Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-investigazzjonijiet li kienu saru mid-dipartiment tas-saħħa dwar food poisoning estensiv f'tieġ li kien sar xi tliet snin ilu? X'passi ittieħdu kontra l-caterer responsabbli?
Nirreferi lill-Ministru għad-diskors li ġie irrapurtat li għamel dan l-aħħar f'laqgħa tal-WHO fil-Polonja dwar 'Ewropa ħielsa mit-Tabakk?
1. Jista' jpoġġi kopja tad-diskors fuq il-Mejda tal-Kamra?
2. Skond rapporti fil-gazzetti, l-Ministru huwa irrapurtat li lmenta li mhux qed isir biżżejjed mill-Health Promotion Unit, jista' jgid għaliex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Membru li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tad-diskors mitlub.
Ma jirriżultax li fid-diskors hemm xi kritika li mhux isir biżżejjed minn naħa tal-Health Promotion Unit.
Jista' l-Ministru jara li matul din is-sena skolastika s'issa, jista' jgħid liema huma l-iskejjel f'Malta u Għawdex li talbu lill-Health Promotion Unit biex jingħataw lectures fuq:
1) Is-sessualita u l-mard li jittieħed mis-sess?
2) It-tipjip u l-ħsara li jġib?
3) Suġġetti mediċi oħra li jinteressaw liż-żgħażagħ? Meta saret kull taħdida? Minn min?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta` skejjel f'Malta, fost oħrajn, li matul din is-sena skolastika sallum talbu lill-Health Promotion Unit sabiex jingħataw lectures fuq diversi suġġetti ta` interess indikati mill-Onor. Interpellant. Dettalji fuq dawn is-suġġetti huma inklużi fil-lista.
Infurmat, pero`, li l-HPU s'issa għadha ma rċevietx talbiet simili għal interventi fi skejjel dwar is-suġġett ta` tipjip u l-ħsara li jġib.
S'issa, matul l-istess perjodu ma saret l-ebda talba lill-Health Promotion Unit minn skejjel f'Għawdex għal tali lectures fuq xi suġġett indikat fil-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-mediċina Gleevec għadha mhux available fl-ispiżeriji tal-Gvern?
Jista' l-Ministru jara kif jiġu megħjuna persuni li għandhom bżonn din il-mediċina li tiswa mijiet ta' liri?
Peress li hemm persuni li magħhom ma taqbilx it-titqiba Interferog, jistgħu dawn jingħataw l-alternativa Gleevec?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-mediċina Gleevac ġiet ikkunsidrata u diskussa mid-Drugs & Therapeutics Committee tad-Dipartiment tas-Saħħa fil-meeting li kellu fit-28 ta` Jannar 2002. Ir-rakommandazzjoni tiegħu, li ġiet approvata mid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Saħħa, kienet li għalissa din il-mediċina ma tiġix introdotta fl-ispiżerija tal-Gvern, iżda li l-kumitat jerġa` jikkunsidra l-introduzzjoni ta` din il-mediċina aktar tard din is-sena. Dan biex ikun hemm aktar informazzjoni dwar l-effetti ta` din il-mediċina. Bħal issa, in-National Institute of Clinical Excellence (NICE) tar-Renju Unit qiegħed ukoll jagħmel l-istudji tiegħu fuq din il-mediċina u hu previst li joħroġ bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu aktar tard din is-sena (Awissu 2002).
Barra mill-Interferon il-marda tal-chronic myeloid leukaemia tista` tiġi ttrattata wkoll bil-hydroxyurea, kif ukoll b'bone marrow transplant f'pazjenti iżgħar minn 60 sena u li jkollhom donor li kun adattat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fuq is-sit fejn qed jinbena l-isptar San Raffaele Tal-Qroqq, hemmx xi persuni bħal nurse/tabib li jkunu stand by għal meta jinqala' xi inċident?
Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fuq is-sit ta` l-Isptar il-Ġdid f'Tal Qroqq m'hemm l-ebda tabib jew infermier/a stand-by għal meta jinqala` xi inċident matul il-perjodu tal-bini tiegħu.
Iżda, konformi ma` l-Occupational Health & Safety Act 1994 - Avviż Legali 198 ta` l-1995, fuq is-sit ta` l-iSptar il-Ġdid hemm numru ta` First Aid Posts imqassma f'postijiet strateġiċi u mgħammra b'apparat ta` l-ewwel għajnuna. Dawn huma mmexxija minn first aiders kwalifikati.
Dawn il-first aiders jaqgħu taħt is-sezzjoni tas-Saħħa u Sigurta` fuq il-Post tax-Xogħol taħt ir-responsabbilta` tal-kuntrattur konċernat.
B'referenza għall-partijiet mid-diskors tiegħu li għamel dan l-aħħar fil-laqgħa tal-WHO fil-Polonja, jista' l-Ministru jgħid għaliex qed isibha diffiċli biex jintroduċi restrizzjonijiet fuq it-tabakk fil-Gżejjer Maltin? X'diffikoltajiet u x'resistenza hemm?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma 'l-Onor Interpellant li fi żmien qasir il-Gvern ser iressaq quddiem din il-Kamra Abbozz ta' Liġi ġdida li tikkontrolla t-tipjip.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-investigazzjoni li kienu saru mid-dipartiment tas-saħħa dwar food poisoning estenziv f'tieġ li kien sar xi tliet snin ilu?
X'passi ittieħdu kontra il-caterer responsabbli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti aktar informazzjoni dwar il-każ ta' avvelenament ta' l-ikel indikat fil-Mistoqsija, peress li tliet snin ilu ġew investigati aktar minn każ wieħed minn dan id-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jirreferi għall-każ umanitarju u mediku ta' persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament li minħabba l-kondizjoni medika tiegħu jixtieq li jagħmel xogħol fil-medical records San Luqa mingħajr strapazz jew inkella jerġa jiġi ikkunsidrat biex jintbgħat il-personnel section ta' Sir Paul Boffa Hospital?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant matul is-sena 1999 kienet għamlet talba biex tiġi eżentata milli taqdi d-doveri kollha waqt il-qadi ta' dmirijietu.
It-talba tal-persuna ma setgħatx tintlaqa minħabba ċirkularitajiet li kienu ħarġu mid-Diviżjoni tas-Saħħa fil-21 ta' Novembru 1996 u MPO Circular 70/97 datati 4 ta' Diċembru 1997, liema proċeduri għadhom fis-seħħ.
Dwar it-talba ta' din il-persuna biex jerġa jintbagħat jaħdem fil-Personnel Section ta' l-Isptar Sir P. Boffa ma tistax tintlaqa minħabba li ma hemmx post għall-aktar nies f'din is-sezzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien ir-riżultat tas-sejħa għal security guards li saret f'Diċembru 2000?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li wara sejħa għall-applikazzjoni għall-post ta' Security Guard fid-Diviżjoni tas-Saħħa maħruġa mill-Management and Personnel Office fil-21 ta' Awwissu 2000, id-Diviżjoni tas-Saħħa rċeviet ir-riżultat tal-eżami tal-kitba fit-13 ta' Marzu 2001 mill-Public Service Commission. Minn din l-ewwel parti tal-kitba kienu għaddew 54 kandidat, filwaqt li kandidat ieħor kien ġie skwalifikat. Fis-26 ta' Settembru 2001 ġie ppublikat it-tieni parti tar-riżultat ta' l-intervista u li minn din il-parti kienu għaddew 36 kandidat. Disgħa minn dawn ta' l-aħħar kienu rrifjutaw l-Appointment ta' Security Guard.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-posta, stationeries, reklamar, pubblikazzjonijiet għas-sena 2001 tal-Ministeru u Dipartimenti, Dekasteri, Korporazzjonijiet, eċċ li jaqgħu taħt il-Ministeru tas-Saħħa?
Kemm tħallsu minn dawn l-ispejjes u kemm għadhom pendenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Informazzjoni dettaljata fuq infieq attwali tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-jiem tal-Milied seħħ inċident serju waqt il-bini ta' l-isptar ġdid f'Tal Qroqq meta xi pjanċi waqgħu fuq żewġ persuni? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jikkonferma li waħda mill-ambulanzi li ntbagħtu ma setgħetx tidħol fuq is-sit ta' l-inċident? Jista' jgħid x'kienet r-raġuni għala l-ambulanza sabet din id-diffikolta? Saret xi inkjesta dwar dan l-inċident?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fl-14 ta' Diċembru 2001 fuq is-sit tal-iSptar il-ġdid weġġgħu żewġ ħaddiema Maltin waqt stivar ta' xi pjanċi. Is-sit ta' l-inċident ma kienx jippermetti aċċess għal vetturi għoljin u din kienet ir-raġuni l'għala l-ambulanza li ntbagħtet ma setgħetx tidħol eżatt fejn seħħ l-inċident. Il-midruba ittieħdu fuq stretcher sa fejn kien jippermetti aċċess għall-ambulanza.
Rapport mediku fuq l-inċident ingħata lill-pulizija mid-Dipartiment ta' l-Emerġenza ta' l-Isptar San Luqa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħatru nursing officers ġodda din is-sena? Jista' jgħid min huma? Jista' jgħid kemm applikaw? Jista' jgħid kemm ilhom fis-servizz dawk li ntgħażlu kif wkoll dawk li ma ntgħażlux? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi acting deputies fost dawk li kienu intervistati? Jista' jgħid jekk intgħażlux?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qiegħda tinġabar.
Tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jinxtara qabar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal xiri ta' oqbra ġo ċimiterji tal-Gvern hija kif ġej
ċimiterji
Numru
Żebbug
180
Mosta
417
Rabat
597
Addolorata
1953
Ta' Braxia
85
Mġarr
16
Kalkara
26
Mellieħa
21
Qormi
184
Burmarrad
276
Jista' l-Ministru jara li l-persuna indikata under seperate cover ssirilha l-operazzjoni tal-kataretti u dan tenut kont il-kondizzjoni fiżika u mentali tagħha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta' natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnha l-applikazzjoni għal post ta' surgeon/orthopaedic post fid-dipartiment tas-saħħa li kien hemm min kien kwalifikat u applika u baqa ma nstema xejn fuqha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-akbar numru ta' tfal li jista' jakkomoda iċ-Ċentru għall-Ħarsien tat-Tfal fl-Isptar Zammit Clapp? X'inhu n-numru ta' tfal li fil-preżent qed jagħmlu użu minn dan iċ-Ċentru? Min huma l-ġenituri eliġibbli li jieħdu lil uliedhom f'dan iċ-ċentru? X'inhi r-rata ta' ħlas għal a) ulied impjegati ta' Zammit Clapp b) tfal oħra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru massimu ta` tfal li jistgħu jiġu akkomodati fiċ-Ċentru hu ta` 20.
In-numru ta` tfal li fil-preżent qed jagħmlu użu minn dan iċ-Ċentru huwa hekk:
27 ta` ġenituri - ħaddiema ta` Sptar Zammit Clapp
17 mhux ta` ġenituri - ħaddiema ta` Sptar Zammit Clapp
Fil-każ ta` tfal ta` ġenituri - ħaddiema ta` ZCH medja ta` 3 itfal jattendu kuljum, 11 f'weekends u Festi Pubbliċi, 10 fil-btala, u 3 kultant iżda mhux ta` spiss.
Fil-każ ta` tfal ta` ġenituri mhux - ħaddiema ta` ZCH medja ta` 6 itfal jattenu kuljum.
L-impjegati kollha ta` l-iSptar Zammit Clapp huma eliġibbli li jieħdu lil uliedhom f'dan iċ-Ċentru. Tfal ta` ġenituri lil ma jaħdmux l-iSptar Zammit Clapp jiġu kkunsidrati skond l-eta`, il-ħinijiet li jkollhom bżonn jattendu, u jekk ikunx hemm post vojt għalihom.
It-tfal ta` l-impjegati ta` l-isptar m'humiex suġġetti għall-ħlas għas-servizzi taċ-Ċentri, filwaqt li t-tfal oħra huma suġġetti għall-ħlas. Ir-rata ta` ħlas ta` din il-kategorija tvarja skond in-numru ta` l-ulied, ħinijiet u frekwenza ta` l-attendenza kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu l-pjani li kien hemm biex tittieħed azzjoni konkreta ħalli tittaffa l-problema kkawżata miċ-ċumnija ta' l-Isptar San Luqa, li qed tkun ta' inkonvenjent għar-residenti tal-Msida u ta' Xbiex iżda b'mod partikulari għal dawk li joqgħod fix-xatt ta' Ta' Xbiex kif ukoll għal diversi sidien tal-yachts li għandhom l-opri tagħhom sorguti fil-Marina ta' Ta' Xbiex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif intqal pubblikament diversi drabi, d-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed fi proċess finali li jikkonkludi tender għax-xiri ta` sistema moderna sabiex l-iskart kliniku ta` l-isptarijiet jiġi pproċessat minflok jinħaraq kif jiġri s'issa.
It-tender għax-xiri ta` l-impjant għadha taħt il-kunsiderazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti.