Legislature:
Category:
Reset
Active:

Prodotti ta' l-ikel — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm kien is-sussidju fuq il-prodotti ta' l-ikel, ġwież, qmuħ, zokkor, eċċ. matul l-2004, l-2005 u l-2006 separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Spinola — Xatt ta' San Ġiljan

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21472 u jgħid jekk fil-mod kif qed jiġi wżat l-ispazju fix-xatt ta' San Ġiljan, Spinola hux qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li jibqa' post biżżejjed fejn is-sajjieda liċenzjati jkollhom fejn itellgħu u jżommu d-dgħajjes tagħhom fuq l-art?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jifhem li l-ispazju fuq l-iskall u ż-żona ta' madwar mhuwiex kbir biżżejjed biex jakkomoda l-bċejjeċ tal-baħar kollha biex dawn ikunu ipparkjati għax-xitwa kollha u għalhekk jekk isir dan u jkun hemm bżonn li bastiment tas-sajd jinġibed għall-manutenzjoni ta' kull sena, il-winch attendant imqabbad fuq dan l-iskall normalment jorganizza s-sitwazzjoni biex jinqeda kulħadd.

Birkirkara — Ċimiterju

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21613 u jgħid: Wara li r-Riverendissimu Kapitlu tal-Kolleġġjata ta' Birkirkara flimkien mal-Ven. Soċjeta' Don Filippu Borgio kienu għamlu talba biex f'Birkirkara jinbena ċimiterju, jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni? Jekk hi aċċettata, x'inhu d-dewmien biex jinħareġ il-permess? Jekk hi fin-negattiv, x'inhuma l-problemi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni kienet ġiet rifjutata fost affarijiet oħrajn minħabba li d-Dipartiment tas-Sanità ma jippermettix dan għaliex li ma kienx hemm id-distanza regolamentari mir-residenzi, skond il-Kodiċi tal-Pulizija. L-istess appellanti, fl-appell baqgħu kull darba jitolbu diferimenti minħabba li kienu qed jinfurmaw lill-Bord ta’ l-Appell dwar l-Ippjanar li kienu qegħdin f’diskussjonijiet mal-General Services Board tad-Dipartiment tas-Sanità u kienu qed jipproponu bidliet fil-pjanti biex jippruvaw jikkonformaw mal-Kodiċi tal-Pulizija. L-istess appellanti ilhom jiddiferixxu l-istess appell mill-bidunett u fl-aħħar seduta, li kienet fil-25 ta’ Ottubru 2006, ħadd mill-appellanti jew konsulenti tagħhom ma deher.

MEPA — Bini ta' Ħajt

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21473 u 21477 issa li għandu annessa s-site plan mitluba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 21473, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bini ta’ ħajt tal-madwar primarjament jaqa' taħt il-provedimenti ta' l-Avviż Legali 126 ta' 2001 dwar in-Notifikazzjoniiet Dwar Żvilupp. Dan it-tip ta’ żvilupp jista’ jkun permess mingħajr ħtieġa ta' notifikazzjoni però irid jissodisfa diversi kriterji elenkati fi Klassi 2 ta' din l-Ordni. Għaldaqstant huwa rakkomandat li wieħed għandu jikkonsulta mal-perit tiegħu fuq dan it-tip ta’ xogħol. Jidher li fuq is-sit in kwestjoni kienu inħarġu żewġ Enforcement Notices , ECF 332/98 u ECF 111/94. Dan ta’ l-aħħar kien jirrigwarda boundary wall li nbena mingħajr permessi. Saret applikazzjoni biex ikun sanzjonat l-iżvilupp li ġiet miċħuda, il-ħajt tneħħa mis-sidien stess u l-każ ingħalaq. ECF 332/98 kienet inħarġet ukoll fuq boundary wall mingħajr permess. Din kienet ġiet appellata -PAB 426/98E- u l-bord ta’ l-appelli ordna li l-każ għandu jiġi rtirat min-naħa ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Sptar San Luqa — Inċineratur

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21442 u 21610 u jikkonferma jekk jeżistux rekords uffiċjali jew estimi ta' l-ammonti ta' particulate matter jew fly ash li jiġu emessi fl-arja mill-inċineratur ta' l-isptar San Luqa? Jekk iva, jista' jipprovdi din l-informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) bħallissa qegħda fil-proċess li twaqqaf network ta’ stazzjonijiet għall-monitoraġġ ta’ l-arja madwar Malta u Għawdex, inkluża l-emissjoni ta’ particulate matter jew fly ash emess mill-inċineratur ta’ l-Isptar San Luqa. Fil-fatt digà twaqqaf wieħed minn dawn l-istazzjonijiet fl-Imsida. Dan sejjer ikun qiegħed jiġbor informazzjoni dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-inħawi u jkejjel ukoll l-ammont ta’ particulate matter fl-arja, li jinkludi wkoll dik il-frazzjoni ta’ particulate matter li tkun ġejja mit-traffiku fl-inħawi.

Mosta — Permessi tal-bini

Question

Jista' il-Ministru jara għaliex saret diskriminazzjoni fil-ħruġ tal-permessi tal-bini meta fil-każ ta' persuni mill-Mosta li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament biex jibnu terran u żewġ flats tal-plot tagħhom li jaqa' taħt il-BDS scheme - dettalji wkoll qed jintbagħtu separatament - liema permess inħareġ subject to clearance from the Housing Authority ma saritx l-istess kondizzjoini għall-Plot Numru 4 fl-istess triq? Ma jaħsibx il-Ministru li din id-diskriminazzjoni għandha tiġi investigata fiċ-ċirkostanzi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jinnota li fil-permess għall-applikazzjoni għall-izvilupp PA 997/04, li nħareġ fit-18 ta' Mejju 2004, ma saret ebda kundizzjoni min-naħa ta’ l- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) subject to clearance from Housing Authority. Jidher li dawn it-tip ta’ kundizzjonijiet isiru normalment mill-Awtorità tad-Djar innifisha.

Ta' Paris — Żbir ta' Siġra

Question

Jista' il-Ministru jara li tinżabar/titneħħa siġra li hemm f'Ta' Paris wara block C1 u quddiem il-MUSEUM tat-tfal? Jaf li din is-siġra qed tkun ta' inkonvenjent enormi għar-residenti li qed ibatu minn invażjoni ta' nemus u wirdien?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li is-siġra msemmija taqà f'żona li hija responsabilita' tal-kunsill lokali ta' B'Kara u għalhekk għandha tiġi riferuta lill-Ministru responsabli mill-Kunsilli Lokali.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2006? X'kienet ir-raġuni ta' kull safra, minn min kienet komposta u x'kienet l-ispiża ta' kull safra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Karozzi Mikrijin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm karozzi mikrija fid-dekasteru tiegħu, fejn qegħdin, kemm swew is-sena l-oħra u kemm kien il-fuel bill tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Kumpanniji ta' reklamar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'kumpanniji ta' reklamar mill-ministeru u dipartimenti tiegħu matul is-sena 2006? Jista' jgħid liema kienu l-aġenziji ta' reklamar li ġew użati u l-ispiża nvoluta f'kull każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2006 intefqu Lm5,909.76 f’kumpanniji ta’ reklamar mill-Ministeru u d-Dipartimenti tiegħu. L-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella anessa.

Qtugħ ta' siġar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-qtugħ ta' siġar protetti din is-sena? X'tip kienu u kemm ġew approvati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena kien hemm erbgħin (40) applikazzjoni biex jinqalgħu xi siġar li kienu mħarsa bil-ligi. Dawn ġew ipproċessati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), skond il-provedimenti ta’ l-Avviż Legali 12 ta’ l-2001. Minn dawn, inħareġ disgħa u għoxrin (29) permess biex jinqalgħu dawn is-siġar minħabba li kienu mħawlin ferm viċin il-bini u kienu qed jagħmlu ħsara strutturali. Is-siġar l-aktar li kienu mitluba biex jinqalgħu kienu s-Siġra taż-Żnuber (Pinus halepensis) u dik taċ-Ċipress (Cupressus sempervirerns). Tajjeb jingħad li għal kull siġra li tinqala’ hemm l-obbligu li jitħawwel għadd ta’ siġar oħra skond kif regolat minn Guidelines on Trees, Shrubs and Plants for Planting and Landscaping in the Maltese Islands li huwa aċċessibli ukoll mis-sit elettroniku ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Minbarra hekk, kien hemm ukoll tnejn u erbgħin (42) applikazzjoni għall-qlugħ ta’ siġar b’konnessjoni ma’ applikazzjonijiet ta’ l-iżvilupp. Is-siġar kienu: lewż – 2; żebbuġ – 64; ċipress – 35; deru – 15; bruk – 20; ħarrub – 13; żnuber – 56; palm – 13; rand – 51; rummien – 23; ġummar – 40; tin – 9; tut – 1; riħan – 3. Ta’ min jgħid li f’kull każ, il-permessi biex jinqalgħu s-siġar imħarsa bil-ligi jinħargu biss wara li tinkiseb l-awtorizazzjoni bil-quddiem mingħand id-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura, dejjem skond l-Avviz Legali fuq imsemmi, jiġifieri A.L. 12 ta’ l-2001.

Range tal-Bidnija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-range tal-Bidnija hijiex konformi mar-regolamenti għall-persuni bi bżonnijiet speċjali u jekk le x'se jsir biex tiġi konformi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-range ta’ l-isparar fil-Bidnija bdiet topera fl-1977 b’liċenzja tal-pulizija u għaldaqstant dak iż-żmien ma kinux fis-seħħ il-linji gwida dwar aċċess għal kulħadd.

MEPA — Code of Practice

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA għandhiex code of practice għat-tħaddim tal-barrieri? Jekk fl-affermattiv, tista' titpoġġa kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha Kodiċi tà Prattika (Code of Practice) għall-barrieri u dan jifforma parti mill-Pjan għall-Ġebla Maltija (Minerals Subject Plan) li kien ġie approvat mill-istess Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fi Frar tat-2002. Qed inpoġġi kopja tà estratt tà dan id-dokument (f’forma ta’ CD) fuq il-mejda tal-Kamra.

Biċċerija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fil-biċċerija biex tiġi modernizzata u aġġornata għal-livel Ewropew matul l-2003, 2004, 2005 u sa Settembvru 2006?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Kaċċaturi/Nassaba

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew dikjarati li nqabdu u/jew inqatlu għasafar fid-dikjarazzjonijiet li għamlu l-kaċċaturi u nassaba s-sena l-oħra? X'tip ta' għasafar kienu? Jista' jgħid u/jew jagħti breakdown ta' kemm inqabdu għasafar minn kull kaċċatur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba mill- Onorevoli Interpellant qegħda bħalissa tiġi kompjuterriżżata. Għalkemm il-process wasal biex jintemm, għad fadal xi ftit verifikazzjoni qabel ma jista’ jitqies komplut.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Hospitality

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus bħala hospitality mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 maqsuma skond dipartimenti jew enti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta għal din il-mistoqsija tingħata f’seduta oħra.

Tas-Sliema — Artificial reef

Question

Jista' il-Minsitru jgħid x'sar mill-proġett tal-MEPA għal bini ta' artificial reef 'il barra mill-Exiles, f'Tas-Sliema?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-'artificial reef' tqiegħdet f'postha, fl-Ottubru 2004 u bħalissa għaddejjin ir-riċerki xjentifiċi fuqha, li juru li ir-reef qiegħda tiġi kkolonizzata min ħlejjaq differenti, bir-rizultat illi hemm żieda tà biodiversita fl-inħawi tar-reef.

Bring-in Sites

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'liema mod ġew identifikati s-siti fil-komunitajiet biex isiru l-bring-in sites? X'tip ta' konsultazzjoni saret mar-residenti, eċċ. konċernati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-WasteServ Malta Ltd talbet lill-Kunsilli Lokali jidentifikaw siti fejn jistgħu jiġu introdotti l-Bring-In Sites. WasteServ Malta Ltd ippreparat fuljett bħala gwida biex tassisti lill-kunsiili Lokali jidentifikaw is-siti skond l-Avviz Legali 152 ta` 2004. Dan sar minħabba li l-membri tal-Kunsill Lokali huma qrib ir-residenti tagħhom u jafu s-sitwazzjoni u l-problemi tal-lokalita` partikolari. Wara li l-Kunsill jidentifika s-siti, dan jipproponihom lill-WasteServ Malta Ltd. Rappreżentant mill-WasteServ Malta Ltd iżur kull sit identifikat fejn wara tintefa applikazzjoni għand il-MEPA biex tiġi installata l-bring-in site. Fejn ir-rappreżentant tal-WasteServ iħoss li s-sit mhux adattat, jipproponi sit aħjar fil-viċinanzi. Kull sit li titpoġġa, ssir bil-permess tal-MEPA, l-ADT u finalment tal-Kunsill Lokali. Huwa kompitu tal-kunsilli lokali li jaraw li kull decizjoni li tittiehed tkun fl-aqwa interess tal-lokalita` taghhom.