Jista' l-Ministru jara hux possibbli li titpoġġa letterbox fl-area ta' Dun Salv Gatt Marsaxlokk?
Response (BONNICI, JOSEF)
Marsaxlokk, b'popolazzjoni ta' viċin it-tlitt elef ruħ, hu moqdi bi tlitt kaxxi ta' l-ittri; jiġifieri numru ogħla minn dak rakkomandat mill-Unjoni Postali Universali u ċioe' kaxxa għal kull tlitt elef resident. Għalhekk mhux indikat li titwaħħal kaxxa ta' l-ittri oħra fil-lokalita' msemmija.
Madanakollu ninsab infurmat li d-direzzjoni tal-Maltapost dejjem lesta tikkunsidra rakkomandazzjoni mill-Kunsill Lokali għal ċaqlieq ta' xi waħda jew aktar mill-kaxxi eżistenti b'mod li jitjieb is-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-average birth rate per women fl-aħħar sitt snin sena b'sena? Kemm kien l-average birth rate fost teenagers fl-istess żmien sena b'sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li ma jeżistix l-average birth rate per woman, naħseb li l-Onorevoli Membru qed jirreferi għat-total fertility rate (TFR) li tiegħu tista' tingħata l-medja għal numru ta' snin. Il-medja ta' total fertility rate għal dawn l-aħħar ħames snin hu ta' 1.80.
Teżisti wkoll il-Crude Birth Rate (CBR), ċioe' in-numru ta' twelidijiet ħajjin kull elf persuna tal-popolazzjoni f'nofs is-sena. Il-medja għal dawn l-aħħar ħames snin hu ta' 12.11.
L-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika ma għandux tagħrif għat-tieni parti tal-mistoqsija. L-informazzjoni li qed tintalab tinżamm fl-Isptar Karen Grech.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li huwa fl-aħjar interess ta' pajjiżna li nipproteġu l-industrija lokali tal-biedja fuq l-istess bażi ta' kontingenza li l-Istati Uniti tal-Amerika qed tipproteġi l-industrija tagħha ta' l-azzar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li lanqas fl-istess Stati Uniti ma hemm kunsens dwar l-għaqal tal-miżuri mħabbra mill-President Amerikan sabiex tingħata protezzjoni lill-industrija ta' l-azzar f'dak il-pajjiż. Dan għaliex hemm il-biża, li filwaqt li temporanjament jistgħu jitħarsu xi impjiegi f'industija oħra bħal dik tal-karozzi, li jagħmlu użu mill-azzar, min-naħa l-oħra ser ikollhom iħallsu prezz aktar għoli għalih minħabba it-tariffi li ġew imposti. Dan apparti ir-riskju ta' ritaljazzjoni li tista' tittieħed minn pajjiżi oħra u provvedimenti li tista' tadotta il-World Trade Organisation.
Għaldaqstant fil-każ ta' pajjiż żgħir bħal Malta, b'ekonomija tant miftuħa u fejn daqstant mill-attivita' ekonomika tiddependi mill-esportazzjoni, ma jreġix il-każ li nikkontemplaw miżuri simili.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu s-sigħat ta' overtime li saru matul is-sena li għaddiet mill-ħaddiema tekniċi, eċċ fid-dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-dekasteru?
Kemm minn dawn is-sigħat tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu?
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li ħadmu l-overtime u f'liema dipartiment sar dan l-overtime?
Response (BONNICI, JOSEF)
Hawn taħt qed nagħti l-informazzjoni mitluba rigward in-numru ta' sigħat li saru matul is-sena li għaddiet mill-ħaddiema tekniċi u oħrajn f'kull dipartiment, is-sigħat li tħallsu minnhom u kemm għad iridu jitħallsu.
Numru ta' ħaddiema Numru ta' sigħat Numru ta' sigħat
Dipartiment li ħadu overtime li nħadmu fl-2001 li tħallsu fl-2001
Ministeru (inklużi tlitt
Segretarjati Privati) 44 18,784 18,784
Diviżjoni tal-Kummerċ 90 1,847 1,808
Diviżjoni għall-Ippjanar
Ekonomiku 17 2,766 2,722
Diviżjoni tal-Konsumatur 22 1,118 1,118
Uffiċju Nazzjonali ta'
l-Istatistika 103 16,543 16,543
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni impjegati ma' Telepage sussidjarja tal-Maltacom? Kemm hemm minnhom li huma ta' nazzjonalita' barranija? X'inhi r-raġuni li barranin ġew magħżula flok Maltin għal kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar ġranet daħlux inġiniera mal-kumpannija Gozo Channel? Jekk fl-affermattiv, x'inhu n-numru ta' l-inġiniera li ġew ingaġġati? X'inhi n-nazzjonalita` ta' dawn l-inġiniera? Jekk fin-negattiv, hemm ħsieb li jiġu ngaġġati inġiniera mal-kumpannija msemmija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li b'seħħ mill-1 ta' Marzu ta' din is-sena, il-kumpanija Gozo Channel ingaġġat erba' Chief Engineers. Tnejn minn dawn l-inġiniera huma ta' nazzjonalita' Bulgara, li wieħed minnhom ġie ingaġġat wara li Bulgaru ieħor irriżenja, wieħed Eġizzjan u wieħed Tork.
Tajjeb jingħad li dawn l-inġiniera ġew ingaġġati wara li ma kienx hemm applikanti wara li saru l-proċeduri normali għall-impjieg f'kumpaniji parastatali.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport ta' l-investigazzjoni kif rakomandata fil-mistoqsija parlamentari 33306?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li saret riferenza għaliha qed tiġi ipproċessata. Din ħadet fit-tul prinċipalment minħabba li riedet tiġi investigata fid-dettal peress li l-post jinsab il-bogħod aktar mill-limitu li jipprovdu r-Regolamenti għall-Provvista ta' l-Elettriku (Electricity Supply Regulations). L-istima issa inħadmet u ġiet mibgħuta lill-applikant. Ix-xogħol ikun jista' jsir appena l-applikant jaċċetta l-istima li intbagħtitlu.
Jista' l-Ministru jinvestiga b'mod urġenti l-main ta' l-ilma fi Triq Zabbar, Paola (quddiem il-Fleming Pharmacy) li ilu ħiereġ ilma minnu għal dawn l-aħħar jumejn, u jara li jsirulu t-tiswijiet meħtieġa mill-aktar fis?
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet jew se tieħu l-Enemalta biex tiġi imsaħħa l-provivsta ta' dawl fl-inħawi tal-Bidni f'Ħaz-Zabbar/Wied il-Għajn? Billi hemm diversi ilmenti minn residenti dwar provvista baxxa tad-dawl li qed toħloq inkonvenjent lir-residenti, possibbli l-Enemalta tieħu l-passi meħtieġa biex din il-problema tiġi riżolta u biex ir-residenti jkunu infurmati dwar xi pjanijiet għandha l-Enemalta?
B'riferenza għall-mistoqsija preċedenti tiegħi jista' l-Ministru permezz ta' l-Enemalta jgħid x'passi ħadet l-Enemalta biex Triq is-Santwarju Zabbar tinxtgħel kollha għax s'issa din għadha mhux mixgħula kollha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li din it-triq hija fir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali. Il-Korporazzjoni Enemalta diga' ipprovdiet il-materjal neċessarju biex tkun tista' tinxtegħel kollha.
Jista' l-Ministru jara li każ konċernat ta' twaħħil ta' bozza li kellu jsir fi Triq Lepanto kantuniera ma Triq St. Francis Marsaxlokk u għalfejn din għadha ma twaħħlitx? Jista' jara li din teħel pero aktar 'il ġewwa bejn il-fond bl-isem taz-Zebbug u Għajn ix-xemx fi Triq Lepanto?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi ikkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jgħid x'rapporti, stadji u xogħol ieħor li tqabbdu jagħmlu l-kumpanji MISCO u KPMG għall-ministeru, xi dipartiment jew entita' li jaqa' taħt il-ministeru fis-snin 1999, 2000 u 2001?
Jista' l-Ministru jara li jiddaħħal malajr kemm jista jkun is-servizz tad-dawl fil-kamra tan-nar ta’ 19th March tar-Rabat, Malta li tinsab fix-Xagħra l-Hamra, Binġemma meta fil-vicin diġa hemm s-servizz tad-dawl lill-residenti u meta n-nuqqas tad-dawl fil-kamra tan-nar licenzjata, tista tipperikola sew ħajjiet tan-nies li jaħdmu fiha?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex matul dawn l-aħħar xhur l-ilma tax-xorb tar-residenti taċ-Ċentru tar-Rabat (St Rita Str) eċċ u nħawi fil-Qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjed, qed ikun ta' lewn kannella? Jista' jara li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa ħalli l-ilma tax-xorb ta' dawn i-familji ma jkunx aktar ta' detriment għal saħħithom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tibdel il-mejnijiet u servizzi ta' l-ilma tad-djar fi Triq Santa Rita u Triq il-Vittorja fir-Rabat. Jista' jkun li minħabba dawn ix-xogħolijiet il-provvista tkun affettwata temporanjament sakemm jitlestew ix-xogħolijiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33393 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid min hu c-chairman u l-board tad-diretturi tal-Malta Air Traffic Services (MATS)? Jista' jgħid ukoll min hu c-chief executive officer ta' din il-kumpanija? X'remunerazzjoni jew salarju u fringe benefits għandhom kull wieħed?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Bord tad-Diretturi ta' Malta Air Traffic Services huwa kompost mis-Sinjuri Patrick Calleja, bħala Acting Chairman, Lawrence Zammit, Mario Mizzi u Marco Vella. Ic-Chief Executive huwa s-Sur Larry Fenech.
S'issa ma hemm xejn stabbilit dwar remunerazzjoni għall-membri tal-Bord tad-Diretturi u c-Chief Executive għandu salarju u kundizzjonijiet komparabbli mal-grad tiegħu f'entitajiet governattivi oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33493 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid il-kumpannija Malta Air Traffic Services (MATS) minn fejn iddaħħal il-finanzi tagħha? X'kapital finanzjarju għandha? Jista' jgħid ukoll kemm ilha mwaqqfa din il-kumpanija rċevietx xi pagamenti mill-Eurocontrol Route Charges tas-servizzi mogħtija fl-ispazju ta' l-ajru Malti? Jekk iva, kemm kien dan l-ammont? X'garanziji bankarji għandha din il-kumpanija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li d-dħul ewlieni tal-kumpanija Malta Air Traffic Services huwa dak li tirċievi mill-Euro Control u minn mindu l-Kumpanija bdiet topera, fl-1 ta' Jannar 2002, irċeviet pagamenti għas-servizzi li pprovdiet fl-ewwel tlitt xhur tas-sena.
Il-Kumpanija għandha kapital ta' miljun Liri Maltin.
Il-garanziji bankarji li għandha l-Malta Air Traffic Services jikkonsistu f'ipoteki fuq apparat tal-Kumpanija.
Jista' l-Ministru jara li ssir bozza fit-Triq Sammut ma' Triq Neolithic Temple u Sir Temi Zammit, Tarxien minħabba dlam li hemm f'din it-triq u serq li sar f'dawn l-aħħar ġranet?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li paġni tal-Airport statistics fil-website tal-MIA ilhom ma jiġu aġġornati madwar tliet ġimgħat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-paġni ta' l-Airport Statistiċs jiġu aġġornati fuq il-website ta' l-M.I.A. darba fix-xahar għax l-istatistika hija xahar b'xahar. Għaldaqstant ma nistax nifhem l-iskop ta' din il-msitoqsija.