Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex tibda t-tieni fażi tat-tneħħija tal-eko kontribuzzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li wara konsultazzjoni li kellna mal-Ministru tal-Finanzi nista’ nikkonferma li iva huwa l-ħsieb tal-Gvern li jkompli bit-tieni fażi tat-tneħħija tal-ekokontribuzzjoni. Meta jkun il-mument opportun se jsiru l-konsultazzjonijiet mal-istakeholders
Malta u l-Awstrija – MoU dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-impenji bejn Malta u l-Awstrija fuq l-MoU dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli li jipprovdi koperazzjoni fil-qasam ambjentali fl-afforestazzjoni u fl-immaniġġar tal-iskart?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jinsabu għaddejjin tħejjijiet intensivi bejn iż-żewġ gvernijiet sabiex dan l-MOU jiġi ffinalizzat u ffirmat fil-ġejjieni qrib.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li Malta għażlet li ma tikkultivax uċuħ tar-raba’ li jkunu ġenetikament modifikati? X’inhuma l-vantaġġi ta’ dan?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, minħabba ċ-ċokon u d-distanzi żgħar bejn ir-raba’ f’Malta, il-kultivazzjoni ta’ oġġetti ġenetikament modifikati jistgħu jikkontaminaw faċilment kultivazzjonijiet oħrajn. Għaldaqstant, biex Malta tkompli tipproteġi kultivazzjonijiet mill-possibiltà ta’ kontaminazzjoni, għażlet illi tapplika l-‘opt-out clause’ fir-regola tal-UE. Din l-għażla tagħti lok lil Malta biex tirrifjuta applikazzjonijiet biex jiġu kkultivati oġġetti ġenetikament modifikati fir-raba’ Maltin.
Setturi tal-Agrikoltura u tas-Sajd – Transport Schemes
Question
Peress li l-iskema għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, imsejħa Gozo Transport Grant Scheme, ma tipprovdix assistenza lis-setturi tal-Agrikoltura u tas-Sajd f’Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid jekk tingħatax xi għajnuna oħra meta dawn iż-żewġ setturi jiġu biex jieħdu l-prodotti tagħhom lejn Malta? Jekk fin-negattiv, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn iż-żewġ setturi jingħataw xi forma ta’ għajnuna oħra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari din l-istess mistoqsija kien diġà għamilha permezz tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16142 u għalhekk nitolbu jirreferi għat-twegiba li kienet ingħatat.
Jista’ l-Ministru jgħid issa li ġie inawgurat il-Waste Transfer Station tal-Kus fix-Xewkija, għaliex xorta waħda hemm skart li għadu qed jittieħed fil-Qortin fix-Xagħra? Meta hu ppjanat li t-teħid tal-iskart lejn il-Qortin jitwaqqaf għal kollox? X’qed jiġri mill-iskart kollu li qed jidħol ix-Xagħra u li qed jiddaħħal fil-Waste Transfer Station tal-Kus fix-Xewkija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-Wasteserv qed tistenna l-permess jinħareġ. Dan wara proċess estensiv ta’ diskussjonijiet mal-MEPA, sabiex nassiguraw li kollox se jkun skont il-permessi. Għaldaqstant, l-iskart għadu qed jittieħed fil-Qortin fix-Xagħra. Il-proċeduri ta’ kif jiġi mmaniġjat l-iskart hawnhekk ma nbidlux. Il-pjan huwa li appena jinħareġ il-permess, il-kumpanija Wasteserv tibda tilqa’ l-iskart f’dan l-impjant. Dan isir ftit ftit, sakemm wieħed jassigura li kollox qiegħed jaħdem kif suppost.
B’referenza għas-sejħa Service Tender for an Independent Scientific Study on the Influx or Passage of Migratory Common Quail and Turtle Dove in Malta During the 2015 Autumn Season (avviż numru 69/2015) maħruġ fil-5 ta’ Mejju 2015, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-terms of reference għal dan it-tender?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li ‘terms of reference’ li qed jirreferi għalih jinsab ‘online’ fuq is-sit tal-Ministeru - http://environment.gov.mt/en/Document%20Repository/WBRU/MSDEC_TurtleDove-Quail_Autumn2015.pdf
Billi numru sostanzjali ta’ siġar li hemm fl-inħawi ta’ Kennedy Grove, u b’mod partikolari dawk is-siġar li hemm fit-triq li hi magħrufa bħala Triq il-Wileġ/Triq il-Qawra, jidher ċar li qed imutu, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jiġi evitat iktar imwiet ta’ siġar f’dawn l-istess inħawi?
Response (BRINCAT, LEO)
Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant fir-risposti li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 16658 u Nru. 20459 fuq l-istess suġġett, ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li, wara spezzjoni minn uffiċjali tal-Plant Health lura f’Lulju tal-2015, kienu ngħataw struzzjonijiet sabiex is-siġar mejta jew infettati jinqatgħu u jinħarqu. Ġie rakkomandat ukoll li għandu jsir bexx sistematiku kontra l-marda (tip ta’ moffa - Phytophthora).
Tajjeb hawn li wieħed jgħid li minn madwar 180 siġra ta’ din l-ispeċi (Cupressus Leylandii), s’issa kellhom jiġu maqtugħa madwar 30 siġra minħabba li mardu u mietu. Hemm madwar 16-il siġra oħra li huma infettati u qed jiġu mbexxa kif rakkomandat mid-Direttorat tal-
Plant Health
. Filwaqt li nirrikonoxxu li l-klima ta’ Malta, dik Mediterranja, mhix l-aħjar waħda għal dawn it-tip ta’ siġar, qegħdin nieħdu dawk il-miżuri rakkomandati u neċessarji biex, kemm jista’ jkun innaqqsu l-impatt ta’ din il-marda. Aktar minn hekk, qed naraw li f’postijet fejn siġar mejta jkollhom jinqerdu, jiġu mħawla flokhom siġar aktar b’saħħithom u addattati għall-klima tagħna.
Billi l-Ministru għadu kif inawgura xi faċilitajiet f'Kennedy Grove, jista' jassigura li dawn il-faċilitajiet ma jkollhomx perikli għal dawk li jużawhom, għaliex bosta ġenituri qed jilmentaw minħabba numru ta' nuqqasijiet li fihom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-apparat in kwistjoni għandu ċ-ċertifikazzjoni ta’ safety kif meħtieġ, u peress li l-uffiċċju tiegħi ma rċieva l-ebda lment ta’ dan it-tip, jista’ l-Onor. Interpellant jgħidilna eżatt x’inhuma n-nuqqasijiet li dwarhom qed jallega li huwa rċieva l-ilmenti? Min-naħa tiegħi jien lest li nivverifika kull ilment u jekk ikun il-każ isiru l-interventi meħtieġa.
Kennedy Grove u Salina Park – siġar imżejna għall-Milied
Question
Billi fl-area pubblika ta' Kennedy Grove u s-Salina Park hemm numru tajjeb ta' siġar li jistgħu jiġu mżejna, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex is-sena d-dieħla uħud minn dawn is-siġar jiġu mżejna għall-Milied?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-Ministeru ħa nota tas-suġġeriment tiegħek sabiex jiġi kkunsidrat iktar tard din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-proġetti li saru s’issa mill-Wasteserv biex jissaħħaħ l-ambjent u l-effiċjenza fl-immaniġġar tal-iskart? Kemm kien l-investiment totali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-proġetti li saru s’issa mill-Wasteserv biex jissaħħaħ l-ambjent u l-effiċjenza fl-immaniġġar tal-iskart huma:
L-impjant ta’ Sant Antnin
: investiment li jlaħħaq is-somma ta’ €274,326 fuq xogħol ta’ manutenzjoni tal-impjant eżistenti kif ukoll fuq titjib /
improvements
fil-makkinarju u l-impjant biex kemm jista’ jkun tiżdied l-effiċjenza u l-produttività ħalli jkun jista’ jlaħħaq mad-domanda fil-qasam tal-immaniġjar inkluż is-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart.
Magħtab:
Sar investiment ta’ €99,747 primarjament fuq l-impjant tal-gass biex nittrattaw il-gassijiet velenużi li joħorgu mill-miżbla, nikkontrollaw l-irwejjaħ u b’hekk ikollna arja aktar nadifa.
Malta North:
Bil-għan illi jkun ittrattat l-iskart f’konformità mal-miri stabbiliti mill-UE u biex jintlaħqu l-esiġenzi tal-pajjiż għaż-żmien li ġej inbeda l-proġett tal-Malta North b’investiment ta’ €42,920,547 minn Fondi Ewropej u €1,979,958 minn fondi lokali.
Autoclave
: Dan huwa proġett innovattiv għal Malta li l-iskop tiegħu huwa li jittratta skart tal-annimali peress li sal-lum m’għandniex
back-up
għat-trattament tal-iskart magħruf bħala
Animal By Product
skont id-Direttivi tal-Unjoni Ewropea. Dan se jservi biex innaqqsu l-ispiża tal-esportazzjoni ta’ skart perikoluż. L-investiment ilaħħaq is-somma ta’ €12,016,678 minn Fondi Ewropej u €80,412 minn fondi lokali.
Inċineratur
: sar investiment bl-iskop li tiżdied l-effiċjenza tal-inċineratur li jlaħħaq is-somma ta’ €44,963 minn fondi lokali.
Ta’ Qali CA Site
: Ġie inawgurat sit ieħor għal ġbir tal-iskart f’ Ta’ Qali u b’hekk komplejna noffru iktar faċilitajiet f’dan ir-rigward. L-ispiża għal dan il-proġett kienet ta’ €125,161 minn fondi lokali u €2,611,863 minn Fondi Ewropej.
Gozo Transfer Station
: sar investiment ta’ € 8,856,614 minn Fondi Ewropej u €602,668 minn fondi lokali. Dan il-proġett sar biex jintlaħqu l-miri tad-Direttivi tal-UE.
Rijabilitazzjoni tal-Landfills
: L-istadju finali tar-rijabilitazzjoni tal-
closed landfills
f’Malta u Għawdex
cioe’
Magħtab, Wied il-Għajn u Qortin Għawdex. Għal dan il-għan sar investiment ta’ € 477,071 minn Fondi Ewropej.
Barra minn hekk kienu investiti €7,991 bl-iskop li jkun ċentralizzat ix-xogħol tal-WEEE [Waste Electrical & Electronic Equipment] fis-sit ta’ Ħal Far u €500 f’installazzjoni ta’ PV fil-Qortin
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tat-tħaddir tal-komunitajiet? Jista’ jgħid kienx hemm interess għal dan il-proġett?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-proġett ta’ Tħaddir tal-Komunitajiet inbeda fl-2014 bħala proġett pilota f’erba’ lokalitajiet: il-Fgura, l-Imsida, San Pawl il-Baħar u Victoria f’Għawdex. Il-proġett intlaqa’ tajjeb ħafna kemm mill-Kunsilli nfushom u anke mill-komunitajiet ta’ dawn il-Kunsilli.
Tant intlaqa’ tajjeb dan il-proġett, li kien reġa’ ġie varat matul l-2015, din id-darba f’ħames lokalitajiet oħra: Birkirkara, il-Mosta, Ta’ Xbiex, Raħal Ġdid u Xagħra f’Għawdex. Il-lokalitajiet f’Malta lestew il-proġett u x-Xagħra f’Għawdex ser jiġi implimentat fil-ġimgħat li ġejjin.
Għall-2016 ukoll reġa’ ġie mniedi dan il-proġett f’sitt lokalitajiet: Attard, Bormla, Birżebbuġa, San Ġwann, Santa Venera f’Malta u x-Xewkija f’Għawdex. Bħalissa qed jiġu evalwati il-
proposals
tal-Kunsilli Lokali mill-Ministeru.
Id-Dipartiment tal-PARKS fi ħdan il-Ministeru jieħu ħsieb li jissorvelja dan il-proġett u s’issa nistgħu ngħidu li l-Kunsilli baqgħu jieħdu ħsieb dawn is-siġar/pjanti ġodda li kienu ġew mixtrija permezz ta’ dan il-proġett, billi nkludew il-manteniment tagħhom f’xi ftehim li diġa’ kellhom mal-kuntrattur għaż-żamma ta’ żoni mħawla fil-konfini tal-Kunsilli rispettivi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu x-xogħlijiet li saru fil-proġett ta’ tisbiħ f’Kennedy Grove? Kemm kien l-investiment li sar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li x-xogħlijiet ta’ tisbiħ fil-Kennedy Grove jinkludu, xogħlijiet fuq il-passaġġi tal-konkrit, xogħlijiet ta’ stallazzjonijiet ta’ arbli u bollards tad-dawl, xiri u stallazzjoni tal-apparat tal-logħob għat-tfal u xiri u stallazzjoni ta’ apparat tal-gym għall-adulti.
Biex jikkomplimenta dan l-apparat ġdid, ġie installat ukoll tapit tal-gomma.
Sabiex is-sit ikun jista’ joffri aktar faċilitajiet għar-rikreazzjoni, ġew installati wkoll numru ta’
picnic tables
u bankijiet. Tajjeb wieħed isemmi li l-apparat kollu li ġie mpoġġi huwa inklussiv u maħsub għal diversi abbiltajiet. Huwa maħsub li matul l-2016 se jsir aktar tisbiħ fin-naħa ta’ fuq tal-
Park
tas-Salina fejn hu ppjanat li jiġi installat apparat ġdid tal-logħob, fost oħrajn.
Huwa maħsub li sakemm jitlesta l-proġett kollu is-somma allokata għall dan il-proġett se tintefaq kollha.
Jista’ l-Ministru jgħid fid-dawl li kien hemm atti vandali waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet fuq it-tisbiħ u l-estensjoni ta’ Kennedy Grove, x’passi ħa l-Gvern biex dan ma jerġax isir u kemm-il camera hemm installata?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li ġew installati sitt Cameras CCTV fuq is-sit ta’ Kennedy Grove fejn għadu kif ġie inawgurat proġett ta’ tisbiħ għat-tgawdija tal-pubbliku inġenerali, speċjalment għat-tfal. Ġiet ukoll imsaħħa l-għassa mill-uffiċjali tas-sigurtà lejl u nhar u ġie ppubblikat tender sabiex jiġi installat mobile office fuq is-sit għall-bżonnijiet ta’ dawn l-uffiċjali.
Jista’ l-Ministru jispjega x’inhuma l-prospetti tal-ekonomija ċirkulari għall-pajjiżna? X’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għal dan?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea ppubblikat proposta fuq l-ekonomija ċirkulari f’Novembru tal-2015 fejn tinkludi ħames proposti leġiżlattivi fuq l-iskart. Dawn il-proposti leġiżlattivi jinkludu miri fuq l-iskart għal-perjodu sal-2030.
Il-Gvern għadu qed janalizza dawn il-proposti biex jkun jista’ jifformula l-pożizzjoni ta’ Malta f’ambitu tad-diskussjonijiet mistennija fix-xhur li ġejjin fuq l-ekonomija ċirkulari. Sadanittant Malta qiegħda taħdem bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Immaniġġjar tal-Iskart sabiex nilħqu l-miri tal-iskart tal-2020 skont id-direttivi rispettivi tal-iskart.
F’taħdidiet li kelli mad-Diretturi Ġenerali tal-Ambjent u tal-Klima tal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma’ uffiċjali oħrajn tal-Gvern fosthom is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tiegħi, f’Brussell, ħareġ ċar illi għandha tingħata prijorità dejjem akbar lill-ekonomija ċirkulari, kemm minħabba l-importanza strateġika ekonomika u ambjentali tagħha kif ukoll billi hemm indikazzjoni qawwija li tista’ tkun fuq quddiem nett tal-aġenda ambjentali tal-Presidenza Maltija 2017. Dan id-‘dossier’ qed jiġi mifli u segwit b-attenzjoni kbira internament min-naħa tal-Ministeru tiegħi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-eNGOs se jkun irrappreżentati fuq il-Bord tal-Azzjoni fuq il-Klima? Jekk iva, x’se jkun l-irwol tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa minnu li bħala Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima jien tlabt lill-eNGOs sabiex jaħtru rrappreżentanti fuq il-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima. Ir-rwol huwa simili għal dak ta’ membri oħra fil-bord u huwa stipulat f’Artiklu 11 tal-Att Fuq Azzjoni Dwar Il-Klima (KAP. 543) u kif huwa mitlub minn kull membru tal-bord. Iżda hawnhekk irrid nirreferi għad-deċiżjoni ta’ wħud mill-għaqdiet ambjentali li ma jwieġbux għall-istedina li jkunu rappreżentanti fuq dan il-Bord. Filwaqt li l-Gvern jemmen li din hi opportunità unika biex l-għaqdiet ambjentali jgħassu l-isforzi ta’ pajjiżna u joffru suġġerimenti prattiċi lill-Gvern fit-twettiq tal-politika tiegħu dwar il-klima, il-Gvern jibqa’ miftuħ bħal dejjem għall-diskussjonijiet mal-istakeholders kollha. L-istess għamel u se jkompli jagħmel dwar l-istedina għall-parteċipazzjoni tagħhom fuq il-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima.
Konvenzjoni ta’ Rotterdam – kummerċ internazzjonali ta’ kimiċi perikolużi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Gvern jirratifika formalment il-konvenzjoni ta’ Rotterdam fuq kummerċ internazzjonali ta’ kimiċi perikolużi?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid xi tħejjijiet saru u qed ikomplu jsiru fl-oqsma li jaqgħu taħtu fuq livell ta’ Trio dwar il-Presidenza ta’ Malta tal-UE 2017?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi b’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 18743, ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li f’Ottubru li għadda, delegazzjoni minn Malta, attendiet Trio level meeting f’livell ta’ Direttur Ġenerali f’The Hague. F’dan il-meeting komplew id-diskussjonijiet fuq prijoritajiet fl-ambitu tal-ambjent kif ukoll fuq koperazzjoni bejn it-tliet membri stati. Fuq dan tal-aħħar, id-diskussjonijiet kienu ffukati fuq il-laqgħat li jsiru f’ambitu internazzjonali u fejn il-Presidenzi rispettivi jridu jikkordinaw l-pożizzjoni tal-UE kemm fi Brussell kif ukoll waqt il-laqgħat internazzjonali.
L-Olanda għamlet rikjesta lil Malta biex tikkordina l-pożizzjoni tal-UE għall-COP19 tal-
Barcelona Convention
fi Frar tal-2016. Għalkemm il-Ministeru għandu riżorsi limitati ħafna f’dan il-qasam, ħadem bi sħiħ sabiex għaqqad tim ta’ uffiċjali biex Malta tkun tista’ tagħmel dan ir-rwol important fil-Greċja fi Frar li ġej bi spirtu ta’ koperazzjoni mal-Olanda.
Bormla, Birkirkara, Ħal Għaxaq, l-Imdina u Ta’ Xbiex – proġett pilota – tielet borża organika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultat ħalla l-proġett pilota tat-tielet borża organika tal-iskart fuq il-lokalitajiet ta’ Bormla, Birkirkara, Ħal Għaxaq, l-Imdina u Ta’ Xbiex? X’inhu l-pass li jmiss?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li r-riżultati s’issa fir-rigward tal-proġett pilota tat-tielet borża organika tal-iskart fil-lokalitajiet ta’ Bormla, Birkirkara, Ħal Għaxaq, l-Imdina u Ta’ Xbiex kienu pożittivi u r-rata ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku hi waħda inkoraġġanti ħafna mhux biss f'termini tal-ammonti miġbura iżda wkoll fil-kwalità tal-iskart miġbur li kien ukoll ta’ kwalità tajba.
Il-kwantitajiet ta' skart organiku miġbura s'issa għal kull lokalità huma kif ġej:
Lokalità
Piż (kg)
Birkirkara
135,140
Bormla
20,780
Għaxaq
27,300
Mdina
2,240
Ta’ Xbiex
10,400
Total
195,860
Fid-29 ta' Jannar 2016, il-proġett se jidħol fit-tieni fażi tiegħu. Flimkien ma’ dawk il-lokalitajiet li diġà qed jipparteċipaw, erba’ lokalitajiet ġodda se jibdew ukoll jipparteċipaw fil-proġett. Dawn il-lokalitajiet ġodda huma Marsaxlokk, Ħal Kirkop, l-Imġarr u s-Swieqi. Fit-tieni fażi, li se ddum tliet xhur, l-iskart organiku se jinġabar kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — nefqa fuq reklamar u informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 21343 u jgħid x'kienet in-nefqa fuq kampanji ta' reklamar u informazzjoni mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b'sena mill-2013 'l hawn, entità b'entità u dipartiment b'dipartiment?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.