Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dingli — Triq Ġuże Maria Abela

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se titkompla u titlesta Triq Ġuże Maria Abela, Dingli?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-kuntrattur mqabbad biex jasfalta din it-triq ħarġitlu order to start work sabiex ikun jista' jibda x-xogħol ta' l-asfalt.

Toroq — Nefqa

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi b'mod dettaljat mistoqsija 35626, cioe' jista' jagħti breakdown dettaljat tan-nefqa ta’ Lm30.0 miljuni li l-Prim Ministru semma li ntefqu f’toroq f’dawn l-aħħar erba' snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35459.

Exhaust tal-Vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jsir mid-dipartiment tat-trasport biex jitnaqqsu l-veleni tossiċi li joħorġu mill-exhaust tal-vetturi biex b'hekk ikollna ambjent aħjar u jkun hemm anqas riskju għas-saħħa taċ-ċittadini?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet jitlob ċertifikat tal-VRT (kull sena jew sentejn skond il-kategorija tal-vettura) qabel tiġġedded il-Liċenzja tat-triq. Parti importanti minn dan it-test hija l-emissions ta' l-exhaust. Mill-1 ta' Jannar 2002, kull vettura li ma tgħaddix mit-test li jsirilha fuq l-emissions ma tingħatax ċertifikat tal-VRT. Il-parametri tat-test fuq l-emissions ta' l-exhaust ingħataw fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari nru 32173.

Testijiet fuq Vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk isirux testijiet għall-għarrieda fuq vetturi biex ikun żgurat li ma jkunux qed idaħħnu żżejjed u b'hekk iħammġu l-ambjent? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti l-figuri dwar kemm-il vettura twaqqfet u x'riżultati kien hemm? X'passi ttieħdu? X'apparat jintuża għal dan il-għan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li preżentament mhumiex isiru testijiet għall-għarrieda fuq vetturi biex ikun żgurat li ma jkunux qed idaħħnu żżejjed.

Wied il-Għajn — Triq ir-Rumi

Question

Jista' il-Ministru jinterveni personalment biex Triq ir-Rumi, f'Wied il-Għajn tiġi rranġata għaliex din it-triq kienet inqalgħet biex saret trinka fiha u qatt ma ġiet irranġata sew bil-konsegwenza li llum din tħaffret u tinsab fi stat ħażin ħafna? Billi għall-mistoqsijiet oħra li jien għamilt fil-passat kont ġejt aċċertat li kienu se jittieħdu passi biex din it-triq tiġi rranġata u billi minkejja li għaddew snin baqa' ma sar xejn, possibbli jsir sforz biex qabel tidħol ix-xitwa din it-triq tiġi irranġata? Possibbli r-roads department jinnota li din hi triq dejqa u ma tinvolvix ħafna xogħol u li f'din it-triq minbarra residenti jgħaddu minnha wkoll ħafna bdiewa bil-bejgħa tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari No.19907 u li m'hemm xejn aktar xi nżied magħha.

Ħal Għaxaq — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm illi t-toroq f'Ħal Għaxaq fil-kontrada tal-Millieri, tal-Qattus u toroq oħra bħal Triq Telleritu jinbdew stante illi fit-tweġiba għall-mistoqsija simili kienet pożittiva, iżda sal-lum għadu ma nbeda xejn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31453

Gudja — Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' asfaltar ta' toroq f'Ta' Xlejli fil-Gudja, fuq liema suġġett jien ili nagħmel domandi f'dan il-parlament peress li l-istat ta' dawn it-toroq huwa atroċi u perikoluż ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li wara diversi laqgħat li saru mill-uffiċjali tal-Ministeru, mal-Kunsill Lokali Gudja dwar ftehim ta' xogħol fil-Gudja, il-kuntratt ta' ftehim bejn iż-żewġ naħat mistenni jiġi ffirmat iktar tard dan ix-xahar. Tajjeb wieħed ifakkar li t-toroq imsemmija, minkejja li issa ser isiru mill-Gvern Ċentrali skond il-ftehim li ser jiġi ffirmat mal-Kunsill Lokali, kienu toroq li meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali kienu diġa' asfaltati.

Fgura — Triq Hompesch - Ġiebja

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-kejl (minn ġewwa) tal-ġiebja li qiegħda tinbena fi Triq Hompesch, Fgura, ħdejn l-HSBC? Kemm hu l-volum ta' din il-ġiebja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-ġiebja li qed jirreferi għaliha l-Onor.Interpellant fiha 14m X 14.5m u fonda 5.8m u kkalkulata li se tesgħa 1177 cu.m.

Utilities

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 34724 u jinformana jekk il-konsultazzjoni ma' l-utilities humiex konklużi? F'każ affermattiv, meta se joħorġu l-offerti biex isir ix-xogħol meħtieġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq għad m'għandux l-informazzjoni kollha mingħand il-utilities.

Traffic Control Board — Raħal Ġdid

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jitħejja pjan mit-traffic control board u l-kunsill lokali biex issir sistema tat-traffiku fejn in-niċċa tal-Madonna ta' Lourdes fid-daħla ta' Paola Hill?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta qegħda tagħmel il-pjanti biex isir proġett ta' traffic management fil-lokalita' msemmija.

Ħamrun — Triq it-Tramm

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar Triq it-Tramm fil-Ħamrun u jgħid: 1) X'inhu jżomm li tiġi esproprijata dik il-parti li tagħmel mat-Triq Prinċipali waqt li fl-istess ħin tiġi salvagwardjata l-entratura privata li teżisti? 2) Jekk din it-triq tistax tiġi asfaltata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport għad m'għandha l-ebda talba mill-propjetarju tal-fond li għandu din il-fetħa għat-triq sabiex l-art imsemmija tiġi esproprijata.

B'Bugia — Triq L-Immakulata Kunċizzjoni, Bengħajsa

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija 35551, dwar Triq l-Immakulata Kunċizzjoni Bengħajsa B'Buġia, jista' il-Ministru jgħid x'rapport kellu min-naħa tad-dipartiment tat-toroq wara l-ispezzjoni li dan id-dipartiment kellu jagħmel fit-triq imsemmija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi fl-ispezzjoni li wettqet l-Awtorita' dwar it-Trasport ġie stabbilit illi x-xogħol meħtieġ jikkonsisti fi tqegħid ta' wiċċ ġdid f'din it-triq, inkluż dawk il-partijiet tagħha fejn sar twessiegħ. Dan ix-xogħol hu stmat li jammonta għal madwar Lm33,000. L-Awtorita' irrapurtat li x-xogħol meħtieġ fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellanta qiegħed fil-programm ta' asfaltar ta' toroq ma' Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' jsir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.

San Pawl il-Baħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta sejrin jinbdew x-xogħlijiet fi Triq magħrufa bħala x-Xagħra tal-Bandieri f'San Pawl il-Baħar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-area inkwistjoni hi milquta minn diversi problemi, fosthom dik li m'hemmx triq ippjanata, u għalhekk hu diffiċli li jsir xogħol ta' bini tat-triq.

Żejtun — Triq id-Dwiemes

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li parti żgħira minn Triq id-Dwiemes, Żejtun li bħalissa qed tiġi rranġata se tiġi dejqa madwar 18-il pied meta l-kumplament tat-triq hi ferm aktar wiesgħa? Hemm raġuni għaliex f'din il-parti żgħira tat-triq li se tiġi daqstant dejqa ma ttiħidx imqar pied minn kull naħa tal-bankina la darba hemm bankina wiesgħa aktar minn metru fuq kull naħa tat-triq? X'passi ttieħdu fuq petizzjoni li saret mir-residenti li joqogħdu fil-parti ta' din it-triq li lmentaw fuq il-fatt li quddiemhom it-triq se tiġi daqstant dejqa? Kif għadha ma saritx it-triq, possibli jittieħdu passi mmedjati biex din il-parti tat-triq titwessa' ftit ieħor għax hemm min għandu nġenji kbar li ma jistax joħroġhom mill-garaxx?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi fil-parti li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ix-xogħol sar skond il-linja mogħtija mis-surveyors ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u jirrifletti l-iskema tal-bini f'dik iż-żona. Biex il-linja tat-triq tinbidel u t-triq tkun tista' titwessa hemm proċeduri li jsiru mis-sidien tal-propjeta' li tagħti fuq it-triq ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u li s'issa għad qatt ma saru.

Tneħħija ta' Fdalijiet ta' Tarmac

Question

Jista` l-Ministru jara jekk hux possibli li jittieħdu passi immedjati biex munzell ta' fdalijiet ta' tarmac li kien fadal żejjed u li tħallas fi Triq Monsinjur Sidor Formosa, F'Tal-Plier, Ħaż-Żabbar jiġi mneħħi għaliex diġa` hemm min qed ikompli jitfa` ż-żibel u l-imbarazz fuqu.

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-Awtorita' tat-Trasport għaddiet l-informazzjoni lill-Kunsill ta' Ħaż-Żabbar, sabiex isir it-tindif u jkun żgurat li ma jintefax skart ieħor, peress illi t-tindif tat-toroq lokali jsir mill-Kunsill.

MIDI

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-tunnel li sejra ssir ġewwa Tigne mill-MIDI hux sejjer isir skond l-istandards tas-safety equipment in road tunnels maħruġin mill-European Commission Energy & Transport? Kemm ser isiru emergency lanes or bypass? Kemm ser isiru emergency stations? Kemm ser isiru traffic surveillance? Kemm ser isiruventilation systems? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda l-pjanta ta' dan it-tunnel?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposti mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 34774 u 35265.

Tqegħid ta' Tarmac

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm il-kilometru tarmac ingħata mill-gvern ċentrali f': 1 Raħal Ġdid, 2 Santa Luċija, 3 Gudja, 4 Raħal Ġdid ta' Lourdes u 5 Marsa?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qegħda tinġabar u r-risposta tingħata f' seduta oħra.

Żejtun — Triq id-Dwiemes

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fl-aħħar hux se issir Triq id-Dwiemes, Żejtun? Jekk iva, meta maħsub li jibda x-xogħol? Kemm hu maħsub li se jiġi jiswa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li diġa ingħata kuntratt lill-kumpanija Asfaltar Ltd. għax-xogħol ta' kostruzzjoni u asfaltar. Ix-xogħol ta' formazzjoni tat-triq u l-bankina tlesta u jonqos biss li jingħata l-asfalt li ser isir f'dawn il-ġranet. Ix-xogħol kollu fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant se jiswa qrib Lm20,000.

MEPA

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-iskop għall-applikazzjoni li saret lil MEPA, GF 3206/02?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-applikazzjoni lill-MEPA li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant saret mill-Awtorita' tat-Trasport sabiex jiġu stabiliti kriterji għal Environment Impact Assesment tat-toroq arterjali li ser jikkostitwixxu l-ewwel fażi ta' pjan ta' restawr u upgrading ta' toroq li jkun jista' jiġi ffinanzjat minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea meta Malta tissieħeb fl-Unjoni.

Ħ'Attard — Triq il-Pjazzetta

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi permess għal reserved parking fi Triq il-Pjazzetta, Ħ'Attard?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għal-Maniġġ għat-Traffiku ma għadda l-ebda permess għal reserved parking fi Triq il-Pjazzetta, Ħ'Attard.