Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Monte Carmeli — Podiatrists

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm podiatrists li qed jagħtu servizz fi ħdan l-Isptar Monte Carmeli? F’liema dipartimenti qegħdin u x’servizz qed jagħtu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm zewg podiatrists li qed jagħtu servizz fi ħdan l-Isptar Monte Carmeli. Dawn jagħtu servizz tal-podiatrija lill-pazjenti kollha gewwa l-Isptar, kemm dawk bi problem ta’ sahha mentali kif ukoll dawk anzjani.

San Ġwann — Triq San Ġiljan – ħofra mikxufa

Question

Hux konxju l-Ministru li fi Triq San Ġiljan San Ġwann, triq li hija l-aktar użata mill-ambulanzi fi triqthom lejn l-isptar, sad-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari, hemm ħofra ta' madwar tliet metri fond bi ftit li xejn indikazzjonijiet u barrikati tas-sigurtà madwarha bil-konsegwenza li din qed tkun ta' periklu kbir kemm għall-ambulanzi kif ukoll għat-traffiku kollu li jgħaddi minn din it-triq?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li fi żmien meta tressqet din il-mistoqsija, ċioe’ fit-18 ta’ Settembru, it-trinka kienet qed tingħalaq bil-barriers li għandhom il-flashers magħhom ukoll. F’dak iż-żmien Triq San Ġiljan kienet magħluqa għat-traffiku u l-ambulanzi kienu wkoll avżati biex jgħaddu minn toroq oħra.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – impjegati mill-1998 sa 2013

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bejn Settembru 1998 u Marzu 2013 kemm kien hemm persuni li f’xi żmien qabel ma ġew ingaġġati fis-Segretarjat Privat tal-Ministru ta’ dak iż-żmien, fl-uffiċini tas-Segretarji Parlamentari li kienu jaqgħu taħt l-istess Ministeru jew f’kull dipartiment, entità, fondazzjoni, awtorità, korporazzjoni, aġenzija, kummissjoni, kumpanija, istitut li jaqa’ taħt il-Ministeru, kienu jaħdmu ma’ xi waħda mill-entitajiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Jista’ jagħti lista ta’ min kienu dawn il-persuni kif ukoll il-pakkett finanzjarju sħiħ ta’ kull wieħed u waħda minnhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nagħmel referenza għall-prassi li kienet użata f’leġiżlaturi preċedenti u ngħarraf lill-Onor. Interpellant li informazzjoni ta’ natura personali kif mitluba minnu, tingħata biss bil-kunsens tal-individwi kkonċernati.

Operazzjonijiet tal-kataretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar kemm għamel operazzjonijiet tal-kataretti l-individwu li d-dettajli dwaru qed jingħataw separatament fil-perjodi kif gej: (a) Qabel l-2007 fl-Isptar San Luqa; (b) Bejn l-2008 u l-2012 fl-Isptar Mater Dei; u (c) Mill-2013 sal-2015 fl-Isptar Mater Dei?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tabella t’hawn taħt turi t-total ta’ operazzjonijiet tal-kataretti magħmula mill-professjonisti kollha f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar 10 snin, fl-Isptar San Luqa u mill-2008 l-hawn fl-Isptar Mater Dei. Year 2005 2006 2007 2008 2009 2010 2011 2012 2013 2014 2015 Total 1102 1094 1189 1223 1716 2365 2438 2564 2113 3651 2922* *up to Sep 2015

Settur tas-Saħħa – kontroll

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 17550, 17555, 19070, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat il-ftehim mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bħala l-preferred bidder għall-privatizzazzjoni tal-Isptarijiet t’Għawdex, San Luqa u Karen Grech? Meta se jpoġġi dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19023.

Triq Birkirkara– trinka miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li x-xogħlijiet li saru fit-trinka li nfetħet fi Triq Birkirkara bejn Triq in-Naxxar u Triq Tas-Sliema, humiex mistennija jerġgħu jsiru fil-ġimgħat li ġejjin mid-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari? Jekk se jsir intervent f'din il-parti tat-triq fejn ix-xogħol jidher li hu diġà magħluq, għalfejn se jerġa jsir intervent ieħor?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li fid-data li ġiet imressqa din il-mistoqsija, cioe’ fit-18 ta’ Settembru, kien diġà ġie stallat trunk main kbir tal-ilma tul Triq Birkirkara kollha. Ix-xogħol fuq il-main tad-distribuzzjoni tal-ilma huwa parti minn tender maħruġ minn Transport Malta li jkopri ukoll xogħlijiet oħra.

Triq San Ġiljan bejn Triq Tas-Sliema u Mater Dei — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hi mistennija li titlesta Triq San Ġiljan bejn Triq Tas-Sliema u Mater Dei mid-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentri 18987 (tmintax-il elf, disa’ mija, sebgħa u tmenin).

San Ġwann — devjazzjonijiet perikolużi

Question

Jaħsibx il-Ministru li d-devjazzjonijiet li qed isiru fi Triq Birkirkara, Triq San Ġiljan u Triq San Ġwann tal-Għargħar f'San Ġwann, permezz ta’ sinjali, barrikati u s-suppost miżuri tas-sigurtà li qed jittieħdu f'dawn is-siti tax-xogħlijiet sad-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari, humiex fil-fatt iwasslu għall-aktar perikli milli jservu bħala miżura tas-sigurtà?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li d-devjazzjonijiet li saru u qed isiru fi Triq Birkirkara u Triq San Ġwann tal-Għargħar huma għal ‘full road closure’. Ix-xogħlijiet li qed isiru fi Triq San Ġiljan qegħdin jitwettqu bit-triq magħluqa għaliex ix-xogħol u l-wisgħa tat-triq ma jippermettux li jgħaddu karozzi. Għalhekk m’hemm l-ebda żieda ta’ periklu għas-sewwieqa minħabba dawn ix-xogħlijiet. Anzi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tieħu l-prekawzjonijiet kollha biex jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tan-nies.

San Ġwann — devjazzjonijet

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk il-Ministeru tiegħu jew il-Korporazzjoni responsabbli għamlitx interventi mal-kuntrattur sabiex jirregola d-devjazzjonijiet permezz ta’sinjali u miżuri oħra ta’ sigurtà li l-kuntrattur suppost qed jagħmel f’siti f’Triq Birkirkara, Triq San Ġiljan u Triq San Ġwann tal-Għargħar sad-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li s-sinjali ta’ devjazzjoni fuq dawn ix-xogħlijiet huma skont kif mitlub minn Transport Malta. Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika x’tip ta’ interventi qed tirreferi għalihom.

San Ġwann — xogħlijiet estiżi

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk ix-xogħol fi Triq Birkirkara, Triq San Ġiljan u Triq San Ġwann tal-Għargħar f'San Ġwann, hux mistenni li jkun estiż u jkompli f'toroq oħra f'San Ġwann sad-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista' l-Ministru jindika liema huma dawn it-toroq u meta hu mistenni li jintemm ix-xogħol kollu b'mod komplessiv f'din iż-żona ta' San Ġwann?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-proġett li għaddej bħalissa fl-imsemmijin toroq huwa wieħed kbir, parti minnu ffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett irid jgħaddi wkoll minn Triq San Ġwann tal-Għorgħar għal Triq tal-Mensija, jibqa’ sejjer sa Triq il-Pelikan u jieqaf fil-crossroads ma’ Triq il-Pluviera. Minn Triq San Ġiljan se jgħaddi minn ħdejn iż-żona industrijali għal ġol by-pass ta’ B’Kara (Triq Dun Karm).

San Ġwann — xogħlijiet li qed joħolqu inkonvenjent

Question

Bħala Ministru tas-Saħħa jħossx li dawn ix-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Birkirkara, Triq San Ġiljan u Triq San Ġwann tal-Għargħar f'San Ġwann, humiex qed joħolqu inkonvenjent bla bżonn u periklu żejjed mhux biss għas-sewwieqa li jużaw dawn it-toroq u r-residenti taż-żona, iżda fuq kollox għall-ambulanzi li jużaw dawn it-toroq b'mod regolari peress li dawn it-toroq jagħtu għall-entratura tal-ambulanzi fl-isptar Mater Dei?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed isir kull sforz biex dan ix-xogħol jitlesta fl-iqsar żmien possibli, u qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex titħares is-sigurtà tas-sewwieqa.

Bathing Water Sites Classification Report – baħar tax-Xlendi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn ġimgħa wara l-oħra, il-Bathing Water Sites Classification Report tal-2015 komplew juru kwalità baxxa (poor) tal-baħar fix-Xlendi, Għawdex? Jaf x’qed jikkawża dan it-tniġġiż fil-baħar tax-Xlendi? Jekk iva, x’qed jagħmel biex isolvi din il-problema?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif stabbilit fir-Regolamenti tal-2008 dwar il-Maniġġar tal-Kwalità tal-Ilma tajjeb għall-għawm, din il-klassifikazzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni perċentwali ta’ log10 tal-funzjoni tad-densità tal-probabbilità normali ta’ data mikrobioloġika li tinħadem fuq it-total ta’ kampjuni li jkunu ttieħdu matul l-istaġun uffiċċjali tal-għawm li fih 23 gimgħa u mhux fuq kampjuni individwali. Din il-klassifika ta’ batut hija kkaġunata minn riżultat għoli ħafna ta’ mikrobi li kien inġabar mill-bajja indikata bejn is-17 u it-22 t’ Awwissu. Fil-gimgħat ta’ wara l-iżbroff il-parametri mikrobioloġiċi dejjem kienu f’livelli aċċettabli u bħala tajbin għall-għawm.

Sptar Monte Carmeli – compulsory emergency admissions

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena minn Jannar 2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm-il pazjent iddaħħal fl-Isptar Monte Carmeli permezz tal-compulsory emergency admissions u kemm minn dawn il-pazjenti tpoġġew taħt observation order fi żmien 24 siegħa minn meta ddaħħlu l-Isptar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2013 kien hemm 410 Admissions on Emergency Order. Fis-sena 2014, bejn Jannar u Ottubru, sakemm daħlet fis-seħħ il-Liġi l-ġdida tas-Saħħa Mentali, kien hemm 360 Admissions on Emergency Order, filwaqt li minn Ottubru tal-istess sena sal-aħħar tas-sena 2014 kellna 30 Admissions taħt Observation Order. Mill-bidu tas-sena 2015 sa nofs Ottubru 2015 kien hemm 348 pazjent li kollha tpoġġew taħt Observation Order fi zmien 24 siegha.

Sptar Monte Carmeli – mental welfare officers – social workers

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li s-social workers li jaħdmu bħala mental welfare officers fl-Isptar Monte Carmeli jaħdmu mit-8:00am sa kmieni wara nofsinhar? Jista’ jgħid kemm huwa n-numru ta’ infermiera li jaħdmu bħala mental welfare officer wara nofsinhar, filgħaxija u bil-lejl? Kemm minn dawn l-infermiera huma Departmental Nursing Officer?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar.

National Strategy for Mental Health – verżjoni aġġornata

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-verżjoni aġġornata tan-National Strategy for Mental Health? Jista’ jgħid meta kienet l-aħħar darba li sar aġġornament ta’ din l-istrateġija?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istrateġija tas-Saħħa Mentali ghal dawn l-ahhar sentejn iffukat fuq l-implimentazzjoni tal-ligi l-gdida tas-Sahha Mentali ta’ 2012. Sar tibdil fl-operat tas-servizzi tas- Sahha Mentali biex din il-ligi tigi mplementata u jitharsu d-drittijiet tal-persuni li uzaw dan is-servizz. L-iskedi kollha ta’ din il-ligi issa gew intrdotti bl-emfasi dejjem jibqa fuq kura ta’ livell oghli moghtija minn tim multidixxiplinarju b’ careplan ghal kull pazjent li jidhol gewwa l-isptar. Gew ntrodotti l-Ordni ta’ Kura fil-Komunita, kif ukoll zdiedu l-postijiet ta’ sheltered accommodation permezz tal-ftuh ta’ hostel ohra. Sar titjib fil-kura tat-tfal u adolloxenti, fejn nfetah Youth Residence ghal dawk li ghandhom bzon jircievu kura gewwa l-isptar Monte Carmeli. Se jitwaqqaf Board tad-Diretturi ghas- Servizzi tas-Sahha Mentali li ser ikollu r-responsabilita li jaghti pariri dwar l-istrategija u l-ghanijiet ghas-servizzi tas-Sahha Mentali ghas snin li gejjin.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa — bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid jekk il-membri, inklużi ċ-Chairperson u s-Segretarju ta' dawn il-bordijiet jieħdux xi remunerazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hi r-remunerazzjoni, li kull sena jirċievi ċ-Chairperson, is-segretarju u kull membru, separatament, ta' kull bord?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa — reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklamar fl-entita’ li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament minn 2008 sal-lum sena b’sena u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Enemalta – kuntratt ta’ ex-Spettur tal-Pulizija

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19591, jista' l-Ministru jgħid jekk l-ex Spettur li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament ingħatax somma flus - talli temm il-kuntratt li kellu mal-Enemalta? Jista' jgħid x'hemm "kummerċjalment sensittiv" f'kuntratt?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19591 (dsatax-il elf, ħames mija, wieħed u disgħin).

Sptar Mater Dei – floor area

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20054 u jgħid x’inhi l-floor area (gross and net) tal-wing il-ġdida tal-Isptar Mater Dei? Kemm kienet l-ispiża totali ta’ dan il-wing maqsuma fi struttura, finishes u servizzi? X’sistema ta’ procurement se tintuża sabiex iż-żewġ sulari l-oħra jinbnew fuq dan il-wing? Min hu l-perit jew min huma l-periti mqabbda fuq dan il-proġett taż-żieda taż-żewġ sulari fuq l-estensjoni l-ġdida?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjan ghal aktar espansjoni fl-Isptar Mater Dei ghadu qed jigi diskuss mal-istake holders ikkoncernati.

Konsorzju Electrogas — ħlasijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15700, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ElectroGas ħalsitx skont l-iskeda stabbilità? F’liema data sar kull pagament u ta’ kemm kien kull pagament? Kemm għad fadal pagamenti x’jingħataw?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15700 (ħmistax-il elf u seba’ mija).