Legislature:
Category:
Reset
Active:

Siġġiewi — Kaxxa ta' l-ittri

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux possibli li terġa titpoġġa lura kaxxa ta’ l-ittri fil-viċinanzi tad-dar numru 5, Triq Ramija, Siġġiewi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jien infurmat minn Maltapost li ġa hemm kaxxa ta' l-ittri fl-istess triq, jiġifieri Triq Ramija, Siġġiewi ħdejn il-Housing Estate tal-Gvern. Din tinsab mhux aktar minn ftit metri bogħod mill-lokalita' msemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Ħ'Attard — Posta - Kaxxi ta' l-ittri

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux possibli li titpoġġa kaxxa ta’ l-ittri fil-viċinanzi ta’ Triq Kananea u Triq ż-Żragen f’Ħ’Attard peress li l-popolazzjoni f’dawn l-inħawi kibret mhux ħazin fl-aħħar snin u l-kaxxi ta’ l-ittri l-oħra jinsabu diversi toroq il-bogħod?

Response (GATT, AUSTIN)

Fir-rigward ta' talba għal kaxxa ta' l-ittri fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant , jien infurmat li minn eżerċizzju magħmul minn Maltapost fl-inħawi ta' Ħ'Attard, jirriżulta li fil-viċinanzi ta' Triq Kananea u Triq iż-Żraġen hemm żewġ kaxxi ta' l-ittri. Dawn jinsabu waħda fi Triq Santa Katerina ħdejn il-Housing Estate, u oħra fi Triq il-Linja ħdejn in-Nicholson Supermarket u għalhekk għal issa ma għadx hemm il-ħtieġa li l-kaxxi ta' l-ittri fl-istess inħawi jiżdiedu.

Żejtun — Enemalta

Question

Jista' l-Ministru permezz ta' l-Enemalta ġentilmenmt jinfurmnani x'wassal biex fil-15 ta' Ġunju 2003, fil-festa taż-Żejtun fl-għaxija, mar id-dawl ta' barra u ġewwa fil-parti ċentrali taż-Żejtun fosthom fil-pjazza u fl-inhawi ta’ madwar il-knisja? X'wassal għal din il-ħsara u għaliex dam daqshekk biex is-servizz ġie għan-normal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi skond ir-records ta' l-Enemalta din l-interruzzjoni ġiet irrekordjata għall-ħabta ta' l-għaxra u kwart u l-provvista reġgħet ġiet lura għall-ħabta tal-kwarta. Il-qtugħ tad-dawl ġara minħabba illi t-transformer fis-substation ta' Gwiedi tgħabba żżejjed waqt il-festa tar-raħal. Inżid ingħid illi hu maħsub illi l-bini ta' substation ġdida fi Triq is-Suq ,iż-Żejtun, ser itejjeb il-provvista ta' l-elettriku.

Malta Drydocks — Tiswija ta' vapuri

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vapuri li qed issirilhom tiswija fil-Malta Drydocks bħalissa? Hemm vapuri oħrajn li se jidħlu għat-tiswija fil-Malta Drydocks fil-futur qarib? Meta hu maħsub li se jibda x-xogħol fuqhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Bħalissa fil-Malta Drydocks hemm 8 vapuri, li qed issirilhom tiswija. Hemm 7 vapuri oħra li se jidħlu fil-Malta Drydocks fil-futur qarib.

Tarzna — Racks tal-boiler makers

Question

Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni dwar x'tip ta' xogħol sar fl-ex racks tal-boiler makers ħdejn Baċir nru. 3? Kemm kienet l-ispiża ta' dawn ix-xogħlijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol li sar fl-ex racks tal-boiler makers ħdejn baċir Numru 3 kien biex l-istess post jinbidel f'uffiċini u ħwienet tax-xogħol biex jintużaw fil-proġett Palmer Johnson. Peress illi l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija hija ta' natura kummerċjali ma jaqbilx li jingħataw dettalji.

Tarzna — Ħaddiema barranin

Question

Peress li f'mistoqsija parlamentari l-Ministru semma' tliet persuni bħala barranin impjegati t-Tarzna, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm numru ta' ħaddiema barranin mas-sezzjoni ta' l-armar ta' l-iscaffolding?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li m'hemm l-ebda ħaddiem barrani mpjegat mas-sezzjoni tal-armar ta' l-iscaffolding fit-Tarzna ta' Malta.

Baċir — Numru 1 - Bormla

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'hiex kien jikkonsisti l-ftehim sabiex il-moll u l-imħażen fuq il-baċir numru 1 ta' Bormla intuża minn kumpanija tal-films?

Response (GATT, AUSTIN)

It-Tarzna kriet irmigg u 'storage area' ħdejn il-Baċir Nr. 1 lil 'Latina Pictures'. Il-ftehim kien jispeċifika ħlas għall kull ġurnata u it-tul tal-kirja.

Hardware/software applications — Impact analysis/assessment

Question

Il-gvern għamel impact analysis/assessment dwar l-impatt fuq hardware u software applications użati mill-gvern għal meta ssir il-bidla għal sistema XP compliant?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Dipartimenti governattivi — Disaster recovery plan

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti tal-gvern fejn il-MITTS għandhom disaster recovery plan effettiv? Liema huma dawk li m'għandhomx?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Onorevoli għandu jinnota li fil-postijiet kollha fejn il-MITTS Ltd topera jittieħdu 'back-ups' kuljum filwaqt li 'restores' ta' dawn il-'back-ups' jiġu testjati fuq bazi skedata, dan filwaqt li regoli stretti ta' 'house keeping' kif suppost jiġu segwiti. F'dawn l-aħħar tlett snin il-MITTS Ltd investit konsideralment fis-sigurta primarjament billi ġie mwaqqaf 'Disaster Recovery Centre' li preżentament ikopri tlett applikazzjonijiet kritiċi (Common Data Base, eMail u Department Accounting) kif ukoll ġie mwaqqaf dipartiment fi ħdan il-MITTS Ltd li jieħu ħsieb is-Sigurta u Riskji fir-rigward tal-Informazzjoni (Information Security and Risk Management Department). Ta' min jinnota wkoll li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru riċentament ħareġ ċirkulari fejn is-Segretarji Permanenti ġew informati dwar il-'Policy' fuq is-sigurta ta' l-informazzjoni li l-Gvern għandu jaddotta li hija bbażata fuq l-ISO 17799 standard. Fl-istess ħin il-Ministeri kienu qegħdin jiġu mitluba biex iwaqqfu Security Steering Committee u, jaħtru Uffiċjal għal Ministeri rispettivi tagħhom biex jieħdu ħsieb is-sigurta ta' l-Informazzjoni, kif ukoll biex jipprovdi il-leadership neċessarju u jieħdu azzjoni addatata fuq livell ministerjali f'dan ir-rigward.

Kumpanniji b'investiment pubbliku — Impjegati ġodda

Question

Jista' issa l-Ministru jwieġeb it-tagħrif mitlub f'mistoqsija parlamentari 383 u ċioe' tul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, jista' jgħid kemm ġew reklutati impjegati ġodda mal-kumpanniji b'investiment pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu? Jista' jagħti t-tagħrif kumpannija b'kumpannija?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MIMCOL — Ftehim kollettiv fi ħdan il-kumpanniji parastatali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-MIMCOL se twaqqaf unit apposta sabiex jieħu ħsieb il-ftehim kollettiv fi ħdan il-kumpanniji parastatali kollha? Jekk iva, dan ifisser li dan il-ftehim se jkun responsabbilta' tal-ministeru tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Huwa l-Gvern li se jwaqqaf Collective Bargaining Unit bil-għan li jieħu ħsieb u jagħti parametri lill-kumpaniji parastatali u entitajiet oħra fejn il-Gvern għandu interess. Il-MIMCOL ser tkun parti minn dan il-Unit. Hi se jkollha l-funzjoni li tagħti l-għajnuna lill dan il-Unit b'mod amministrattiv, użu ta' riċerka fil-qasam ta' ftehim kollettiv u konsulenza, kemm legali kif ukoll fil-qasam ta' relazzjonijiet industrijali. Il-Collective Bargaining Unit se jkun presedut minn rappreżentant tal-Ministeru tal-Finanzi.

Bormla

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir investigazzjoni dwar ilma ħiereġ ta' kuljum fi Triq ix-Xatt Bormla ħdejn il-ħanut Galea Sluta?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma diġa għamlet ċertu stħarriġ biex ikun stabbilit mnejn ħiereġ l-ilma iżda dan s'issa ma tax riżultat. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u ser jiġi stabbilit ukoll jekk dan l-ilma huwiex ilma tax-xorb.

Kummissjoni Ewropea — Oġġezzjonijiet dwar ftehim mal-Microsoft

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-ministeru dwar l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea għas-sensiela ta' ftehim li diversi gvernijiet, fosthom anke dak ta' Malta, iffirmaw mal-Microsoft?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza aktar ċara dwar l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li jagħmel riferenza għalihom fil-mistoqsija tiegħu.

Financial transactions permezz ta' payment gateway

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jibdew isiru financial transactions tad-dipartiment tat-taxxa permezz tal-payment gateway kif kien propost oriġinarjament? Huwa minnu li sal-lum għad hemm oġġezzjonijiet tal-Ministeru tal-Finanzi dwar dan għaliex ma jridux iħallsu persentaġġ ta' l-ammonti tat-transazzjonijiet finanzjarji lill-kumpanniji li lilhom ġie outsourced dan ix-xogħol fuq il-gateway?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa ppjanat li fil-futur il-payment gateway jibda jintuża għal numru kbir ta' servizzi elettroniċi. Għadu kmieni biex nirrispondi għat-tieni mistoqsija peress li bħalissa l-Ministeri konċernati qegħdin jiddiskutu l-parametri finanzjarji li bihom se tkun qegħdha topera din il-payment gateway.

MITTS/CIMU — Chairman

Question

Jikkonsidra l-Ministru li hemm nuqqas ta' kompatibilita' dwar il-fatt li l-MITTS li għandha rwol operational u ic-CIMU li hija aktar involuta f'xogħol ta' policy u ta' regolatur għandhom l-istess chairman?

Response (GATT, AUSTIN)

Iċ-CIMU m'għandhiex funzjoni ta' regolatur. Fejn jidħlu l-MITTS, iċ-CIMU tistabbilixxi t-'technical standards' għal sistemi ta' informazzjoni li jħaddem il-Gvern waqt illi l-MITTS tibni u tħaddem dawn is-sistemi. Ir-regolatur - jekk tista' issejjaħlu hekk - hi l-'Malta Standards Authority' li tfassal 'standards' għall-pajjiż kollu.

TERRANET — Outsourcing fuq il-payment gateway

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qed titħallas il-kumpannija TERRANET għall-outsourcing li sar lilha fuq il-payment gateway?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Terranet qed titħallas is-somma ta' LM12,000 fis-sena għal xogħol li ngħata lilha fuq il-payment gateway.

ISSP strategic plan — Information technology

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru tiegħu huwiex qed jaħdem fuq ISSP strategic plan għall-information technology għas-snin li ġejjin? Fiex wasal dan? Ġie approvat? Meta mistenni li jibda jiġi attwat?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.