Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija – xogħol bil-minibus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie reinstated l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid x’inhu x-xogħol li hu assenjat lil dan l-individwu? Jista’ jgħid f’liema branka hu detailed dan l-individwu? Jista’ jgħid jekk hux minnu li dan l-individwu jaħdem ukoll bil-minibus privata tiegħu kuljum u jekk dan għandux permess mis-superjuri tiegħu biex jaħdem bil-minibus? Jista’ jgħid jekk hux minnu li l-individwu jagħmel vjaġġ bil-minibus privata tiegħu kuljum mis-2:30 ta’ wara nofsinhar mill-Kulleġġ Sant’Agatha fir-Rabat lejn il-Mosta u vjaġġ ieħor fit-3:30 ta’ wara nofsinhar mill-Higher Secondary fin-Naxxar lejn ir-Rabat? Jista’ jgħid jekk hux minnu li dan l-individwu jerġa’ jirritorna lura lejn ix-xogħol (bħala pulizija) fil-5 ta’ wara nofsinhar? Jista’ jgħid jekk hux minnu li dan l-individwu jitlaq mix-xogħol fis-7:30 ta’ filgħaxija minflok fil-11 ta’ filgħaxija? Jista’ jgħid jekk l-individwu għandux il-barka biex jagħmel dan kollu mis-Supretendent tiegħu u jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux informat b’dan?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi l-individwu li dwaru ngħataw id-dettalji separatament ġie re-instated fil-Korp tal-Pulizija fil-15 ta’ Novembru 2013. Dan ġie stazzjonat fit-Taqsima tat-Traffiku fejn għadu stazzjonat sal-lum 7 t’April 2016. L-informazzjoni l-oħra mitluba ser tingħata f’seduta oħra.

Qawra – għeluq ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif jekk il-Pulizija rċevietx xi talba biex jingħalqu toroq fl-inħawi tal-Qawra, bejn it-30 ta’ Marzu u l-5 ta’ April 2016? Min għamel din it-talba u għal liema raġuni? X’tip ta’ avviż sar dwar dan l-għeluq?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-perjodu indikat, il-Pulizija m'għalqet l-ebda triq fl-inħawi tal-Qawra. Madankollu, il-Pulizija ħarġet avviz fil-gazzetta tal-Gvern tas-26 ta Frar, 2016, biex ma jsirx parkeġġ ta' karozzi fi triq it-Trunciera, f'xi ħinjiet u ġranet fil-perjodu indikat, biex jiġi evitat l-għeluq tat-Triq in kwistjoni, u hekk it-traffiku jimxi normali.

San Pawl il-Baħar – żieda ta’ Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif jekk kienx hemm żieda f’dik li hi preżenza ta’ pulizija fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, matul dawn l-aħħar jiem? X’kienu r-riżultati li nkisbu mill-preżenza tal-pulizija f’dawn in-naħiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmt li in konnesjoni ma l-attivitajiet tal-Lost and Found, kien hemm żieda ta’ Pulizija mid-Distrett, mit-Taqsima tad-Drogi u mit-Taqsimi tas-Sigurtà fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar. Konsegwenza tad-Diversi kontrolli u spezzjonijiet li saru matul il-perjodu, kien hemm diversi persuni li ġew imressqa l-Qorti minħabba ksur ta' liġi li jirrigwarda traffikar jew pussess tad-droga.

Visas lill-barranin għal raġunijiet mediċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 20542 u 20222 u jgħid sena b’sena kemm ingħataw visas mal-wasla fl-ajruport (border visas) lill-barranin għal raġunijiet mediċi minn Marzu 2013 sal-lum? Lil liema nazzjonalità ngħataw? Jista’ jispeċifika n-numru ta’ visas skont in-nazzjonalità?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Pulizija – taħriġ fuq armi tan-nar

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23979, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-guidelines li jridu josservaw meta jiġu biex jużaw l-arma?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li skont il-linji gwida, li l-Pulizija huma awtorizzati li jġorru arma tan-nar meta jkun hemm raġunijiet biżżejjed li jagħtu lil wieħed x’jifhem li dawn jistgħu jiffaċċjaw lil xi persuna jew persuni li jkunu armati. Filwaqt li l-armi tan-nar għandhom jintużaw biss sabiex jiproteġu lilhom infushom minn perikolu imminenti fuq ħajjithom jew lil xi persuni oħra li jkunu f’perikolu imminenti li jiġu maqtula jew feruti gravi.

AFM – Qlugħ ta’ palm minn roundabout

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li nhar it-Tnejn 14 ta' Marzu fil-11:45 ta’ filgħodu kien hemm uffiċjali tal-Forzi Armati ta' Malta (AFM) fuq ir-roundabout ta' Triq Mikiel Anton Vassalli (roundabout tat-tank tal-gass - il-Kappara) biex jikkoordinaw kif l-AFM se taqla’ s-siġar tal-palm li hemm fuq din ir-roundabout? Jista' jgħid jekk jaqbilx li l-AFM spiċċat armata utilizzata sabiex jinqalgħu l-palm mit-toroq? Jista' jgħid jekk jaqbilx li l-AFM għandhom jibdew jagħmlu xogħol li m'għandu xejn x'jaqsam mat-taħriġ li jingħataw u jinħlew jagħmlu xogħol li jista' jsir minn entitajiet iktar kompetenti biex jaqilgħu l-palm? Jista' jikkonferma jekk hux minnu li l-palm li se jinqala’ mill-post imsemmi, hux se jiġi mħawwel ġewwa l-barracks ta' Ħal Luqa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-palm li għalih qed jirreferi, se jinqala mill-post attwali tiegħu minħabba li ser jinbeda proġett maġġuri fl-istess post u ser jiġi mħawwel mill-ġdid fil-barracks ta’ Ħal Luqa. Għalhekk kien hemm il-preżenza tal-imsemmija membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Document Regulating The Conditions of Services for the Police Force

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk meta ġie mniedi -"Document Regulating The Conditions of Service for the Police Force" tal-2012, fil-proċess kienx hemm involviment tal-PAHRO (Public Administration HR Office) u tal-PACBU (Public Administration Collective Bargaining Unit)?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Ninsab infurmat li kien diffiċli li jinstabu xi rekords dwar dan. Jirriżulta iżda, li meta ġie mniedi id-"Document Regulating The Conditions of Service for the Police Force" tal-2012, fil-proċess kien hemm involviment tal-PACBU (Public Administration Collective Bargaining Unit). Dan kien iż-żmien meta l-Onorevoli Interpellant kien ukoll Assistent Parlamentari fl-istess Ministeru.

Korp tal-Pulizija – Spetturi — rekwiżiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kriterji li ntużaw biex uffiċjali li ma kellhomx ir-rekwiżiti (lanqas ċertifikat ta' suġġetti f’Livell Ordinarju) kif indikat f'artikolu 4.2 tas-sejħa li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern, xorta ġew aċċettati li jibdew u jkomplu l-kors biex jiġu maħtura Spetturi fil-Korp tal-Pulizija? Jista' jgħid kemm hemm minn dawn l-uffiċjali? Jista' jgħid jekk hux se jitlob investigazzjoni biex jara għalfejn inkissru r-regolamenti li ġew ippublikati fl-istess Gazzetta tal-Gvern u jekk hux se jittieħdu passi biex tiġi rratifikata din is-sitwazzjoni li tpoġġi persuni oħra fi żvantaġġ?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika d-data tas-sejħa li qed jirreferi għaliha.

Ftuħ ta' Ħanut — Permess

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23831 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u li issa ġiet riferuta lilu u jara li jiġi investigat permess ta’ ftuħ ta’ ħanut sal-4 ta’ filgħodu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn xi nżid mar-risposta għal-mistoqsija parlamentari 23831.

Korp tal-Pulizija – Ballistic Unit — vettura

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma illi l-Ballistic Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ilha mingħajr vettura għal diversi ġimgħat u jagħti raġuni għal dan?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Forensic Unit tagħmel użu minn sitt vetturi li jintużaw mid-diversi sezzjonijiet f’din it-taqsima skond il-ħtieġa. Madankollu minħabba żieda ta’ certu xogħol, ġiet allokata vettura oħra f’din il-Unit, għal użu tal-Ballistics.

Għassa tal-Marsa – servizz ta’ vettura

Question

Fid-dawl tan-numru ta' rapporti ta' serq minn ġewwa residenzi li jinsabu fiż-żona residenzjali tal-Marsa liema żona tagħmel mad-distrett numru 7 u ċjoè dak tal-Ħamrun, Santa Venera, il-Pietà, ir-Rabat, Ħad-Dingli, l-Imtarfa, l-Imdina u parti sostanzjali minn Ħ'Attard, jista’ l-Ministru jikkonferma illi l-Għassa tal-Marsa ilha mingħajr servizz ta' vettura mill-ewwel ġimgħa ta' Jannar ta din is-sena? Jista’ jikkonferma li l-vettura li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament (a) hija l-vettura li suppost tintuża mill-Għassa tal-Marsa? Jista’ jikkonferma li din il-vettura qed tiġi wżata mill-Għassa tal-Ħamrun mill-ewwel ġimgħa ta’ Jannar li għadda wara li l-vettura tal-Ħamrun kienet involuta f’inċident stradali u ġiet iddikjarata total loss? Jista’ jikkonferma illi wara li l-vettura tal-Ħamrun li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament (b) kienet involuta f’inċident stradali f’Jannar li għadda, ma kienx hemm replacement tagħha minħabba li ma hemmx vetturi disponibbli u kien għalhekk li kellha tittieħed il-vettura li suppost qiegħda l-Għassa l-Marsa? Jista’ jgħidilna meta ser tingħata vettura lill-Pulizija tal-Għassa tal-Ħamrun sabiex il-vettura (a) terġa tingħata għall-użu lid-diviżjoni tal-Marsa? Fid-dawl ta’ dan kollu jista’ jikkonferma għalfejn hemm 40 vettura ġdida ġewwa l-akkademja tal-pulizija li ilhom ipparkjati u esposti għall-elementi minn Novembru li għadda? Jista’ jgħidilna jekk dawn il-vetturi humiex ser jingħataw lid-distretti sabiex jieħdu post numru ta’ vetturi li bħalissa huma antiki u fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid meta dawn l-40 vettura ser jingħataw lill-Pulizija sabiex iċ-ċittadin ikun moqdi aħjar? Jista’ jikkonferma li dawn l-40 vettura sal-lum il-ġurnata għadhom mingħajr stickers , radios , beacon lights u l-aċċessorji kollha li għandha jkollha vettura tal-Pulizija? Jista’ jgħidilna inħarġux sejħiet għall- tenders għall-i stickers , beacon lights eċċ.? Jista’ jikkonferma li ta’ kuljum qed jinħela Pulizija sabiex joqgħod jgħasses dawn il-vetturi li jinsabu ġewwa l-akkademja stess? Jista’ jgħidilna jekk il-Pulizija li qed jitħallew jgħassu dawn il-vetturi matul il-lejl humiex qed jitħallsu overtime jew inkella hux qed ikun waqt il-ħin tax-xogħol?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fid-distrett kollu, minn erba’ vetturi hemm tlieta biex temporanjament jlaħħqu max-xogħol. Huwa pjanat li fiż-żmien li ġej tingħata r-raba’ karozza f’dan l-istess distrett. Wara l-proċess ta’ quotations u tenders huwa mistenni li jibda’ ix-xogħol fuq l-vetturi l-oħra u li kif dawn jkun ikunu lesti jitqassmu skond l-esiġenzi tas-servizz. Dwar l-aħħar parti tad-domanda ninforma lill-Onor. Interpellant li dan mhuwiex il-każ.

Swieqi – għassa tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-għassa tas-Swieqi kenitx miftuħa 24 siegħa nhar id-19 u l-20 ta’ Jannar 2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant bis-saħħata’ din l-amministrazzjoni tista’ tagħmel mistoqsijiet fuq l-Għassa tas-Swieqi u dan għax il-Gvern Nazzjonalista kien wiegħed biss u ma wettaqx. Ninsab infurmat illi fid-19 ta’ Jannar 2016 l-għassa tas-Swieqi kienet miftuħa, ħlief għax-xift ta’ bil-lejl meta kien hemm ħsara fil-kurrent elettriku u għalhekk l-uffiċċjal inkarigat kien patrol. Fl-20 ta Jannar l-għassa fethet fis-sebgħa ta’ filgħodu meta l-kurrent elettriku ġie restawrat.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx minn tal-anqas persuna b’diżabilità f’kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-unika entità li taqa’ taħt dan il-Ministeru ma għandna lill-ebda persuni li huma reġistrati mal-ETC li għandhom diżabilità. Dan ma jeskludix il-fatt li hemm persuni b’diżabilità li jaħdmu mal-Ministeru li m’humiex reġistrati hekk mal-ETC, allura ma tistax tingħata ċifra eżatta għal-fini ta’ din id-Domanda

Korp tal-Pulizija – kriterju tat-tul

Question

Jista’ jikkonferma jekk il-kriterju tat-tul għall-applikazzjoni għad-dħul fil-Korp ta-Pulizija hijiex fis-seħħ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rekwi¿it tat-tul għall-ingaġġ fil-Korp tal-Pulizija huwa dak indikat fis-sejħa għal-applikazzjonijiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tas-16 ta’ Frar, 2016, li jaqra: “tul fil-każ tal-irġiel mhux inqas minn 1.68 metru u fil-każ tan-nisa, mhux anqas minn 1.58 meta jitkejlu ħafjin.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – xogħol ta’ konsulenzi legali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ xogħol ta’ konsulenzi legali mogħtija mill-Ministeru inkluż l-uffiċċju privat tal-Ministru/Segretarju Parlamentari, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sena b’sena, bejn l-1999 u Marzu 2013? Jista’ jgħid min kienu l-avukati/ditti legali li ngħataw dan ix-xogħol? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender ? Jista’ jgħid min awtorizza l-għoti ta’ dan ix-xogħol fejn ingħata b’direct order? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti? Fejn huwa possibbli, jista’ jgħid kemm kien il-ħlas għal kull siegħa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Forzi Armati Maltin — membri

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu maħsub li jiddaħħlu membri ġodda fil-Forzi Armati Maltin? Kemm kien in-numru ta’ persuni f’dawn il-forzi li rtiraw mill-forzi matul l-aħħar tliet snin, u dan għal dak li jikkonċerna kemm membri li telqu wara li wettqu servizz ta’ 25 sena, u kemm għal dawk li telqu qabel ma’ għalqu l-25 sena servizz?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Armata għandha l-ħsieb li ddaħħal ‘il fuq min 100 rekluta din is-sena. Matul l-aħħar tliet snin mil-Forza rtiraw 193 membru li wettqu is-servizz ta’ 25 sena jew rtiraw wara li għalqu il-55 sena filwaqt li 53 membru telqu qabel ma għalqu l-25 sena.

Vetturi tal-pulizija li jinstabu garaged

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm vetturi tal-pulizija li jinsabu garaged, u qatt ma ntużaw mill-istess korp?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi bħalissa hemm sitta u tletin vettura li nxtraw mill-Pulizija u li jinsabu garaged sakemm ikun lesti biex joħorġu fit-triq.

Vetturi li jinstabu f’xi compound tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm vetturi, skont il-kategoriji tagħhom, li jinsabu f’xi compound tal-pulizija? Kemm ilhom għand il-pulizija dawn l-istess vetturi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Tourism Police

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk matul is-sajf li ġej hux ser ikun hemm servizz ta' Tourism Police f'xi lokalità f'Malta? Jekk iva, fejn? Meta hu mistenni li l-lokalitajiet kollha ta' Malta jkunu jistgħu jgawdu minn dan is-servizz?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn April 2016, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu, mistenni jibda proġett pilota tat-Tourism Police f’żoni f’San Ġiljan u f’tas-Sliema. Aktar ‘il quddiem tiġi estiża f’lokalitajiet turistiċi oħra f’Malta u f’Għawdex skond il-ħtieġa.

Ftuħ ta’ ħanut – permess

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi investigat permess ta’ ftuħ ta’ ħanut sal-4 ta’ filgħodu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħruġ għal permessi tan-negozju m’għadhomx jinħarrġu mill-Pulizija, għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.