Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tarzna — Kaz ta' pensjonant

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23447 dwar kaz ta' pensjonant, minħabba li fit-Tarzna hemm ħlas l-istess għall-istess grad u xogħol, taħsibx il-Ministru li hemm xi anomalija allura jew inkella xi difett fil-Ftehim Kollettiv li kien ġie ffirmat għall-ħabta ta' l-1999?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Boarded out

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew boarded out mill-impjieg fis-settur pubbliku u fis-settur privat mill-1 ta' Jannar 1999 sal-31 ta' Diċembru 2006, sena, sena? Tista' l-Ministru tikklassifika t-tagħrif għal Malta u għal Għawdex? Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti u tikklassifikahom għal Malta u għal Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ebda dipartiment jew entita’ li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jżommu statistika dwar in-numru ta’ persuni li jiġu boarded out mis-settur pubbliku jew mis-settur privat. Id-Dipartiment tas-Siġurta’ Soċjali jżomm statistika dwar in-numru ta’ talbiet għall-Pensjoni għall-Invalidita’ u dawk aċċettati u mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali. Ninsab infurmata wkoll li ma tinżammx statistika dwar ix-xogħol li kienu jagħmlu persuni qabel ma japplikaw għall-Pensjoni għall-Invalidita’ u li l-istatistika dwar il-lokalita’ ta’ l-applikanti bdiet tinżamm mis-sena l-oħra. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni dwar in-numru ta’ talbiet milqugħa għall-Pensjoni għall-Invalidita’ għas-snin indikati mill-Onor. Interpellant u dawk pendenti fl-14 ta’ Frar 2007.

Humanitarian Committee

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilu mwaqqaf l-Humanitarian Committee fil-Ministeru jew fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jittratta l-każijiet partikolari dwar l-eżenżjoni mis-soprataxxa fuq il-konsumm tad-dawl u l-ilma għal persuni b'diżabilita', i.e. l-kumitat li rreferiet għalih, waqt konferenza għal media msejħa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', t-Tlieta, 13 ta' Frar, 2007? Min huma l-membri ta' dan il-kumitat? Fuq liema kriterju ġew magħżula l-membri biex iservu fuq dan il-kumitat? Liema każijiet qiegħed jittratta, i.e. ta' persuni b'diżabilita' biss, jew anke ta' oħrajn? Xi kriterji qiegħed juża biex jiddeċiedi liema applikazzjonijiet japprova u oħrajn ma japprovahomx? Dawn il-kriterji ġew ippublikati x'imkien? Kemm-il applikazzjoni kien hemm ta' persuni b'diżabilita' u jekk jittratta applikazzjonijiet oħra kemm kien hemm min dawn? Kemm-il applikazzjoni ġiet approvata minn meta twaqqaf dan il-kumitat, u ta' liema kategorija, u kemm ma approvax u għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-kumitat maħtur biex jikkunsidra talbiet għal eżenzjoni mis-surcharge fuq il-konsum tad-dawl u ilma fuq bażi umanitarja twaqqaf f’ Mejju tas-sena l-oħra. Dan il-kumitat hu kompost kif ġej: Chairman Is-Sur Alfred Portelli Membri Dr. Louis Bonello, M.D. Dr. Victoria Farrugia, M.D. Is-Sur Jesmond Schembri * Segretarja Ms Marvic Cordina *sat-2 ta’ Frar 2007 Il-membri ta’ dan il-kumitat ġew maħtura a bażi tal-kompetenza u l-esperjenza fil-qasam tax-xogħol jew professjoni rispettiva tagħhom. Dan il-kumitat jikkunsidra talbiet minn familji li, għalkemm ma jikkwalifikawx għall-eżenzjoni mis-surcharge fuq il-konsum tad-dawl u ilma skond it-test tal-mezzi, jistgħu jikkwalifikaw għal din l-eżenzjoni fuq bażi umanitarja minħabba ċirkustanzi partikolari relatati ma’ marda jew kundizzjoni ċertifikata. Il-kriterji approvati li jimxi fuqhom dan il-kumitat huma li: - (a) xi membru fil-familja j/tkun qed i/tbati minn marda jew kundizzjoni ċertifikata fejn ikun meħtieġ konsum eċċessiv ta’ dawl u ilma, u (b) d-dħul kollu tal-familja ma jkunx jeċċedi Lm13,270 fis-sena. Ninsab infurmata li, sa l-aħħar ta’ Jannar 2007, in-numru ta’ talbiet referuti lil dan il-kumitat kien ta’ 64. Minn dawn, 24 każ ġew aċċettati u ngħataw l-eżenzjoni, 27 każ ġew miċħuda għax ma kienux jissodisfaw il-kriterji msemmija u 13 il-każ għadhom qed jiġu kkunsidrati.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Bordijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Karta r-roża

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li huma intitolati għall-karta r-roża? Min hu intitolat għaliha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ma jżommx statistika dwar in-numru ta’ persuni individwali li huma ntitolati għall-Għajnuna Medika bla Ħlas iżda din tinżamm dwar in-numru ta’ familji ntitolati għal din l-Għajnuna. Ninsab infurmata li dan in-numru hu 8,035. Biex persuna tkun intitolata għall-Għajnuna Medika bla Ħlas ma jridx ikollha assi kapitali li jaqbżu Lm4,000, jekk tkun persuna weħedha, jew Lm7,000 f’każ ta’ koppja miżżewġa. F’każ ta’ persuna li ma taħdimx id-dħul tagħha fil-ġimgħa, ikkalkulat skond it-Tielet Parti tat-Tieni Skeda ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, ma jridx jaqbeż Lm11.75 għal persuna weħedha u Lm15.25 għal koppja miżżewġa. F’każ ta’ persuni li jaħdmu, d-dħul mill-impjieg ma jridx jaqbeż Lm51.63 fil-ġimgħa għal persuna waħedha u Lm55.13 fil-ġimgħa għal persuna miżżewġa, wara li titnaqqas il-kontribuzzjoni tas-Sigurta’ Soċjali. Fejn familja tkun komposta minn aktar persuni mill-persuna singla jew mill-kap tal-familja u martu, skond il-każ, il-limiti ta’ dħul imsemmija qabel jiżdiedu bi Lm3.50 fil-gimgħa għal kull persuna addizzjonali. Ta’ min iżid li persuni li jbatu minn mard speċifiku, bħal ma’ huma diabete, tuberkulosi, lebbra jew poliomilitis kif ukoll persuni li qed jirċievu Għajnuna Soċjali jew pensjoni mhux kontributorja mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jikkwalifikaw għall-Għajnuna Medika bla Ħlas mingħajr it-test tal-mezzi.

Adozzjoni tat-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm applikanti li qed jistennew adozzjoni ta' tfal? Liema huma dawk il-pajjiżi li qed jagħtu tfal għall-adozzjoni li magħhom pajjiżna għandu ftehim għal dan l-iskop?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li preżentament hemm 222 applikazzjoni għall-adozzjoni reġistrati mad-Dipartiment għal Standards ta’ Ħarsien Soċjali. Malta għandha ftehim formali dwar adozzjoni ma’ l-Albanija u r-Rumanija. Inżid ngħid li Malta hi wkoll firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1993, dwar il-Protezzjoni ta’ Ulied u Ko-operazzjoni dwar l-Adozzjoni fost il-Pajjiżi.

Pensjoni tal-Wens

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu intitolat għall-pensjoni tal-wens?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Persuna tikkwalifika għall-Pensjoni tal-Wens imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jekk: · tkun mhux miżżewweġ/a jew armel/armla; · tkun ċittadina Maltija u tirrisjedi regolarment f’Malta; · l-assi kapitali tagħha ma jkunux jaqbżu Lm6,000 · id-dħul tagħha fis-sena ma jkunx jaqbeż 60% tal-Paga Minima Nazzjonali applikabbli għal persuni ta’ 18-il sena jew iżjed; · tkun qed tieħu ħsieb, weħedha, fuq bażi full-time u regolarment, tal-ġenitur tagħha jew ħuha, oħtha, nannitha, zijuha, zijitha, missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett li jkun/tkun qed jgħix fl-istess dar ta’ l-applikant/i u, minħabba infermita’, jkun/tkun kostrett/a li j/tgħaddi ħajtu/ħajjitha f’sodda jew f’wheelchair.

Taxxi/Tariffi/Miżati

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnha, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtha matul is-sena 2006? Tista' tindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li f’Settembru 2006, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ introduċiet ħlas ta’ Lm5 ma’ l-applikazzjoni għall-Blue Sticker li jinħareg mill-Kummissarju tal-Pulizija. Dan il-ħlas qed jintuża biex il-Kummissjoni tixtri s-servizz ta’ tabib biex jiċċertifika li l-persuna li tapplika hija verament intitolata għall-Blue Sticker u permezz ta’ hekk qed ikun hemm aktar kontroll fuq il-ħruġ ta’ dawn il-permessi. Ninsab infurmata wkoll li, matul l-2006, ma kien hemm ebda taxxa, tariffa jew miżata oħra li ddaħħlet jew ġiet riveduta mid-Dipartimenti, awtoritajiet, istituzzjonijiet jew aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Swatar, Msida — Bini residenzjali

Question

L-awtorita' tad-djar għandha xi pjani biex tibni bini residenzjali fil-parti mhux żviluppata faċċata ta' Triq Indri Grima, fis-Swatar, l-Imsida?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar m'għandiex art fiz-zona ndikata mill-Onor. Interpellant.

Sussidju

Question

Ir-residenti li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, huma ntitolati għal sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma peress li jgħixu biss bil-benefiċċji soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħaddili, anki b'mod kunfidenzjali, aktar dettalji minbarra l-indirizz, biex il-każ ikun jista jiġi nvestigat.

Care and repair

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-iskema care and repairperess li s-soqfa, il-bieb ta' barra u l-kamra tal-banju ma jinsabux f'kondizzjoni tajba?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair. Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.

Care and repair

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ma jaħdimx u jgħix bir-relief u qed iġarrab anke mard fil-familja, jibbenefika mill-iskema care and repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair. Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.

fond fil-Belt Valletta

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta l-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li jinsab fil-Belt Valletta u li hu ta' l-uffiċċju konġunt, ingħata mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali lill-inkwilini? X'jikkonsisti l-fond? Tista' titpoġġa kopja tal-ftehim tal-kirja u tal-pjanta fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ftehim tal-kirja tal-fond indikat mill-Onor. Interpellant ġie ffirmat fit-2 ta' Settembru 1998. Il-fond hu mqassam kif jidher fil-pjanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra flimkien mal-kopja tal-ftehim tal-kirja.

Sussidju fuq il-kera

Question

Tista' l-anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jaġġustawlha s-sussidju fil-kera 'il fuq issa li dalwaqt se togħla u żgur mhux se tkun tista' tlaħħaq mal-kera l-ġdida jekk ma jogħliex is-sussidju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tibbenefika mis-sussidju massimu kif ukoll minn għotja addizzjonali ta’ Lm50 fis-sena peress li hi persuna b’diżabilita’. Ninsab infurmata wkoll li dan is-sussidju jmissu jiġi rivedut f’Ottubru 2008.

Pensjoni ta' l-invalidita'

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex it-talba għall-pensjoni ta' l-invalidita' ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tiġi eżaminata mill-bord apposta malajr kemm jista' ikun biex tittaffa' it-tbatija li qed tħoss il-persuna li qed titħalla x-xhur tistenna deċiżjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, fid-19 ta' Ottubru 2006, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali kien informa bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.

Persuna b'diżabilita'

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-fehma tal-kummissjoni nazzjonali tal-persuni b'diżabilita' dwar l-applikazzjoni li kienet għamlet il-koppja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex ikun hemm aċċess għas-sinjura diżabbli min-naħa ta' wara tad-dar biex tevita t-tbatija li tuża t-taraġ tal-faċċata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' mhix f'pożizzjoni li tesprimi opinjoni dwar l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant għax din l-applikazzjoni qatt ma ġiet referuta lill-Kummissjoni biex tagħmel dan, la mill-MEPA u lanqas mill-koppja ndikata

Care and repair

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-iskema care and repair, liema persuna hi separata, ma taħdimx u tixtieq li tgħix fil-fond imsemmi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair. Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.

Talba quddiem l-awtorita' tad-djar

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet it-talba li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għamlet quddiem l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li f’Novembru 2005, l-Awtorita’ tad-Djar kienet approvat il-bdil tal-kamra tal-banju, it-tikħil tal-faċċata u li jsir liquid membrane dwar talba tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair. Minn spezzjoni li saret minn Perit ta' l-Awtorita' biex jiġi verifikat ix-xogħol li sar, irriżulta li l-kamra tal-banju kienet inbidlet u sussegwentement sar il-ħlas dovut mill-Awtorita'. Waqt din l-ispezzjoni l-applikanti kienet iddikjarat li mhux fi ħsieba tkompli bix-xogħlijiet l-oħra approvati. Ukoll waqt din l-ispezzjoni, il-Perit innota li l-opramorta kellha bżonn tikħil. Peress li din l-opramorta mhix waħda komuni, ir-responsabbilta’ tax-xogħol hi ta’ l-inkwilina u għalhekk l-Awtorita’ talbet lil din il-persuna biex tibgħat stimi għal dan ix-xogħol. Ninsab infurmata wkoll li x-xahar li għadda qarib ta' din il-persuna nforma lill-Awtorita' li kien għadu fil-proċess li jibgħat dawn l-istimi. Dawn għadhom ma waslux għand l-Awtorita'.

Spezzjoni f'post tal-gvern

Question

Tista' l-Minsitru tgħid wara li saret l-ispezzjoni fil-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament xi ġimgħatejn ilu, fejn waslet it-talba tal-persuna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar qed tagħmel ir-riċerki meħtieġa dwar l-assi ta’ l-applikanti ndikata mill-Onor. Interpellant.

Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' l-Ministru tara li l-koppja żagħżugħa mill-Kalkara li tgħix ma' nies ir-raġel, b'seba' persuni fżewġt ikmamar tas-sodda u kamra tal-banju waħda, tkun provduta ppost alternattiv, preferibbilment fil-post indikat fil-Kalkara stess u li bħalissa jinsab vakant? Meta se ssir l-ispezzjoni biex jivverifikaw il-file ta' dawn l-applikanti mill-ħaddiema tad-dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fil-fatt l-ispezzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant saret u li l-post indikat bħala vakant ilu derekwiżizzjonat mill-1999. Ninsab infurmata wkoll li l-applikazzjoni mill-persuna ndikata qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oħrajn simili.