Legislature:
Category:
Reset
Active:

Student

Question

Jista' l-Ministru japprova u jirrimedja immedjatament għal każ li qed jintbagħat separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

F'kazijiet bħal dawn mhux il-Ministru "japprova" izda Statementing Moderating Panel li jkun irid jevalwa l-kazi skond iċ-ċerifikati u l-assessments professjonali multi dixxiplinari. Informat li l-kaz in partikolari qed jiġi proċessat.

Skolasport

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24128 u, bħala ministru responsabbli mill-isport, jgħid kemm hemm tfal li qed jieħdu sehem fi Skolasport u f'liema dixxiplini?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm 1152 tfal. It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kottonera — Kumpless sportiv

Question

Jikkonferma l-Ministru li fil-kumpless sportiv tal-Kottonera bejn il-Ħamis 8 u l-Ġimgħa 9 ta' Marzu ta' din is-sena daħal l-ilma, tant li dan il-kumpless sportiv ġie flooded? Jista' jgħid x'passi ttieħdu jew se jittieħdu minħabba li jirriżulta li mhux l-ewwel darba li ġara dan il-fatt? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm xi attivitajiet li kellhom jitħassru minħabba li daħal l-ilma? Jekk fl-affermattiv, liema kienu dawn l-affarijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-fatt ġie rapportat fi stqarrija pubblika tat-8 ta' Marzu 2007. Tlesta rapport tekniku għall-konsiderazzjoni tal-periti tad-Dipartiment tax-Xogħolijiet. Dawn diġa taw ir-reazzjoni tagħhom. Ser isir xogħol biex jiġi rimedjat l-inkonvenjent. Għajr l-avveniment imsemmi aktar il' fuq li xorta nżamm f’kumpless ieħor, ebda attivita’ ma ġiet mħassra.

Qasam Edukattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħditiet ma' l-MUT dwar it-tibdil fil-qasam edukattiv? Jista' jgħid ukoll x'se jiġri mill-fondazzjoni għas-servizzi edukattivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-proċess għadu għaddej. F'dan l-istadju l-FES ser tkompli tagħti s-servizzi tagħha.

Universita' — Reġistratur

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24213 u jgħid: Ir-reġistratur ta' l-Universita' kemm-il kariga oħra (barra reġistratur) jirrikopri fl-Universita' jew f'enti direttament jew indirettament marbutin ma' l-Universita' u kemm jitħallas ta' dawn il-karigi? Xi kwalifiki għandu r-reġistratur?

Response (GALEA, LOUIS)

Is-Sur Anthony Gellel huwa Reġistratur ta' l-Universita' u jokkupa biss din il-kariga bl-impenji kollha li ġġib magħha bħal, per ezempju, Segretarju tas-Senat u ta' kull Bord ta' Fakulta'. Informat ukoll li s-Sur Gellel kellu esperjenza twila bħala għalliem regolari, Diploma fl-Amministrazzjoni u Management fl-Edukazzjoni mill-Universita' ta' Malta, u esperjenzi u ħiliet ippruvati fl-Amministrazzjoni Edukattiva. Ilu ħmistax-il sena iservi bħala Reġistratur għas-sodisfazzjon sħiħ ta' l-Universita'.

Bibljoteka ta' l-Universita' — Xiri ta' kotba

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24215 u jgħid kemm flus jintnefqu fis-sena fix-xiri ta' kotba ġodda għall-Bibljoteka ta' l-Universita'? Sodisfatt il-Ministru bl-ammont ta' flus li jintnefqu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Universita' — Fakulta' ta' l-Arti u l-Liġi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24220 u jgħid jekk huwiex sodisfatt bl-andament tal-ħatriet ta' lecturers u tutors fil-Fakultajiet ta' l-Arti u l-Liġi fl-Universita'? Huwa sodisfatt il-Ministru bil-ħatra ta' iben ir-reġistratur bħala lecturer?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-ħatriet ta' lecturers u tutors fl-Universita' jsiru skond il-liġi u l-Ministru ma jkollu l-ebda sehem. Informat li l-proċess tal-ħatra ta' Dr Adrian Gellel kien wieħed miftuħ li segwa l-proċeduri normali ta' l-Universita'.

Fakulta' ta' l-Arti/tal-Liġi — Lecturers u Tutors

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24217 u jgħid min huma l-lecturers u tutors li nħatru mingħajr ma ħarġet sejħa fil-Fakulta' ta' l-Arti u fil-Fakulta' tal-Liġi f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull ħatra (appointment) ta' lecturer fl-Universita' ssir wara sejħa għall-applikazzjonijiet. B'danakollu f'kull Fakulta' jkun hemm il-bzonn li jkunu mistiedna persuni biex jipparteċipaw f'xi qasam tat-tagħlim f'xi semestru partikolari. Dan isir jew meta l-persuni mistiedna jkollhom esperjenza jew speċjalizzazzjoni f'xi qasam li jkun tajjeb li jagħtu l-kontribut tagħhom jew meta jkun meħtieġ li tkun koperta l-assenza ta' xi lecturer regolari. Persuni hekk mistiedna mhux meqjusa li għandhom ħatra ta' lecturer.

Fakulta' ta' l-Arti/Fakulta' tal-Liġi — Lectureship u Tutors

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24216 u jgħid fl-aħħar ħames snin kemm-il post ta' lectureship u tutor ingħata mingħajr sejħa fil-Fakulta' ta' l-Arti u fil-Fakulta' tal-Liġi?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 24636.

Universita' — Fakulta' tat-Teoloġija - Lecturer

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24219 u jgħid meta nħatar iben ir-reġistratur bħala lecturer fil-Fakulta' tat-Teoloġija, kienet inħarġet sejħa? Min kien applika għal din is-sejħa? Min kienu l-membri tal-bord ta' l-għażla? X'inhuma l-kwalifiki ta' iben ir-reġistratur (mhux biss gradi, eż. BA, MA, imma wkoll kategorija, eż. 1st class upper, distinction, etc.)?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li Dr. Adrian Gellel inħatar Assistant Lecturer wara sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post fil-Cathecetics li ħarġet fis-26 ta' Jannar 1996 u li għaliha kien hemm zewġ applikanti, inkluz Dr. Gellel. Il-Bord appuntat mill-Kunsill kien magħmul minn: Rettur Rev. Prof. G. Grima, Dekan, Fakulta' tat-Teoloġija Prof. K. Wain, Dekan, Fakulta' ta' l-Edukazzjoni Rev. Prof. J.A. Frendo Dr. P. Heywood Il-kwalifiki ta' Dr. Gellel huma: Certificate in Youth Studies B.Ed (Hons) - 2nd Class Hons (Upper) Licenzia in Scienze dell'Educazione (Universita' Pontificia Salesiana) Magna Cum Laude Dottorato in Scienze dell'Educazione (con Specializzazione in Pastorale Giovanile e Catecethica) Summa Cum Laude.

Floriana — Sala Robert Sammut

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'użu qed isir mis-sala Robert Sammut fil-Floriana u minn liema enti qed tiġi wżata? Jista' jgħid ukoll xi pjani hemm għal dan il-post fil-futur qarib?

Response (GALEA, LOUIS)

Is-Sala Robert Samut fil-Floriana isservi bħala ċentru ta' konferenzi, seminars, laqgħat u wirjiet. Tista' tintuza minn kull ente jew organizzazzjoni, pubblika jew privata, wara li tipprenota l-attivita' ma' l-uffiċjali tad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni responsabbli. Il-pjani għal dan il-post tfasslu fil-bidu ta' l-2000 biex din il-Knisja Metodista li waqgħet f'idejn il-Gvern Malti tiġi restawrata u konvertita f'Ċentru Nazzjonali għall-Konferenzi. Il-pjani twettqu u l-post qed jilħaq l-iskop tiegħu.

Edukazzjoni, Zgħażagħ u Impjiegi — Lista' tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ismijiet kollha tal-persuni li jinsabu jaħdmu fis-segretarjat u fil-ministeru? X'inhu x-xogħol ta' kull persuna u minn meta bdew jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub dwar il-persuni tas-Segretarjat kien diġa' tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta preċedenti.

Kulleġġi — Precincts Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-aħħar ġewx maħtura xi persuni bħala precincts officers fil-kulleġġi? Jekk fl-affermattiv, min ġie magħżul u kif u għal liema kulleġġi? Jista' jgħid x'inhu l-ħlas u l-allowances tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-proċess għall-ħatra ta' Precincts Officers tal-Kulleġġi għadu qed jieħu l-kors tiegħu.

Eżamijiet tas-SEC u MATSEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont li ħallsu l-istudenti li se joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC u SEC separatament li se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin? Kien hemm min ma ħallasx dak li kien dovut?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk :- Sec - Mejju 2007 MATSEC Mejju 2007 Total Ħlasijiet Lm317,615 Lm163,736 Lm481,351 Eżenzjonijiet Lm 456 Lm 41 Lm 497.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Kiri ta' vannijiet u trakkijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew vannijiet u trakkijiet bid-driver u mingħajr, mill-ministeru u enti oħra li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 sal-lum, xahar b'xahar, u jgħid l-ispiża x'kienet f'kull każ u mingħand min saret il-kirja?

Response (GALEA, LOUIS)

It-taghrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Supply kindergarten assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk supply kindergarten assistant li ilha taħdem f'dan ix-xogħol għal aktar minn erbgħa snin, tistax tapplika biex issir full time minkejja li ma jkollhiex warrant? L-esperjenza ta' snin f'dan ix-xogħol jista' jiġi kkonsidrat bħala kwalifika biex tkun tista' tingħata warrant jekk ikun hemm bżonn?

Response (GALEA, LOUIS)

Diffiċli tingħata tweġiba ġenerali. Napprezza jekk l-Onor. Membru jgħaddili d-dettalji ta' l-individwu konċernat biex nipprokuralu t-tagħrif meħtieġ skond il-kaz.

Kindergarten Assistants — Diploma Course

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir diploma course fl-Universita' ta' Malta għall-kindergarten assistants?

Response (GALEA, LOUIS)

Minn data li għad trid tiġi stabbilita l-kwalifika minima biex persuna tkun eleġibbli taħdem bħala Kindergarten Assistant ser tkun Diploma fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Meta din id-data tiġi stabbilita l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni avvanzata u ogħla jiġu informati biex ikunu jistgħu ifasslu u jorganizzaw il-korsijiet meħtieġa. Naturalment jingħata zmien bizzejjed biex il-korsijiet meħtieġa ikunu saru u jkun hemm l-ewwel grupp ta' gradwati.

Skejjel — Ilmenti dwar student

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa ħalli tifel, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li għandu mġieba diffiċli ma jibqax itellef lit-tfal l-oħra u dan wara li rċevejt numru ta' lmenti minn ġenituri li għandhom it-tfal tagħhom fl-istess klassi? Jista' jara wkoll, permezz ta' persuni nkarigati apposta, li dan l-istess tifel jiġi riferut lill-Aġenzija Appoġġ jew lil xi social worker?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tifel konċernat għandu servizz ta' one to one facilitator full-time. Għalhekk kull meta jkun hemm bżonn il-facilitator joħroġ lit-tifel mill-klassi. Peress li t-tifel hu każ diffiċli ġie riferut lill-iSchool Psychological Services. Informat ukoll li dan il-każ ġie riferut lill-Welfare Section tad-Diviżjoni wkoll għal aktar għajnuna lit-tifel kif ukoll lill-familja tiegħu.

Floriana — Sala Robert Sammut

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju jinsab ir-refurbishment tas-Sala Robert Sammut fil-Floriana? Meta beda dan ix-xogħol u meta huwa maħsub li jitlesta? Min qed jagħmel dan ix-xogħol u kemm se jiġi jiswa?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol fuq is-Sala Robert Samut tlesta sentejn ilu. Inbeda mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u tkompla mill-FTS fl-2002. Ix-xogħol ġie jiswa Lm360,000 u sar permezz ta' tenders tad-Dipartiment tal-Kuntratti.