Legislature:
Category:
Reset
Active:

Klieb – numri tal-mikroċippa

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista’ bin-numru tal-mikroċippa tal-106 kelb imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21676?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozza uffiċjali li kien juża l-Ministru bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kenitx tinkera jew kenitx mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid ta’ liema mudell kienet il-karozza? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża xahar, xahar matul l-istess perjodu f’każ li kienet mikrija? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozza kienet inxtrat mill-Gvern u meta nxtrat? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswijiet li saru fuq din l-istess karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflok il-karozza uffiċjali matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, xahar b’xahar b’mod separat, għall-karozza/i li għamel użu minnhom il-Ministru?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant japprezza li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli għalih nibet minn Ministeri oħra li kienu jħaddnu wkoll bosta sezzjonijiet u/jew entitajiet u dipartimenti li llum ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru. Għalhekk, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-parti l-kbira l-Ministeru tiegħi twieled minn dak li qabel kien il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali (MRRA) li minnu twieled ukoll il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura (MTI) tal-lum. Għaldaqstant biex ma tingħatax informazzjoni doppja għal perjodu msemmi bejn l-2008 sa Marzu 2013 ir-risposta ser tingħata mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari simili.

Magni tal-bastimenti tas-sajd — regoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma r-regoli Dipartimentali Maltin u dawk Ewropej li jirregolaw il-bdil tal-magni tal-bastimenti tas-sajd?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li r-regoli li jirregolaw il-bdil tal-magni tal-bastimenti tas-sajd huma dawn li ġejjin: - Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd. - Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 26/2004 dwar ir-Reġistru tal-Flotta tas-Sajd tal-Komunità - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabilixxi Sistema Komunitarja ta’ kontroll biex tkun żgurata l-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. - Regolament ta’ Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabilixxi Sistema Komunitarja ta’ kontroll biex tkun żgurata l-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Xagħra Għawdex – il-miżbla tal-Qortin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol biex dik li kienet il-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex tiġi konvertita f’park tal-familja ma tkompliex, issa li din il-miżbla ilha aktar minn seba' snin li għalqet? Meta hu maħsub li jitkompla dan ix-xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern iddeċieda li parti sostanzjali mill-art minn dik li qabel kienet il-miżbla tal-Qortin, kellha tiġi trasferita mid-Dipartiment tal-Artijiet lill-Enemalta bil-ħsieb li din tiġi utilizzata għall-sistemi fotovoltajċi. Dan seħħ is-sena li għaddiet.

Animal Welfare – Ambulanza tal-Annimali – awditjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ awditjar jeżisti għas-servizz mogħti mill-Ambulanza tal-Annimali fi ħdan id-Dipartiment tal-Animal Welfare? X’tip ta’ records qed jinżammu tat-telefonati li jidħlu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lil-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-vetturi tal-ambulanza tal-annimali huma mgħammra bis-sistema tad-Datatrack u għaldaqstant, f’każ ta’ bżonn, l-użu tal-ambulanza jiġi awditjat u/jew sorveljat skont il-ħtieġa permezz ta’ dan il-mezz satellitari. It-telefonati relatati mal-ambulanza jitniżżlu fuq formoli apposta msejħa ‘Call Logs’ u dawn jiġu miżmuma fir-records tad-Direttorat.

Animal Welfare – Ambulanza tal-Annimali – log elettroniku tas-sejħiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jinżamm xi forma ta’ log elettroniku tas-sejħiet għall-assistenza biex ikun hemm traċċabilità rapida għal kull sejħa, u jekk humiex jinżammu d-dettalji kollha? X’mekkaniżmi superviżorji jeżistu, u kif qed jiġi vverifikat li s-sejħiet ikunu mwieġba mill-uffiċjali responsabbli mill-ambulanza tal-annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretajat Parlamentari d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali qed iżomm log elettroniku tas-sejħiet għall-assistenza u dan abbażi tal-informazzjoni kollha meħtieġa li tiġi miġbura mill-istess uffiċjali li jkunu fuq xogħol ta’ ambulanza ta’ emerġenza għall-annimali. Ġeneralment, kull telefonata li tidħol tiġi mwieġba jew mill-iskrivani waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju jew inkella mill-uffiċjali tal-istess ambulanza, madankollu hemm okkażjonijiet fejn iż-żewġ uffiċjali jkunu fuq xi operazzjoni ta’ salvataġġ u għal dawk il-ftit minuti mhux dejjem ikun possibbli li t-telefonata titwieġeb. Jekk wieħed jibqa’ jippersisti billi jerġa’ jċempel m’hemmx raġuni għalxiex l-uffiċjali ma jirrispondux it-telefonata. Il-verifika tal-ħidma tal-uffiċjali tal-ambulanza ssir permezz li wieħed ikun jista’ jqabbel il-log tat-telefonati mar-rapport tad-‘datatrack’ sabiex hekk wieħed jistabilixxi li x-xogħol seħħ hekk kif ġie rrapurtat. Qed inpoġġi Formola fuq il-Mejda tal-Kamra li turi d-dettalji kollha li jistgħu jintalbu b’rabta mas-sejħiet ta’ ambulanza ta’ emerġenza għall-annimali.

Ambulanzi tal-Annimali — uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika kemm-il uffiċjal ikun hemm jaħdmu f’kull ambulanza tal-annimali, il-grad tagħhom u kemm-il ambulanza tal-annimali jkun hemm operattiva waqt il-ħin tal-uffiċċju?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari waqt il-ħin tal-Uffiċċju, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jkollu vettura waħda f’Malta b’żewġ uffiċjali li jservu l-eżiġenzi ta’ Ambulanza ta’ Emerġenza għall-Annimali. Madankollu, jekk ikun hemm uffiċjali oħra fuq ispezzjonijiet u jinqala’ xi każ li jirrikjedi l-preżenza ta’ jew aktar uffiċjali, allura vettura ambulanza oħra u t-tagħmir tagħha jiġu utilizzati skont il-bżonn sabiex l-għan aħħari jintlaħaq. Normalment, l-uffiċjali mqabbda mid-Direttorat għal dan il-għan ikollhom grad ta’ skala 12 iżda jkun hemm ċirkostanzi fejn uffiċjal fi gradi ta’ livell anqas jew għola jiġu mqabbda jassistu u jwettqu servizz b’rabta max-xogħol tal-ambulanza taħt direzzjoni u struzzjonijiet mogħtija mis-superjuri tagħhom abbażi ta’ Kapitlu 439 tal-Liġijiet ta’ Malta. Sadanittant tajjeb wieħed jgħid li ftit tal-gimgħat ilu t-tielet ambulanza li kellu d-Dipartiment ingħatat lill-Ministeru għall-Għawdex sabiex dan ikun jista’ joffri s-servizz ġewwa Għawdex.

Ambulanzi tal-Annimali – uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika kemm-il uffiċjal ikun hemm jaħdem f’kull ambulanza tal-annimali, il-grad tagħhom u kemm-il ambulanza tal-annimali jkun hemm operattiva wara l-ħin tal-uffiċċju, is-Sibtijiet, il-Ħdud u fi btajjel Pubbliċi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari s-sistema użata mill-Animal Welfare għal wara l-ħinijiet tax-xogħol, Sibtijiet, Ħdud u festi hija simili għal dik użata waqt il-ħin tax-xogħol u li dwarha diġa ngħataw dettalji fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22950.

Annimali – assistenza – proċeduri dwar maniġġjar tas-sejħiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux proċeduri bil-miktub dwar kif għandhom jiġu mmaniġġjati s-sejħiet għall-assistenza lill-annimali mill-ambulanza tad-Direttorat? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja ta’ tali proċeduri fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi dokument forma ta’ Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Servizz tal-1717 – receptionists

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz tal-1717 humiex immaniġġjata minn receptionists il-ħin kollu? Fejn jidħlu s-sejħiet għall-assistenza u kif jiġu mmaniġġjati s-sejħiet tal-assistenza li jidħlu fuq din il-linja?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, f’dan l-istadju s-Servizz tal-1717 li ġie mniedi taħt din l-amministrazzjoni, b'inizjattiva tal-istess Segretarjat fi ħdan dan il-Ministeru, m’għandux bżonn li jkun immaniġġjat minn receptionist ad hoc u lanqas m’hemm il-bżonn li wara l-ħin tal-uffiċċju u nhar ta’ Sibtijiet, Ħdud u Festi Pubbliċi, ikun hemm uffiċjali stazzjonati ġewwa xi uffiċċju nkarigati biex jirrispondu t-telefonati li jidħlu. Fost il-ġimgħa bejn 08:00 u 16:00, meta wieħed iċempel 1717, it-telefonata tgħaddi fuq xi wieħed min-numri tal-uffiċċju. Mill-uffiċċju, l-iskrivani li jieħdu t-telefonati jevalwaw il-każ u dawk il-każijiet relatati ma’ emerġenzi jgħadduhom direttament lill-uffiċjali tal-ambulanza. Wara l-ħin tal-uffiċċju, it-telefonati jgħaddu direttament fuq il-mowbajl tal-ambulanza bin-numru 79969918.

Fisheries Management Zone – sajjieda barranin

Question

B’referenza għad-deċiżjoni li ngħatat mill-Qorti fl-14 ta’ Ottubru 2015 dwar kawża fejn żewġ sajjieda barranin kienu nqabdu jistadu b’purse-seining fil-Fisheries Management Zone Maltija u ħarġu lliberati, jista’ jgħid min ħa d-deċiżjoni li l-Gvern Malti m’għandux jappella minn din is-sentenza tal-Qorti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, din il-mistoqsija diġa ngħatat tweġiba għaliha fuq domanda supplimentari għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18219, ippreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra fit-18 ta’ Novembru 2015, Seduta Numru 327, fejn qiegħed nannetti d-diskors li sar. “ANTHONY AGIUS DECELIS: Wara r-rapporti li kien hemm dalgħodu fil-media, jista’ s-Segretarju Parlamentari jelabora ftit dwar x’kienet din il-kwestjoni fejn kienu involuti xi laneċ tas-sajjieda u s-sajjieda? MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes. ONOR. RODERICK GALDES: Biex ninforma lill-Kamra u lill-Onor. Interpellant, f’dawn l-aħħar ġranet dehru diversi artikli fuq il-ġurnal The Times of Malta, fejn bħal donnu saret ammissjoni li nħoloq xi preċedent partikolari fuq kawża li ngħatat reċentament dwar żewġ laneċ Franċiżi li fl-2008 kienu daħlu fiż-żona tal-25 mil f’Malta. Ċertament dan mhuwiex minnu. F’qafas legali, il-konċett ta’ preċedent f’Malta ma japplikax. F’dan il-każ partikolari, f’dan l-aħħar sentejn taħt dan il-Gvern, intrebħu ħames kawżi mill-Gvern f’każijiet simili fuq laneċ li daħlu fiż-żona tagħna. Ma kien hemm l-ebda każ ieħor li ma ntrebaħx mill-Gvern, ħlief dan li kien ilu jkarkar għal diversi snin fil-Qorti. Id-Dipartiment tas-Sajd ma kienx informat dwar dan u allura ma setax jappella f’dan ir-rigward. Però nixtieq inserraħ ras l-Onor. Interpellant u anke lil min qara dan l-artiklu li ma hemm l-ebda lok ta’ preċedent, għaliex f’dawn is-sentejn ta’ dan il-Gvern, irbaħna ħames każi dwar laneċ Sqallin, Taljani, kif ukoll Alġerini li daħlu fiż-żona tagħna, fejn ittieħdu l-passi kemm mid-Dipartiment tas-Sajd u anke mid-Dipartiment tal-Forzi Armati. Dawn il-każi li nbdew minn dan il-Gvern u mhux minn Gvern preċedenti ntrebbħu kollha kemm huma. Aktar minn hekk, il-pożizzjoni tal-Gvern hija ċara: aħna se nibqgħu nissalvagwardjaw iż-żoni nawtiċi tagħna mogħtija lilna qabel ma’ Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, biex b’hekk ikun hemm iż-żona ta’ konservazzjoni marittima marbuta ma’ pajjiżna. Il-ħsieb tagħna huwa li nkomplu ninsistu biex dik il-policy tiġi ssalvagwardjata f’dak li għandu x’jaqsam mal-immanniġġjar taż-żoni nawtiċi tagħna u mal-qasam tas-sajd. Għalhekk, mhux ġust li l-ġurnali jinterpretaw xi deċiżjoni bħal din bħal donnu l-Gvern ċeda din il-policy partikolari! Aktar minn hekk, l-istess ġurnal, sena u nofs ilu, irraporta storja bil-maqlub, fejn kien qed jinsisti li l-Gvern ma jibqax i¿omm din il-policy partikolari, u kkwota persuni partikolari fl-oqsma tas-sajd li bdew jikkritikaw il-Gvern għaliex ħadna l-passi kontra barranin li daħlu f’pajjiżna jistadu mingħajr il-permessi neċċessarji fiż-żoni tal-25 mil. Għalhekk ma nistax nifhem kif f’daqqa waħda, mhux biss inqaleb l-editorjal ta’ dan il-ġurnal, imma qed issir kritika kontra l-Gvern, għaliex f’dan il-każ partikolari ma sarx appell minn din il-kawża! Nerġa’ nserraħ ras lil kull min qara dan l-artiklu, li min-naħa tagħna, ma biddilniex il-policy! Tant huwa hekk li se nibqgħu niġġieldu u nsostnu l-policy tagħna li nissalvagwardjaw l-interessi ta’ pajjiżna fiż-żoni ta’ 25 mil. MR SPEAKER: L-Onor. David Agius, mistoqsija supplimentari. ONOR. DAVID AGIUS: Jista’ s-Segretarju Parlamentari jikkonferma li l-Gvern ma appellax mis-sentenza? Jekk ma appellax: Għalfejn? MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes. ONOR. RODERICK GALDES: Kif diġà għedt, din kienet kawża antika li kienet ilha għaddejja mill-2008. Il-prosecuting officer ma informax lid-Dipartiment tas-Sajd, kif isir normalment, u allura ma konniex fil-ħin biex il-Gvern jappella minn din is-sentenza. Madanakollu, irrid ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar sentejn u nofs, kien hemm ħames kawżi oħra simili. Id-Dipartiment dejjem ħa l-passi neċċessarji mill-ewwel u fil-fatt, inqatgħu favur il-Gvern. M’hemm l-ebda każ ta’ preċedent.”

Sajjieda – bastimenti – saħħa tal-magni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'każ li sajjied jiġi biex jibdel il-magni tal-bastiment tiegħu, kemm dik tan-nofs u t-tnejn tal-ġnub, x'saħħa ta' magni ġodda jkun jista’ jarma?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li meta sid ta’ bastiment professjonali jkun irid ibiddel il-magna prinċipali, dik ġdida qatt ma tista’ tkun ta’ saħħa akbar minn ta’ dik irreġistrata. Fil-każ ta’ tibdil ta’ magni awżiljarji, is-saħħa konġunta tagħhom għandha tkun dejjem inqas mis-saħħa ta’ dik prinċipali. Dawn il-miżuri jittieħdu sabiex ma tiżdidx il-kapaċità tas-sajd tal-bastiment.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Żvilupp tal-Eko-Turiżmu – lista ta’ miżuri

Question

Jista' l-Ministru jelenka lista ta' miżuri u inizjattivi li għamel il-Ministeru tiegħu sabiex jikkumplimenta l-iżvilupp tal-Ekoturiżmu ġewwa pajjiżna minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll xi pjanijiet għandu għax-xhur li ġejjin?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Veċċja – breakwater — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġie jiswa x-xogħol marbut mal-breakwater tal-Veċċja? Kemm minn dan ix-xogħol se jitħallas minn fondi tal-Unjoni Ewropea, u kemm minn fondi lokali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-proġett tal-breakwater tal-Veċċja hu stmat li ġie jiswa €1,287,232.62 (VAT inkluż). Minn dan, l-ammont ta’ €749,280 (VAT eskluż) ġie mħallas minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Qatla taċ-ċanga

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla totali taċ-ċanga, matul l-2015, u kemm kienet l-istess qatla fl-2012, fl-2013 u fl-2014?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-qatla totali taċ-ċanga fis-snin 2012-2015 kienet hekk: 2012 – 4081 ras 2013 – 4059 ras 2014 – 4088 ras 2015 – 3766 ras

Qatla tal-majjal

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla totali tal-majjal, matul l-2015, u kemm kienet l-istess qatla fl-2012, fl-2013 u fl-2014?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-qatla totali tal-majjal fis-snin 2012-2015 kienet hekk: 2012 – 68,688 ras 2013 – 71,230 ras 2014 – 69,789 ras 2015 – 60,722 ras

Pitkalija – xogħol infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif x’xogħol infrastrutturali sar fil-pitkalija, matul l-2015? Kemm ġie jiswa dan l-istess xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li ma sar l-ebda xogħol ta’ tibdil infrastrutturali ġewwa l-Pitkalija f’ Ta’ Qali għas-sena 2015.

Azzjoni fuq il-Klima – prospetti

Question

Jista’ l-Ministru x’inhuma l-prospetti għal min jispeċjalizza dwar l-azzjoni fuq il-Klima?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li fil-fehma ta’ dan il-Ministeru, għalkemm fil-pajjiż tul l-aħħar snin żdiedu l-għadd ta’ gradwati fl-ambjent u fl-immaniġġjar ambjentali sabiex nindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet għall-ġejjini, bħala pajjiż neħtieġu aktar minn qatt qabel għadd dejjem jikber ta’ gradwati, kemm fuq il-klima kif ukoll fuq l-immaniġjar tal-iskart. Nemmnu li dan jgħodd kemm għas-settur pubbliku u dak privat.

Implimentazzjoni tal-iskemi biex il-batteriji jinġabru mill-privat

Question

Jista’ l-Ministru fiex wasal il-Gvern fl-implimentazzjoni tal-iskema biex il-batteriji jibdew jinġabru mill-privat? X’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għall-futur?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li diġà hemm fis-seħħ skema għall-ġbir ta' batteriji mis-settur privat. Madankollu, fil-preżent, hemm numru ta' entitajiet kummerċjali li ma daħlux fl-iskema u li minħabba f’hekk, hemm bżonn ta' riformi fis-sistema preżenti. Għal dan il-għan, fix-xhur li ġejjin, se jiġi imwaqqaf grupp ta' ħidma dwar il-batteriji biex, wara li jkun ikkonsulta mal-korpi kostitwiti u l-entitajiet privati li ​​huma jirrappreżentaw, jistabilixxu liema riformi hemm bżonn jiġu introdotti f'dan is-settur. Dan il-grupp ta' ħidma se jkun immexxi mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima.

Tneħħija tal-ewwel fażi tal-eko kontribuzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’kienu l-vantaġġi tat-tneħħija tal-ewwel fażi tal-eko kontibuzzjoni? Huwa minnu li kien irreġistrat tnaqqis konsiderevoli fil-prezzijiet fuq prodotti elettriċi u elettroniċi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti u wara li kkonsultajt ukoll mal-Ministeru tal-Finanzi nistgħu nikkonfermaw illi fl-ewwel fażi tar-riforma tneħħiet l-eko kontribuzzjoni minn fuq it-tyres, iż-żjut, il-munizzjon, il-kontenituri tax-xorb, iċ-chewing gum u l-basktijiet tal-plastik u minflok ġew trasferiti għar-reġim tas-sisa li hu aktar infurzat u ġust. Tneħħiet ukoll l-eko kontribuzzjoni minn fuq l-apparat elettroniku kollu u apparat ieħor li jaħdem bl-elettriku. Dawn tal-aħħar huma magħrufa bħala WEEE. Il-vantaġġi previsti fl-ewwel fażi fit-tneħħija tal-eko kontribuzzjoni jinkludu: Ġie indirizzat l-iżbilanċ li kien hawn fis-suq proprju minħabba l-eko kontribuzzjoni fejn produtturi lokali kienu obbligati jħallsu din it-taxxa, filwaqt li konsumaturi li jimpurtaw direttament mill-internet jew li jġibu prodotti direttament minn Sqallija ma kinux qed iħallsuha. Dan l-iżbilanċ issa ġie ndirizzat. Konsumaturi u negozji li kienu qed joperaw b’mod denju m’għadomx aktar żvantaġġati meta mqabbla ma dawk li ma kinux jiddikjaraw eko-kontribuzzjoni. Il-Produtturi ġew inċentivati sabiex jattemporaw ruħhom mal-liġijiet ambjentali Ewropej li jirregolaw il-ġbir tal-iskart li jkun ġej mil-prodotti elettroniċi u li jaħdmu bl-elettriku. Għaldaqstant, it-tneħħija tal-Eko kontribuzzjoni minn fuq il-prodotti WEEE wasslet għall-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva WEEE fil-kuntest Malti. Il-produtturi ġew inkoraġġiti iktar li jissieħbu f’waħda mill-iskemi tal-Immaniġġjar tal-Iskart. Fejn l-eko kontribuzzjoni kienet fuq il-prodott, irrispettivament mill-qies jew mill-volum, issa din ġiet konvertita għal taxxa fuq kull kilo jew litru. Għaldaqstant, it-taxxa ġiet iktar ġusta, skont l-impatt li għandu l-prodott rispettiv fuq l-ambjent. Ninsab infurmat illi prodotti elettroniċi u elettriċi kellhom eko-kontribuzzjoni li tvarja bejn €0.25ċ u €69.88. Mill-1 ta’ Settembru 2015, il-Gvern neħħa l-eko kontribuzzjoni minn fuq dawn il-prodotti u teknikament il-produtturi setgħu jgħaddu dan it-tnaqqis kollu jew parti minnu lill-konsumaturu. Madankollu il-Gvern ma jindaħalx lill-operaturi u jħalli il-forzi tas-suq jirregolaw ruħhom. Mill-informazzjoni li għandna jidher li kien hemm roħs fil-prezzijiet ta’ prodotti elettriċi u elettroniċi.