jissussidja z-zokkor bir-rata ta' l-Export Refund li tagħti l-EU fuq iz-zokkor. Qabel Mejju 2004 iz-zokkor kien jiġi ssussidjat b'din ir-rata mill-EU u issa qed jiġi ssussidjat bl-istess rata mill-Gvern Malti.

Awtorita' Marittima Maltija — Bċejjeċ tal-baħar

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7415 u cioe' jista' jgħid x'inhu n-numru ta' bċejjeċ tal-baħar (jekk hemm) ta' sidien/kumpanniji Maltin, li huma reġistrati ma' reġistri navali barranin partikolarment dawk li jgħidulhom reġistri miftuħin (open registries)? Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bnadar barranin rappreżentati f'Malta, jekk hawn, u x'inhuma r-relazzjonijiet li dawn għandhom ma' l-Awtorita' Marittima Maltija? Jista' jgħid kemm-il biċċa tal-baħar (jekk kien hemm) ħalliet il-bandiera Maltija biex tinkiteb ma' bandiera oħra appena Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mhux possibli li wieħed jgħid x'inhu n-numru ta' bċejjeċ tal-baħar ta' sidien Maltin reġistrati f'xi reġistru barrani. Dwar il-bnadar barranin rappreżentati f'Malta l-Ministeru ma jkollux tali nformazzjoni. Kull ma nista' ngħid hu li bejn Mejju w Settembru ta' din is-sena 162 bastimenti jew biċċa oħra tal-baħar temmew, għal xi raġuni jew oħra, ir-reġistrazzjoni tagħhom taħt l-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili. Dan in-numru kien fl-istess livelli tas-sena 2003 meta għall-istess perjodu kien ta' 148.

Awtorita' Marittima ta' Malta — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti jaħdmu mal-Malta Maritime Authority f'dan is-sajf li għadda? Fid-dawl tad-diskors tal-Prim Ministru, fejn intalab li l-kumpanniji u l-entitajiet tal-Gvern inaqqsu l-ispejjeż tagħhom, il-Ministru jikkonsidra li dan in-numru seta' kien eċċessiv? Jista' jgħid kemm daħlu studenti mal-Malta Maritime Authority fis-sjuf tas-snin 2000, 2001, 2002 u 2003?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima impjegat 25 student matul is-sajf li għadda. Dan ġara minħabba l-fatt li hemm proġetti speċifiċi marbuta ma' leġislazzjoni u xogħol ieħor relatat ma' l-acquis communitaire. In-numru ta' studenti li l-Awtorita' impjegat fis-sjuf li għaddew kien hekk: Sena Numru 2000 4 2001 5 2002 20 2003 17

Awtorita' Marittima ta' Malta — Impjegata part-time

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li ntalab permess mill-Employment & Training Centre sabiex l-istudenta li isimha qed jintbagħat separatament, tinżamm part-timer mal-Malta Maritime Authority għas-sena li ġejja għax din fadlilha sena l-Universita'? Jista' il-Ministru jinnota li meta ġara hekk fil-passat, wara li l-awtorita' toħroġ applikazzjonijiet għall-full timers u jkun hemm rikjest l-esperjenza, jintgħażlu dawn il-part timers? Jikkonferma l-Ministru li kuntrarjament għall-prassi, il-persuna ndikata ġiet provduta bil-lap top tal-kumpannija, liema lap top tieħdu saħansitra d-dar? Jaqbel il-Ministru li dan huwa trattament preferenzjali u jista' jitqies abbużiv?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Ċirkewwa — Tisqifa tal-passiġġieri

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-aħħar parti tat-tisqifa tal-passiġġieri li hemm fiċ-Ċirkewwa tiġi magħluqa biex isservi bħala protezzjoni mill-elementi għall-passiġġieri li jkunu jistennew il-vapur ta' Għawdex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li permezz tal-proġett tal-mollijiet u terminals ġewwa ċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, il-mezz ta' trasport marittimu bejn Malta u Għawdex ikompli jissaħħaħ. Għaldaqstant, l-Awtorita' Marittima, flimkien mal-Gozo Channel, operatur tas-servizz, kontinwament jaraw kif is-servizz għall-passiġġieri jista' jiġi mtejjeb. Madankollu dan isir fil-kuntest tal-iżvilupp li għad baqa' xi jsir fuq dan il-proġett.

Awtorita' Marittima Maltija — Bċejjeċ tal-Baħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' bċejjeċ tal-baħar (jekk hemm) ta' sidien/kumpanniji Maltin, li huma reġistrati ma' reġistri navali barranin partikolarment dawk li jgħidulhom reġistri miftuħin (open registries)? Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bnadar barranin rappreżentati f'Malta, jekk hawn, u x'inhuma r-relazzjonijiet li dawn għandhom ma' l-Awtorita' Marittima Maltija? Jista' jgħid kemm-il biċċa tal-baħar (jekk kien hemm) ħalliet il-bandiera Maltija biex tinkiteb ma' bandiera oħra appena Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Bastimenti reġistrati taħt il-bandiera Maltija

Question

Jista' il-Ministru jindika n-numru ta' bastimenti li ġew reġistrati taħt il-bandiera Maltija din is-sena u t-tunnellaġġ tagħhom? Xi kemm hu t-total allura ta' tunnellaġġ reġistrat sal-lum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li matul il-perjodu Jannar 2004 u Ġunju 2004 ġew reġistrati 418-il bastiment b'tunellaġġ gross totali ta' 1,743,098. Sa l-aħħar ta' Ġunju 2004 kien hemm 3,629 bastiment reġistrati taħt il-bandiera Maltija b'tunellaġġ gross totali ta' 24,712,727.

Malta Maritime Authority — Avukati

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-avukati tal-Malta Maritime Authority? Jista' jispjega x'arranġamenti hemm, fis-sens min huma l-in-house lawyersu min le? Jista' jgħid u jindika x'inhuma s-salarji ta' l-in-house lawyers u kemm tħallsu fis-snin 2003 u 2004 spejjeż legali b'mod legali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-avukati ta' l-Awtorita' Marittima huma Mamo TCV. Għalkemm l-Awtorita' Marittima għandha avukat impjegat magħha, din il-persuna ma taħdimx bħala in-house lawyer iżda tagħmel xogħol ta' Assistant Registrar fid-Direttorat tal-Bastimenti merkantili. Sena 2002/3 Spejjeż ta l-avukati Lm7845.09 Spejjeż anċillarji ta' l-ufficċju Lm 115 Spejjeż tal-qorti Lm2573.57 Sena 2003/4 Spejjeż ta' l-avukati Lm11923.11 Spejjeż anċillarji tal-uffiċju Lm 1161.52 Spejjeż tal-qorti Lm 1214.75

Malta Maritime Authority — Pilot Boat Maintenance Fund

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie kkrejat il-Pilot Boat Maintenance Fund u l-Istabilisation Fund fit-termini tal-Malta Maritime Authority Act 1991? Jista’ jagħti rendikont dettaljat, li jkopri s-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 ta' l-introjtu u l-ħruġ tal-flejjes minn dawn iż-żewġ fondi? Jista’ f'dan l-eżerċizzju l-Ministru jindika dettaljatament is-sors ta' l-income li jidħol f'dawn il-fondi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Pilot Launch Maintenance and Repair Fund u l-Fond ta' l-Stabbiliżżazzjoni twaqqfu bis-saħħa tar-regolamenti dwar il-Pilutaġġ u l-Irmiġġ 1975. Minn April 2003 il-quddiem, l-uniku dħul fil-Fond ta' l-Stabbiliżżazzjoni hu dak ta' għaxra fil-mija levy fuq is-servizz ta' l-irmiġġatturi, filwaqt li l-ħruġ mill-istess fond huwa għal benefiċċju ta' l-irmiġġaturi biss.

Maltapost p.l.c. — Tender bir-Ref Nru. T01MP/2001

Question

B'riferenza għat-tender Ref. No. T01MP/2001 dwar leasing of motorcycle fleet to be used in Malta and Gozo u dan rigwardanti l-Maltapost p.l.c., jista' il-Ministru jispjega għaliex ir-riżultat ta' dan it-tender dam dawn is-snin kollha biex ħareġ? Jikkonferma l-Ministru li għal kważi 30 sena sħaħ il-fornitur ta' dan is-servizz kien il-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Jikkonferma l-Ministru li sabiex is-servizz offrut dejjem ikun ottimu, dan l-aħħar sar investiment qawwi sabiex jinxtraw muturi ġodda? Jikkonferma l-Ministru li l-persuna li rebħet it-tender din id-darba m'għandhiex fil-pussess tagħha daqstant muturi ġodda li jistgħu jikkompetu mal-fornitur ta' qabel? Jista' il-Ministru jindika min hi l-persuna li ġiet mogħtija t-tender u meta se jibda jaħdem il-kuntratt?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill- Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ċirkewwa — Terminal - bankini

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6789 u r-risposta relattiva, ma jaħsibx il-Ministru li jekk bejn gap u oħra jsiru xi gradi li ma jtellfux il-passaġġ ta' l-ilma jiġu evitati inċidenti ta' nies li jaqgħu f'dawn l-istess gaps?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima għalqet dawn il-gaps imsemmija mill-Onorevoli Interpellanta filwaqt li ġiet installata sistema sabiex tiżgura li l-passaġġ ta' l-ilma tax-xita ma jiġix ostakolat.

Gozo Channel — Appalt tat-terminals

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6788 u r-risposta relattiva, jista' il-Ministru jispjega x'hemm maħsub u x'irid jgħid biha li x-xogħol jiġi ridimensjonat u fiex jikkonsisti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li f'rapport li ħejjet l-Awtorita' Marittima, wara diversi diskussjonijiet mal-paritijiet konċernati, issa ġew identifikati l-possibilitajiet u l-alternattivi kollha li attwalment jeżistu sabiex jista' jitkompla l-proġett tal-mollijiet u terminals ġewwa ċ-Ċirkewwa u l-Imġarr. Billi d-deċiżjoni finali dwar dawn il-proposti għadha ma ttiħditx m'iniex f'pożiżżjoni li nagħti dettalji iktar speċifiċi f'dan l-istadju. Madankollu, il-Gvern jibqa' mpenjat li, permezzz ta' dan il-proġett, il-mezz ta' trasport marittimu bejn Malta u Għawdex jissaħħaħ u jitjieb konsiderevolment.

Liċenzja dwar l-użu ta' riċevituri tas-satellita

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'mod ċar fejn waslu l-proċeduri li nbdew mill-istess dipartiment biex tinbidel il-liġi preżenti li tkopri l-liċenzja dwar l-użu ta' riċevituri tas-satellita anke fid-dawl tad-direttiva tal-Kummissjoni Ewropea (KE) fi ħdan l-UE (ref: IP/01/31 approvata fl-2001) li tispjega b'mod ċar li m'għandux ikun hemm ostakli imposti fl-użu ta' dan is-servizz? Jista' jgħidilna wkoll jekk il-KE (Internal Market DG) ġibditx l-attenzjoni dwar din l-anomalija li qed tikser xi artikli bażiċi tal-EC Treaty f'dak li għandu x'jaqsam ma' moviment ħieles ta' prodotti u servizzi (free movement of goods and services)?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infuramt li minn imkien ma jiriżulta illi il-KE (internal market DG) jew xi direttorat ieħor ta' l-E.U. ġibed l-attenzjoni tal-gvern fuq ksur ta' xi artiklu tal-EC Treaty dwar moviment ħieles ta' prodotti jew servizzi.