Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 980 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe', jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx CSA's nieqsa fid-dipartiment? Jekk iva, kemm hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Anzjani il-lum għandu 440 Assistenti Soċjali Każwali li qed jagħtu servizz fil-'Home Help' u f'postijiet oħra. Sabiex tiġi sodisfatta il-ħtieġa preżenti, idejalment in-numru ta' Assistenti Soċjali Każwali għandu jkun ta' madwar 450.
1.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każi ta' tfal li ġew abbużati sesswalment u bħalissa qed jiġu mgħejjuna mill-aġenzija tal-SWDP?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn 1326 każ ta' abbuż fuq it-tfal li ġew riferuti matul dawn l-aħħar 50 xahar lit-Taqsima Ħarsien tat-Tfal tal-Programm Ħidma Soċjali (SWDP), dsatax (19) fil-mija kienu każijiet li kienu jinvolvu abbuż sesswali.
Minn dawn, 78 każ huma kurrenti u bħalissa l-Aġenzija qed taħdem attivament fuq 43 każ. Hemm numru ta' każijiet li ġew riferuti lill-entitajiet oħrajn.
1.12.98
Jista' l-Ministru jgħid liema servizz se jingħata ż-żagħżugħ b'diżabilita', li ismu qed jintbagħat separatament, li qed jistenna li jidħol fiċ-Ċentru ta' l-Imtarfa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iż-żagħżugħ b'diżabilita', li ismu qed jintbagħat separatament, se jiġi mdaħħal dalwaqt fiċ-Ċentru ta' l-Imtarfa.
Is-servizz li se jingħata se jkun skond ir-rakkomandazzjonijiet tas-'Social Worker' li se tagħmel l-'assessment report' fuqu, u dan dejjem skond il-faċilitajiet li hemm fiċ-Ċentru ta' l-Imtarfa li qed jingħataw lill-persuni b'diżabilita' oħra li qed jattendu dan iċ-Ċentru.
1.12.98
Jista' l-Ministru jagħti l-figuri tan-nies li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Settembru u Ottubru ta' l-1994, 1995, 1996, 1997 u 1998? Kemm min dawn kienu nisa u kemm irġiel? Kemm minn dawk li kienu qed jirreġistraw kienu taħt il-35 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella fejn issib l-informazzjoni mitluba għas-snin 1994, 1995, 1996, 1997, 1998.
L-aħħar figuri ppublikati huma ta' Settembru 1998.
1.12.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx impjegati nies ġodda fl-aġenzija SWDP u jekk iva, f'liema grad ġew impjegati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 1237.
Barra l-imsemmija 'social workers', il-Programm Ħidma Soċjali (SWDP)_ fit-8 ta' Settembru kienet ingaġġat persuna fil-grad ta' 'Finance Officer' fuq bażi 'part-time' u għal perjodu definit ta' sena.
30.11.98
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numru 565, jista' l-Ministru jgħid: (1) min hu l-kuntrattur il-ġdid; u (2) jekk il-kuntrattur il-ġdid għandux l-istess kondizzjonijiet bħal dak ta' qablu u jekk le x'differenzi hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kuntrattur il-ġdid li qed jaħdem fid-Dar ta' l-anzjani tal-Furjana huwa PASS Dev. Ltd. Dan il-Kuntrattur għandu l-istess Kundizzjonijiet bħal dak ta' qablu.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk is-26 Casual Social Assistants li ġew trasferiti mix-xogħol fil-komunita' tax-xogħol fid-day centres/djar ta' l-anzjani, kienu ħadu trasfer diġa' wara l-elezzjni ta' l-1996?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-20 Assistenti Soċjali Każwali li dan l-aħħar reġgħu ngħataw ix-xogħol li kellhom fid-Day Centres u d-Djar ta' l-Anzjani sa qabel l-elezzjoni tal-1996, kollha kienu ġew trasferiti mill-Gvern Laburista wara l-elezzjoni tal-1996.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid b'kemm żdied l-istaff complement tas-sezzjoni fid-dipartment li tipproċessa l-applikazzjonijiet u l-ħlas taċ-Children's Allowance meta l-Gvern Nazzjonalista ta' qabel l-1996 kien biddel is-sistema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-istaff complement tas-Sezzjoni li tiproċessa l-applikazzjonijiet u l-ħlas taċ-'Children's Allowance' kien żdied b'disa' persuni meta l-Allowance saret suġġetta għat-test tal-meżżi u s-sistema tal-kompjuter ġiet ristrutturata mill-ġdid.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm nies bi bżonnijiet speċjali applikaw għall-għajnuna mill-iSpecial Needs Unit ta' l-ETC minn mindu twaqqfet u kemm minn dawn effettivament ġew allokati xi xogħol? X'tip ta' xogħol ġew allokati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' nies li huma 'disabled' u li rreġistraw għax-xogħol ma l-ETC minn mindu twaqqfet l-iSpecial Needs Unit huwa kif ġej:
f'Diċembru 1993 288
f'Diċembru 1994 361
f'Diċembru 1995 240
f'Diċembru 1996 259
f'Diċembru 1997 289
minn dawn ġew impjegati:
1993 8
1994 53
1995 48
1996 64
1997 76
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' gradwati li qed jirreġistraw għax-xogħol illum? Kemm ilhom jirreġistraw, għalxiex qed jirreġistraw u x'tip ta' kwalifiki għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'Settembru 1998 in-nunru ta' gradwati li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kien ta' 46.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella A - li turi għalxiex qed jirreġistraw u kemm ilhom jirreġistraw, filwaqt li tabella B turi x'tip ta' kwalifiki għandhom.
L-aħħar figuri ppublikati huma ta' Settembru 1998.
30.11.98
Jista' l-Ministru jara li l-każ ta' l-applikanta, li isimha qiegħed jintbagħat separatament, jiġi rimedjat billi jinstabilha post fejn toqgħod billi hija armla u ma tistax tlaħħaq mal-kera li għandha bħalissa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
30.11.98
Il-Ministru jaħseb li għandu jkun hemm liġi li tirregolarizza l-impjieg u l-kondizzjonijiet tas-Security Officers li jaħdmu mal-kumpanniji privati tas-security?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-ditti ta' 'security officers' m'humiex dawk waħdanin li fil-preżent ma jaqgħux taħt 'Waġes Councils'. Il-'leave' b'vaganza u festi pubbliċi, u l-paga minima huma fil-preżent regolati b'national standard orders li japplikaw għall-kull persuna impjegata f'Malta. Qiegħed nara x'jista' jsir biex is-sistema ta' national standard orders tiġi estiża biex tkopri benefiċċji oħrajn minbarra l-leave b'vaganza u l-paga minima li huma ġa regolati b'national standard order.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iżviluppi li kien hemm maħsub għal Pembroke mill-Awtorita' tad-Djar hux se jitkompla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nikkonferma li l-iżvilupp ta' madwar 350 unit fl-ewwel fażi tal-proġett li kien ppjanat minn qabel Ottubru 1996 ser jitkompla.
Fil-fatt ħarġu l-offerti għall-bini ta' l-ewwel 81 unit fuq Site 'B'.
Rigward l-kumplament tal-iżvilupp iridu jitkomplew id-diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet konċernati, fosthom l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jiġi deċiż kemm-il unit ser jiġu żviluppati fit-tieni fażi u meta din it-tieni fażi għandu jinbeda xogħol fuqha.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel il-gvern biex jgħin lil dawk il-familji li qed jieħdu ħsieb persuni b'diżabilita' fi djarhom u li jenħtieġu aġġustamenti fir-residenzi tagħhom bħal, per eżempju, lift eċċ. biex dawn iċ-ċittadini ma jispiċċawx priġunieri f'darhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar għandha skema sabiex tgħin lill-persuni b'diżabilita' biex jaddattaw r-residenza tagħhom għad-diżabilita' tagħhom. Fost il-lista ta' xogħolijiet previsti taħt din l-iskema hemm l-istair lift. Qed inqiegħed kopja tal-lista fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fil-każ ta' persuni b'diżabilita' li jgħixu fi blokki tal-Gvern, l-Awtorita' tad-Djar qed tistudja skema għall-istallazzjoni ta' lifts, fejn dan huwa strutturalment possibbli.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema barranin jaħdmu Malta? F'liema setturi qegħdin nisa jew irġiel? X'eta' għandhom? X'tip ta' xogħol jagħmlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħruġ ta' licenzji ta' l-impjieg (employment licence) lil persuni barranin huwa r-responsabbilta' tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-'Expatriates', li llum huwa parti mid-dekasteru tal-Ministeru ta' l-Intern. Naturalment dawn il-liċenzji joħorġu wara konsultazzjoni mid-Dipartimenti u l-entitajiet pubbliċi l-oħra konċernati.
Għalhekk, nitlob lill-Onor. Membru tagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm għad fadal ħaddiema taħt l-iskema Awżiljari u Taħriġ li għadhom f'din il-kariga magħluqa għal kull promozzjoni? Fejn qegħdin jaħdmu dawn il-ħaddiema? Hemm xi ħsieb li dawn l-impjegati jiġu mogħtija impjieg permanenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskema ta' l-AWTS kienet ġiet xolta xi snin ilu, jidhirli fl-1992, u l-maġġoranza kbira ta' dawn il-ħaddiema kienu ġew assorbiti f'wieħed mill-gradi ndustrijali fis-Servizz Pubbliku.
Ninsab infurmat iżda li għad baqa' grupp ta' ħaddiema li għadhom ma ġewx assorbiti bl-istess mod u li-l-Management and Personnel Office ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien qed jikkunsidra l-każ tagħhom. Għalhekk nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministru responsabbli.
30.11.98
L-Amministrazzjoni preċedenti kienet fl-istadju illi, lir-residenti ta' flats ta' Housing Estate f'Ta' Ġiorni, San Ġiljan, jiġi nstallat lilhom is-sistema tal-lifts partikolarment fejn dawn il-flats huma mibnija fuq 16-il filata? Jista' l-Ministru jispjega jekk dan għadux fl-intenzjoni li jsir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta' PQ Nru. 409.
30.11.98
Jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari numru 1345?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Membru li t-tieni parti tal-Mistoqsija Nru. 1345, jiġifieri nformazzjoni dwar dawk il-korsijiet ta' l-ETC li għaddejjin bħalissa, fil-fatt kienet ingħatat.
Nissuġġerixxi lill-Onor. Membru sabiex terġa' tagħti daqqa t'għajn lit-Tweġiba.
30.11.98