Billi fit-triq prinċipali ta’ Burmarrad, (qrib l-iScotts Supermarket) hemm żewġ postijiet fejn il-ħajt hu mwaqqa’ (probabilment wara xi inċidenti tat-traffiku), u anke hemm crash barrier li hi mkissra, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din il-ħsara tiġi msewwija?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti iżjed dettalji dwar iż-żewġ postijiet fejn il-ħajt huwa mwaqqa’. Rigward il-crash barrier, din ġiet miżjuda mal-lista ta’ tiswijiet li jridu jsiru skont il-prijoritajiet.
Billi issa għaddew numru ta' ġimgħat minn mindu t-tabella għad-daħla ta’ Buġibba/ Qawra, fl-inħawi ta' Kennedy Grove tkissret, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex mingħajr iktar dewmien din it-tabella terġa' titqiegħed f'postha?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 26797.
Billi l-ħruġ għall-Coast Road, quddiem Kennedy Grove tasal għalih minn triq li hi mħarbta, u li kompliet titħarbat minħabba x-xogħol li sar fuq l-istess Coast Road, jista' l-Ministru jassigura li din il-parti tat-triq li mhijiex mogħtija tarmac tingħata wiċċ, qabel ma tkun il-kawza ta' xi inċidenti li jistgħu jkunu wkoll fatali?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti iżjed dettalji dwar il-ħruġ li għalih qiegħed jirreferi.
Billi quddiem il-ħruġ f’salib it-toroq li tgħaqqad it-triq prinċipali ta' Burmarrad mat-telgħa tal-Wardija hemm parti mill-bankina li hi nieqsa (in-naħa l-oħra tat-triq fejn hemm il-bankina), jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jieħu l-passi neċessarji biex fil-fatt din il-parti tal-bankina li hi nieqsa ssir, biex jiġi evitat periklu għal dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħadet nota tas-suġġeriment u se tindirizza il-kwistjoni skont il-ħtieġa u prioritajiet.
Billi numru ta' Belisha lights madwar San Pawl il-Baħar huma bil-ħsara, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jassigura li ssir spezzjoni fuq dawn l-istess lights, u fejn meħtieġ jiġu msewwija, minħabba l-fatt li dawn jistgħu jkunu ta' periklu għal dawk li jaqsmu minn fuq l-istess zebra crossings li hemm fl-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti iżjed dettalji (t-triq) ta’ fejn jinstabu dawn il-belisha lights. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-belisha lights li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta huma dawk li jinstabu f’dawn it-toroq:
Xatt il-Pwales
Telgħa tax-Xemxija
Triq ta’ Xifer il-Kief
Kennedy Drive
Dawret San Pawl il-Baħar
Triq Burmarrad
Triq Toni Camilleri
Il-belisha lights tul it-toroq imsemmija jiġu spezzjonati minn Transport Malta kull ħmistax.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'permessi nħarġu minn Transport Malta għal xogħol li sar fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, fl-1 ta' Awwissu 2016? Għal liema xogħol inħarġu l-permessi? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt ix-xogħlijiet li ħarġu l-permessi għalihom sarux kif kien miftiehem li jsiru? Minbarra hekk, jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlitx xi koordinazzjoni ma' Transport Malta dwar dan ix-xogħol li sar? Jekk iva, min ikkoordina x-xogħol, u x'kundizzjonijiet ġew imposti dwar l-istess xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija taqa’ taħt l-iskeda maħruġa mill-Awtorità tat-Turiżmu biex ma jsirx xogħol f’ċerti toroq minħabba li jaqgħu f’żoni turistiċi, u l-Awtorità tagħmel mill-aħjar biex tosserva din l-iskeda. Madanakollu, irriżulta li f’din it-triq ġie maħruġ permess tal-emerġenza fit-28 ta’ Lulju mid-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura fi ħdan Transport Malta minħabba li kien hemm drenaġġ difettuż.
Peress li dan hu permess ta’emerġenza, hi responsabilità tal-kuntrattur li jagħmel il-koordinazzjoni kollha. Il-kundizzjonijiet li ġew maħruġa fil-permess, mill-perit li kien inkarigat mill-emerġenza, kienu dawn:
- Li ma jagħlaqx it-triq;
- Li t-trasport pubbliku ma jiġix effetwat;
- Ikun hemm uffiċċjali biex jidderieġu t-traffiku;
- Jitneħħa l-parkeġġ minn faċċata jekk ikun hemm bżonn biex it-traffiku jgħaddi fiż-żewġ direzzjonijiet;
- Ix-xogħol jibda wara d-09:00am u għandu jieqaf fis-6:00pm
- Ma jsirx xogħol il-Ħadd 31 ta’ Lulju
-
Reinstatement
isir skont linji gwida li nħarġu f’Marzu 2016 mid-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura.
San Pawl il-Baħar u Buġibba – dgħajjes – rimi ta’ skart
Question
Billi jidher li xi sidien ta’ dgħajjes qed jarmu l-iskart li jkollhom fil-baħar, bil-konsegwenza li dan qed jiddaħħal mal-kosta fil-inħawi ta’ Buġibba u San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex tinġibed l-attenzjoni tas-sidien, li dan hu llegali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ġiet infurmata b’dan ir-rapport u ttieħdu passi sabiex isir infurzar iktar frekwenti u anki tinħareġ notifika lill-baħħara.
Billi saru numru ta' stqarrijet dwar il-mod li bih suppost ser ikun jista' jsir trasport bejn Malta u Għawdex, kemm għal dak li jirrigwarda l-mina, kif ukoll għal dak li jikkonċerna mezzi oħra ta' trasport, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema studji saru fuq kull wieħed mill-mezzi li hu mistenni li jiġi investigat? Min għamel dawn l-istudji, u jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istess studji?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġibiet li ngħataw s’issa fuq dan is-suġġett. Kull informazzjoni oħra f’dan ir-rigward titħabbar fil-mument opportun.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir kors ieħor għal dak li jikkonċerna persuni li jkunu ċertifikati biex joħorġu ċertifikat ta' energy performance? X'qed iżomm biex tali kors jerġa’ jinżamm, meta hemm tant nies li jixtiequ jagħmlu dan il-kors, u hemm ukoll ħtieġa għalih fis-suq?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar spezzjonijiet fuq il-pelican lights li hemm f'Mosta Road, San Pawl il-Baħar? Billi dawn il-lights qed iservu iktar ta’ tfixkil minflok ikunu ta’ għajnuna għat-traffiku, jista' jieħu l-passi neċessarji biex it-timing ta' dawn il-lights jiġi aġġornat skond il-ħtiġijet tal-area?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pelican lights kollha jiġu ċċekjati kull xahar sabiex ikun żgurat li qed jaħdmu kif suppost. It-timings ta’ dawn il-lights partikulari ġew ssetjati bħal oħrajn fl-istess sistema, u qatt ma nħasset il-ħtieġa li jiġu mibdula.
Billi jidher li numru ta' arbli twaħħlu minn entitajiet differenti fuq bankini differenti, f'diversi toroq f’San Pawl il-Baħar, , jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Transport Malta tordna lill-entitajiet li waħħluhom biex jaqilgħuhom minn fejn qegħdin, minħabba l-inkonvenjenzi li qed joħolqu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti iżjed dettajli sew dwar il-post kif ukoll it-tip ta’ arbli li għalihom qed jirreferi.
Bypass ta’ San Pawl il-Baħar – tagħbija u ħatt ta’ merkanzija – ilmenti lill-Transport Malta
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta rċevietx ilment dwar ħatt ta' materjal fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar, liema ħatt qed isir b'mod regolari? Jekk iva, x'passi ttieħdu dwar dan?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta rċeviet ilment rigward il-każ li tressaq f’din il-mistoqsija parlamentari. Permezz tas-Sezzjoni tal-Infurzar fi ħdan Transport Malta, qed isir moniteraġġ iktar frekwenti tal-post indikat, sabiex dan l-abbuż jiġi mwaqqaf.
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għalfejn fit-30 ta' Awwissu ma kienx hemm servizz tat-trasport pubbliku fuq ir-Rotta 62 mill-Belt għas-Siġġiewi bejn is-14:30 u t-15:20?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li fit-30 t’Awwissu 2016, il-vjaġġ li kien skedat li jitlaq mill-Belt Valletta lejn is-Siġġiewi fit-3:15 ta’ wara nofsinnhar sar fil-ħin. Mill-banda l-oħra, il-vjaġġi li kienu skedati fis-2:35 u 2:55 ta’ wara nofs in-nhar ma sarux minħabba li x-xufiera li kellhom iwettqu dawn ir-rotot irrapurtaw ma jifilħux ftit qabel ma beda il-vjaġġ.
Żejtun – Triq tal-Barrani – central strip – barrier tal-ħadid
Question
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li ssir barrier tal-ħadid fis-central strip li hemm taqsam iż-żewġ lanes fi Triq tal-Barrani, iż-Żejtun u dan fid-dawl tad-diversi inċidenti li seħħew f’din it-triq fejn karozzi jitilfu l-kontroll u jaqbżu għal-lane l-oħra bil-konsegwenza li jiġu head on ma’ min ikun għaddej għall-affari tiegħu fil-lane l-oħra? Billi s-central strip hi pjuttost baxxa u tinqabeż malajr, jista’ l-Ministru jikkunsidra dan is-suġġeriment?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li xogħlijiet bħal dawn isiru abbażi ta' prioritajiet nazzjonali, fondi disponibbli u l-proċess tal-akwist.
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn nhar it-Tlieta 30’ t’Awwissu ma kienx hemm servizz tat-trasport pubbliku fuq ir-rotta numru 62 mis-Siġġiewi għall-Belt fil-5:30 u l-istess il-Ġimgħa 2 ta’ Settembru fil-5:30 u fis-6?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi fit-30 t’Awwissu 2016, il-vjaġġ li kien skedat li jitlaq mis-Siġġiewi lejn il-Belt Valletta fil- 5:36 ta’ filgħodu sar għalkemm telaq 6 minuti tard.
Infurmat ukoll li fit-2 ta’ Settembru 2016, il-vjaġġ li kien skedat li jsir mis-Siġġiewi fil-5:56 ta’ filgħodu sar għalkemm telaq ftit minuti tard. Mill-banda l-ohra, il-vjaġġ li kien skedat li jitlaq fil-5:36 ta’ filgħodu ma sarx minħabba li x-xufier irraporta li ma kienx jiflaħ u ma kienx hemm żmien biżżejjed sabiex jinstab xufier ieħor sabiex jagħmel dan il-vjaġġ.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26569, dwar mollijiet fl-inħawi tas-Salina, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm spezzjoni fuq il-post, mill-perit tad-dipartiment? Jekk iva, min għamel dawn l-ispezzjonijet, u x'irriżulta minnhom? X'passi huma mistennija li jittieħdu wara dawn l-istess spezzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hu ppjanat li l-ispezzjoni u r-rapport tal-imsemmija mollijiet jitlesta sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'qed iwassal biex il-pelican lights li hemm matul it-Triq tal-Kosta jibqgħu ma jsirux? Meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol li fadal fuq dawn l-istess lights peress li suppost tlestew sa' Marzu 2016, u sa issa għadhom ma sarux?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-offerent magħżul ipprovda materjal difettuż u qiegħed jirrifjuta li jsegwi id-direzzjoni ta’ Transport Malta biex tiġi riżolta l-kwistjoni. Għaldaqstant Transport Malta qed tieħu l-passi kollha neċessarji, kemm legali u kuntrattwali, sabiex din il-problema tiġi ndirizzata kemm jista’ jkun malajr.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26467 dwar clamping, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu l-iżviluppi li seħħew mid-data tar-risposta sal-lum?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta akkwistat il-clamping devices imsemmija. Bħalissa għaddej proċess sabiex isiru emendi fil-liġi sabiex l-uffiċjali tal-infurzar tal-Awtorità jkunu jistgħu iwettqu clamping ta’ vetturi.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha l-parti mir-railing (crash barrier) li hemm fi Triq F. Ximenes, is-Salina, e¿att fuq il-Coast Road, għadha ma saritx? Jista' jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li din l-istess parti tar-railing titqiegħed f'postha, biex jiġu evitati l-perikli li hemm bħalissa?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26784 fejn ġie kkjarifikat diġà li x-xogħol fuq dawn ir-railings kien twaqqaf minħabba nuqqas ta’ qbil bejn dak li xtaqu r-residenti u dak li kienet ppreparat Transport Malta. Wara li ntlaħaq ftehim, il-proċeduri neċessarji biex jinbidel ix-xogħol u tiżdied in-nefqa kellhom bżonn il-ħin tagħhom u għalhekk id-dewmien. Transport Malta għadha kemm ikkonfermat l-ordni għax-xogħol minngħand il-kuntrattur u għaldaqstant il-kuntrattur qed jimmanifattura r-railing neċessarju.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-parking, li hemm indikat b'tabelli matul Triq il-Kosta, limiti ta' San Pawl il-Baħar, qabel ma’ tasal ħdejn ix-sheds li hemm fis-Salini jingħata t-tarmak? Dan għaliex bħalissa hu prattikament impossibli li wieħed jipparkja, minkejja li hemm indikat li hemm parkeġġ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ġabet approvazzjoni mill-Awtorità tal-ippjanar għal parkeġġ propost u fil-ġimgħat li ġejjin għandha tiġi ppublikata sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet.