Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili– Kummissarju tad-Data u l-Informazzjoni -talbiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru talbiet lill-Ministeru,lid-dekasteru u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħtha u taħt il-kompetenza tal-Kummissarju tad-Data u l-Informazzjoni tul din il-Leġiżlatura? Tista’ tgħid x’kien l-eżitu ta’ dawn it-talbiet inkluż jekk kemm-il darba kienx hemm deċiżjonijiet mill-istess fejn impona multi?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mituba.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman rigward l-operat tal-Ministeru, id-dekasteru u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħtha tul din il-Leġiżlatura? Tista’ tgħid x’kien l-eżitu tagħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tul din il-leġiżlatura, s’issa b’kollox saru erba’ (4) talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman rigward l-operat tal-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, id-dekasteru u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu. L-erba’ każijiet kienu kollha jirrigwardaw l-Awtorita` ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, u kollha ġew magħluqa mill-Ombudsman.

Mediċini — prezzijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16930, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ mediċini li ġew imraħħsa bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u Marzu 2013 kif ukoll lista oħra ta’ mediċini li ġew imraħħsa minn Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ, tista’ tagħti l-prezz kemm kien qabel ġiet imraħħsa l-mediċina u l-prezz wara li ġiet imraħħsa?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ mediċini li ġew imraħħsa bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u Marzu 2013 (disgħa u tletin xahar) bħala Anness A u lista ta’ mediċini li ġew imraħħsa minn Mejju 2014 sa Mejju 2015 (tnax il-xahar) bħala Anness B. Minħabba s-sitwazzjoni li sab dan il-gvern f’Marzu 2013 fejn kien hemm struttura sfaxxata dwar aġġustament tal-prezzijiet tal-mediċini li riedet tinbena mill-ġdid, il-gvern kellu jibda proċess wiegħsa ta’ djalogu sabiex ikollu pjan ħolistiku għal benefiċċju tal-konsumatur u jerġa jikseb il-fiduċja ta’ l-istakeholders. Permezz ta’ din il-ħidma, l-ewwel roħs fil-prezzijiet tal-mediċini ta’ din l-amministrazzjoni setgħet titħabbar f’Mejju 2014. Niġbed l-attenzjoni li xi wħud mill-prodotti f’Anness A ġew imneħħija minn fuq is-suq għal raġunijiet diversi, fosthom ukoll minħabba t-tibdil insostenibli fil-prezzijiet. Evalwazzjoni tal-ħidma li saret turi li filwaqt li bejn Jannar 2010 u Marzu 2013, kien hemm medja ta’ 5.6 prodotti fix-xahar li l-prezz tagħhom ġie mraħħas; il-medja għal perjodu Mejju 2014 sa Mejju 2015 kien ta’ 12-il prodott fix-xahar.

MSDC — procurement manager - ingaġġ ta' persuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed jaħdem bħala procurement manager fi ħdan il-MSDC? Tista' tgħid jekk kienx hemm sejħa pubblika għal din il-pożizzjoni jew jekk hix position of trust? Tista tgħid meta kienet ippublikata din is-sejħa pubblika (data preċiża) ? Tista' tgħid meta kien ingaġġat u beda jaħdem f'din il-pożizzjoni (data preċiża) ? Tista tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-full job description tax-xogħol li qed jagħmel?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna msemmija taħdem bħala procurement manager fl-MSDC. Kien hemm sejħa fis-servizz pubbliku minn fost uffiċjali pubbliċi ippubbikata fit-28 ta’ Novembru 2014. L-approvazzjoni għall-ingaġġ ta’ din il-persuna ħarġet mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku fit-12 ta’ Marzu 2015. Beda jaħdem fis-16 ta’ Marzu 2015. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l- full job description tax-xogħol li qed jagħmel it-tali persuna.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — persuni impjegati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-persuni impjegati ma' xi dipartiment jew kwalunkwe entità oħra li taqa' taħtha minn Marzu 2013? Tista' tgħid kemm minn dawn kienu persuni uffiċjalment rikonoxxuti bħala persuni b'diżabilità?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jiċċara x'jifhem ezatt b'persuni impjegati ma xi dipartiment jew kwalunkwee entita' oħra.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — impjegat fis-Segretarjat Privat

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hu impjegat fis-Segretarjat privat tagħha? Tista' tgħid x'inhi n-nomenklatura tiegħu? Tista' tgħid kemm hu s-salarju li qed jitħallas?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ma tiffurmax parti mis-segretarjat privat tiegħi.

International Labour Organisation — laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’ġie diskuss mal-International Labour Organisation tul is-sena li għaddiet u għal kemm-il laqgħa u għal liema laqgħat attendiet hija jew uffiċjali fi ħdan il-Ministeru?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bejn it-28 ta’ Mejju u t-12 ta’ Ġunju 2014, uffiċjali mid-Dipartiment tar-Relazzjoniijiet Industrijali u tal-Impjieg attendew għall-Konferenza Annwali tal-Organizzazjoni Dinjija tax-Xogħol (International Labour Organisation) li saret f’Ġinevra. It-temi li ġew diskussi kienu dawn: · L-iffaċilitar tat-tranżizzjoni mill-ekonomija informali ghal dik formali; · L-objettivi strateġiċi tax-xogħol u · Ir-Rakkomandazzjoni kif għandu jinqata’ x-xogħol sfurzat (forced labour). Din ir-rakkomandazzjoni ġiet approvata u adottata fl-aħħar tal-Konferenza. Ufficjali mid-Dipartiment tar-Relazzjoninijiet Industrijali u Impiegi attendew ghal Konferenza Annwali tal-Organizzazjoni Dinjija tax-Xoghol. (International Labour Organisation) li saret f’Ginevra bejn 31 ta’ Mejju u t-13 ta’ Gunju 2015. It-Temi li gew diskussi kienu · Tkomplija tad-diskussjoni dwar Rakommandazzjoni kif wiehed jiffacilita it-transisjoni minn l-ekonomija informali ghal dik formali. Din ir-Rakomandazzjoni giet approvata u adottata fl-ahhar tal–konferenza; · l-krejazzjoni tax-xoghol dicenti u produttiv f’intraprizi zghar u medji; · l-oggettivi strategic tal-protezzjoni socjali (protezzjoni tax-xoghol) taht id-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar Gustizzja Socjali ghal Globalizzazjoni Xierqa. Jiena f’dawn iż-żewġ okkazjonijiet attendejt għal parti mill-Konferenza fejn għamilt ukoll l-intervent tiegħi dwar is-suġġetti msemmija u l-politika tal-Gvern fl-oqsma kollha diskussi Bejn 27 u 28 ta’ Frar 2014 attendejt ukoll għall-Konferenza oħra bl-isem ta’ ‘The European Social Model in times of Economic Crises and Austerity Policies – Developemnts, effects and policy issues’. It-temi li ġew diskussi kienu dawn: · Tibdiliet reċenti fil-Mudell Soċjali Ewropew u l-effetti tagħhom. · Xejriet fid-drittijiet bażiċi tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. · Tendenzi fil-ħarsien soċjali u s-suq tax-xogħol · L-irwol tad-djalogu soċjali fil-bidliet fil-Mudell Soċjali Ewropew.

Użu ta’ pestiċidi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif kien imqassam l-użu tal-pestiċidi (ammont totali skont il-kategorija u skont il-kimika) bejn industrija, agrikoltura, settur pubbliku u ċittadini, sena b’sena f’dawn l-aħħar ħames snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-MCCAA m'għandhiex informazzjoni dwar l-ammonti ta’ pestiċidi importati billi l-Awtorita’ hi biss responsabbli li tawtorizza dawk il-prodotti ta’ pestiċidi li jistgħu jitpoġġew fis-suq u jintużaw. Madankollu l-MCCAA tagħmel spezzjonijiet regolari biex tassigura li l-pestiċidi użati huma reġistrati u qegħdin jintużaw biss minn persuni awtorizzati. Ninforma lil Onor Interpellant li aktar informazzjoni tista’ tintalab lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatiska.

Mediċini — prezzijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il mediċina għoliet minn Jannar 2014 sal-lum? Kemm kien il-prezz ta' kull mediċina qabel għoliet u kemm hu l-prezz illum?

Response (DALLI, HELENA)

Kif jaf l-Onor. Interpellant, li għamel żmien responsabbli għal dan il-qasam fil-leġislatura li għaddiet, il-prezz tal-mediċini ma jiġix ikkontrollat. Nassigura lill-Onor. Interpellant li kull rapport ta' ċaqlieq fil-prezz li jidħol għand l-awtorità tal-mediċini jew dik tal-konsumatur, tittieħed azzjoni fuqu biex naraw x'inhi r-raġuni għaċ-ċaqlieq fil-prezz . Dan sar possibili għax il-Gvern iżomm djalogu kontinwu mal-industrija tal-farmaċija. Dan id-djalogu għen biex tigi indirizzata l-problema tal-mediċini ‘out of stock’ kif ukoll wasslet biex ikun hemm tnaqqis sostanzjali fuq ħafna mill-mediċini essenzjali in ġenerali (u mhux tnaqqas ta' ftit ċenteżmi fuq medicini li bilkemm jistabu fis-suq).

Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC) — ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema mal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC)? Tista’ tgħid x’inhuma l-karigi li jokkupaw?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li hemm tlettax-il ħaddiem full time u tnejn oħra part-time mal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC). Il-karigi li jokkupaw dawn il-ħaddiema huma; · Executive Chairman · Head of Administration · PA to Chairman (Technical) · PA to Chairman (Communications) · BICC Secretary · Education Officer · Customer Care · Senior Clerk · Messenger · Driver/Photographer · Time Keeper · Receptionist · Driver to Chairman · EU Head of project (part-time for 12 months) · EU project Coordinator (part-time for 12 months)

Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC) — ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna hemm ingaġġata mal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC) preżentement?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għal mistoqsija parlamentari 16954 fis-seduta ta’ llum stess (seduta 276, 15 ta’ Ġunju 2015).

Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC) — job description tal-ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-job description ta' kull persuna li hemm ingaġġata mal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC) preżentement?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li hemm tlettax-il ħaddiema full-time u tnejn oħra part-time mal-Kunsill konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC). Il-karigi li jokkupa dawn il-ħaddiema tinvolvi; · Executive Chairman · Technical Advisor to Chairman (Person of Trust) · Head of Administration and Finance – Responsible for the day to day administration, HR and accounts. · Principal acting as Council Secretary – Assisting the Executive Chairman and organizing/ follow up of meetings ( Council Board meetings, Executive Board meetings, Working Groups meetings and Steering Committee meetings). · Communications Co-ordinator/Customer Care Officer (Person of Trust) – Updating of website, FB page, PQ’s and media relations. · Principal acting as Education Co-ordinator – Skill cards project co-ordinator. · Accounts Clerk – day to day accounts updating and processing. · Assistant Principal – registry, correspondence and all other clerical work. · Senior Clerk – Appointments, assisting the board’s secretary and meeting co-ordination. · 2 Messengers (One of the messengers is on long-sick leave awaiting to be boarded out) – reception work and messenger work. · Driver/Photographer – Dipartimental driver and photographer. · Driver to the Chairman (Person of Trust) – driver. · Receptionist (On an ETC traineeship scheme for persons with disability) – reception work. · EU Project (Part timer for 12 months) – ECO Build Head of project. · EU Project Coordinator (Part timer for 12 moths) – ECO Build project co-ordinator.

Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data — multi lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li fix-xahar ta' April 2015, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data mmulta lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali wara rifjut tiegħu li jippubblika rapport ta' inkjesta li sar f'Lulju 2014 dwar l-ex Kummissarju tal-Pulizija lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Tikkonferma li ta lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali żmien ta' għaxart ijiem xogħol mid-deċiżjoni tiegħu biex jippubblikah?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fis-7 ta’ April 2015, il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data ħareġ deċizjoni, wara li rċieva ilment fit-23 ta’ Frar 2015 mingħand applikant fuq każ dwar il-Liberta` tal-Informazzjoni fejn sab illi, l-Ministeru għall-Intern u Sigurta` Nazzjonali, kien naqas milli jipprovdi informazzjoni lill-istess applikant bil-mod kif mitlub mill-Att dwar il-Liberta` tal-Informazzjoni, u fil-perjodu stabbilit mill-istess liġi. Qiegħed jiġi kkonfermat illi f’din id-deċizjoni il-Kummissarju impona multa amministrattiva ta’ €250 fuq il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta` Nazzjonali minħabba nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, kif ukoll ta perjodu ta’ għaxart ijiem, minn mindu tiġi riċevuta d-deċiżjoni, sabiex l-istess Ministeru jippubblika t-tieni rapport li kien ġie mitlub mill-applikant.

Mediċina Nortrilen

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-mediċina Nortrilen (10mg) fl-aħħar ġimgħat għoliet sostanzjalment? X’passi ħadet it-Taqsima tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fuq dan?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur tissorvelja kontinwament iċ-ċaqlieq fil-prezzijiet tal-mediċina. Mill-informazzjoni li ġabar l-Uffiċċju, l-għoli fil-prezz bl-imnut tal-mediċina Nortrinel 10 mg hu riżultat ta’ żieda fil-prezz tal-manifattur. Skont il-ftehim volontarju ta’ Jannar 2012, bejn il-Gvern u l-importaturi tal-mediċina, l-Uffiċċju għall-Konsumatur qabbel il-prezz bl-imnut rrakkommandat mill-importatur mal-prezz ta’ referenza (maħdum mill-prezzijiet bl-imnut tal-prodott f’numru ta’ pajjiżi Ewropej) sabiex jiġi mistħarreġ jekk l-għoli fil-prezz hux ġustifikat. F’dan il-każ, instab li l-prezz hu inqas mill-prezz ta’ referenza.

MUESAC — taħriġ lill-kunsilli lokali dwar fondi ta' skemi tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 16166 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u tgħid jekk tikkunsidrax il-possibilità li l-MUESAC tibda tagħti taħriġ lis-segretarji tal-kunsilli lokali biex dawn ikunu mgħarrfa aħjar bil-possibilità li jużaw fondi ta' skemi tal-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li matul ix-xahar ta’ Ġunju l-MEUSAC se jkun qed jorganizza tlettax-il laqgħa ta’ informazzjoni li huma miftuħa għall-kunsilliera u għas-segretarji eżekuttivi biex tingħata informazzjoni dettaljata dwar il-programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea u dwar l-opportunitajiet li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-kunsilli lokali. Dawn il-laqgħat se jsiru fl-uffiċċji tal-kunsilli lokali sabiex tiġi iffaċilitata l-attendenza għal dawn il-laqgħat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-skeda dettaljata ta’ meta se jsiru dawn il-laqgħat.

MEUSAC – għajnuna lill-kunsilli lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont finanzjarju li l-kunsilli lokali bbenefikaw minnu bejn April 2013 u April 2015 f’għajnuna mogħtija lill-istess kunsilli lokali mill-MEUSAC mill-fond ta’ ko-finanzjament li fl-amministrazzjoni preċedenti kien dejjem jikkumplimenta l-applikazzjonijiet ta’ proġetti u inizjattivi mill-/mal-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità dwar il-Mediċini – Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta' Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar il-Mediċini? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-persuna li l-Onorevoli Interpellant qed jagħmel referenza għaliha, bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar il-Mediċini, għandha kuntratt li huwa ekwivalenti għall-livell 2 tal-impjegati taċ-Ċivil u xi perkaċċi oħra. Il-Persuna li tokkupa din il-kariga ta’ Chairperson għandha pakkett finanzjarju ta’ madwar elf Ewro inqas mill-Kap preċedenti. Għal din il-kariga ma jkunx hemm sejħa.