Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #28360 Sitting 607 2001-10-01 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Triq il-Kissier — Mosta

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex għandhom ma sarux ix-xogħlijiet neċessarji biex titneħħa siġra li fiha madwar tlett sulari fit-Triq il-Kissier, Mosta li litteralment qegħdha iserraħ fuq cable tad-dawl u li dan qed jikkawża danni li jistgħu wkoll ikunu serji?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ma saret l-ebda talba għat-tneħħija ta' din is-siġra li taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali.
Leg 9 PQ #28004 Sitting 606 2001-09-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Fish Farms — Magħlef tal-Ħut

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn jispezzjona l-ħut li qed jintuża bħala magħlef ta' ħut għall-fish farms tat-tonn fil-ġżejjer tagħna? Kemm-il spezzjoni saret u meta? Kemm hija l-kwantita ta' magħlef tal-ħut li ġie mportat sa issa? X'tip ta' ħut u x'oriġini ta' pajjiżi għandu dan il-ħut sabiex jintuża bħala għalf għat-tonn tal-fish farms lokali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-ħut li jintuża bħala mgħalef fil-gaġeġ tat-tonn huwa impurtat u jasal Malta b'ċertifikati regolari daqs li kieku jkun sejjer għal konsum uman. L-ispezzjoni waqt l-importazzjoni u regolamentazzjoni ta' dawn l-importazzjonijiet huma fir-responsabilita tas-Servizz Veterinarju. Kull importazzjoni tiġi spezzjonata. Kull meta jkun possibli t-tonn fil-gaġeġ jiġi mgħalef ukoll sawrell, kavalli u vopi maqbud mis-sajjieda Maltin. Dan il-ħut ikun għadu kif inqabad u għaldaqstant ikun fi stat tajjeb għal konsum u ma jiġix spezzjonat. Dan il-ħut ġeneralment ikun ilu maqbud inqas minn tnax-il siegħa meta jintgħalef.
Leg 9 PQ #28158 Sitting 605 2001-09-26 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Impjiegi Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjiegi ġodda mal-Ministeru u Dipartimenti/Aġenziji li jaqgħu taħtu minn Jannar 2001 sal-lum?

Response (ZAMMIT, NINU)

Minn Jannar 2001 sal-lum kien hemm tlettax-il impjieg ġdid mal-Ministeru u Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru.
Leg 9 PQ #27913 Sitting 603 2001-09-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

WTO

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern Malti matul 1999, 2000 u 2001 ma għamilx talbiet fi ħdan it-WTO sabiex jipproteġi s-settur tal-Biedja lokali permezz tas-special safeguards provisions kif għamlu 38 pajjiżi membru tad-WTO inkluż il-Polonja li bħal Malta hija pajjiż applikant għall-isħubija fl-UE sabiex jiproteġu l-biedja ta' pajjiżhom u dritt ta' l-għixien tal-bdiewa u raħħala u tal-familja tagħhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf l-iSpecial Safeguard Provisions japplikaw meta pajjiż ikun intrabat bi kwota ta' importazzjoni ta' xi prodott u li din il-kwota ta' importazzjoni tkun suġġetta għal tariffa ta' protezzjoni baxxa ħafna. Dawn l-arranġamenti jsiru meta pajjiż isir membru tal-WTO. L-Onor. Interpellant jaf li meta Malta saret membru tal-WTO ma ntrabtitx bi kwota. Fil-fatt Malta għandha qafas wisq aħjar u din hi l-fehma ta' esperti kbar. Għaldaqstant, il-mekkaniżmu ta' Special Safeguard Measures ma japplikax. L-Onor. Interpellant għandu jkun assigurat li, jekk u meta, Malta teħtieġ li tbiddel il-qafas ta' protezzjoni li għandha bħalissa, il-Gvern jara li jiġu fis-seħħ dawk il-miżuri kollha meħtieġa li jassiguraw il-vijabbilita’ u l-qligħ tal-bidwi u r-raħħal Malti.
Leg 9 PQ #27914 Sitting 603 2001-09-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Industrija tat-Tjur

Question

Jista' l-Ministru jinformana kif se tkun imħaddma s-sistema ta' sussidju fl-industrija tat-tjur bejn dawk li jipproduċu t-tiġieġ tas-simna u għall-produzzjoni tal-bajd u l-proċessuri kif qed jipproponi l-gvern sabiex ineħħi l-protezzjoni tal-levy?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lil Onor Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-partijiet interessati biex tinstab l-aħjar formula.
Leg 9 PQ #27915 Sitting 603 2001-09-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Kolonji tan-Naħal

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jiriżultax li l-kolonji tan-naħal li kienu stazzjonati fir-Rabat ta' Malta tneħħew? Jekk huwa l-każ, x'inhuma r-raġunijiet? Kemm kien ilhom jinżammu dawn il-kolonji tan-naħal u x'kien l-iskop tad-Dipartiment li dejjem zammhom hemm hekk?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li tneħħa n-naħal kollu mill-foss ta' l-Imdina. Dan sar sabiex isiru xogħlijiet ta' restawr tas-swar ta' l-Imdina. Ix-xogħol beda fis-16 ta' Ġunju 2001. Il-frieħ tan-naħal li kienu qed jitrabbew fil-foss taħt il-'Connaught' kellhom jitneħħew u jittieħdu band'oħra qabel beda x-xogħol. In-naħal ilu jitrabba f'dan il-post mill-1974. Jien infurmat li dan il-post kien kunsidrat ideali għat-trobbija tan-naħal.
Leg 9 PQ #27916 Sitting 603 2001-09-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Farms tat-Tuna Penning

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'miżura ta' kontroll approva għall-farms tat-tuna penning fil-kosta tal-gzejjer tagħna sabiex jassigura li l-għalf tal-ħut li jintuża ma jikkawżax problemi u/jew joħloq mard, viruses, eċċ fil-qiegħ tal-baħar tal-kosta tagħna peress li dan jista' jkun ħut ta' natura differenti mill-ħlejjaq tal-ħut tal-baħar tal-mediterran u tal-kosta tagħna?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 27873 u nżid li fil-ħut il-mard huwa speċifiku ħafna u fil-linja ġenerali mard tal-kavalli mhumiex trasmess għat-tonn.
Leg 9 PQ #27907 Sitting 602 2001-09-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

NAC

Question

Fid-dawl ta' dak li ntqal pubblikament minn żewġ segretarji parlamentari, cioe li bħalissa m'hijiex issir riċerka fin-National Aquaculture Centre, jista' l-Ministru jgħid dan l-statement huwiex minnu peress illi ma ikkumenta xejn?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-rapporti annwali tad-Dipartiment u għal dak li rraporta l-Awditur stess fir-rapport ta' l-inkjesta. Barra minhekk, kif mistqarr f'konferenza stampa fiċ-Ċentru Malti għax-Xjenzi tas-Sajd, dan iċ-Ċentru ilu għaddej b'ritmu qawwi ta' riċerka bl-iskop li s-sajd kollu ta' pajjiżna jissaħħaħ u jibqa' sostenibbli.
Leg 9 PQ #27908 Sitting 602 2001-09-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Poultry Processors Association

Question

Jista' l-Ministru jinformana x'mentalita' ta' bidla għall-konsumaturi l-Gvern irid li jwettqu l-Poultry Processors Association fil-gżejjer tagħna?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor interpellant li waħda mill-problemi fis-settur ta’ l-Agrikoltura hija l-matching u nuqqas ta’ studji mill-proċessuri għal dak li l-konsumatur Malti jixtieq. Ma naħsibx li l-konsumatur Malti ma jistħoqqlux tiġieġ friski u mhux iffriżati.
Leg 9 PQ #27910 Sitting 602 2001-09-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Esportazzjoni tal-Basal

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 27637, jista' l-Ministru jkun konsistenti u jipprova dak li qed jallega f'mistoqsija parlamentari nru 27637 dwar l-esportazzjoni tal-basal? Jista' ikun konsistenti u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti u dokument tal-agent li esporta dan il-basal taħt l-amministrazzjoni preċedenti sabiex ikun magħruf jekk humiex vera li saru dawn l-allegazzjonijiet li fuq kollox semma l-Ministru fit-tweġiba tiegħu?

Response (ZAMMIT, NINU)

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 27910, infakkar l-Onor. Interpellant li wara li fl-aħħar ta' Ġunju 1997 kien intbagħat container bil-basal lejn l-Olanda, esportatur lokali ieħor, li kien liċenzjat biex jibgħat 4,000 xkora basal lil riċevitur ieħor fl-Olanda, kien ħabta u sabta mpedut milli jagħmel dan. Infatti, għal xi raġuni li kien jafa l-Onor. Interpellant il-liċenzja għal din il-konsenja kienet irtirata proprju qabel ma telaq ir-road trailer minn Ta' Qali għax-xatt. Kawża ta' dan din kienet intbagħtet lejn l-Italja bil-patt li ma tispiċċax fl-Olanda. Eventwalment dan fisser mhux biss telf konsiderevoli għall-esportatur iżda lanqas ma seta' jintbagħt aktar basal kif kien ippjanat.
Leg 9 PQ #27911 Sitting 602 2001-09-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Poultry Processors Association — MEUSAC

Question

Jista' l-Ministru jinformana bil-pożizzjoni tal-MEUSAC dwar l-aħħar statement tal-Poultry Processors Association (PPA) fejn fl-24 ta' Lulju l-PPA ddikjaraw uffiċjalment li huma mhux se jaċċettaw l-istrateġija proposta mill-gvern dwar is-settur tagħhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Żbir tas-Siġar — Blata l-Bajda

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala ż-żbir tas-siġar isir fis-6 ta' filgħodu f' żoni residenzjali bħal ma ġara llum stess f' Triq Dun Ġorġ Preca Blata l-Bajda?

Response (ZAMMIT, NINU)

Iż-żbir tas-siġar f'ċerti toroq traffikużi jsir filgħodu kmieni sabiex, kemm jista' ikun, ma tinħoloqx konġestjoni u konfużjoni fit-traffiku minħabba l-inġenji li jintuzaw mill-ħaddiema.
Leg 9 PQ #27901 Sitting 601 2001-09-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ċanga Friska — Ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-valur ta' flus li jrid jitħallas lir-raħħala u bejjiegħa privati taċ-ċanga friska fil-mument? Liema xhur ikopru dan il-pagament u meta se jitħallas?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor Interpellant li s-somma dovuta lill-bejjiegħa tal-laħam u r-raħħala għall-ħlasijiet minn Jannar ta’ din is-sena sa’ l-aħħar t’Awissu tammonta għal Lm453,779. Qed isiru diskussjonijiet dwar din il-materja mal-partijiet konċernati.
Leg 9 PQ #27902 Sitting 601 2001-09-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Tneħħija ta' Levies

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kif ikkonferma u kif jaf li jiena maqtuħ mill-kuntatti mal-bdiewa kif allega f'mistoqsija parlamentari nru. 27637? Fil-frattemp jista' jinfurmani kemm-il darba iltaqgħa mall-Għaqdiet tal-Bdiewa, raħħala u produtturi, Agro Industrija , Industrija ta' l-Ipproċessar u ta' l-Ikel matul l-1999, 2000 u din is-sena biex infurmahom li se jibda jneħħilhom il-levy mis-sena d-dieħla u dan fid-dawl li l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin kien jaf li l-Gvern għandu pjan tant li kkonfermaħ fil-laqgħat tal-MEUSAC?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ma għandi xejn xi nżid mar-risposta għall-mistoqsija Parlamentari numru 27637. Sar numru konsiderevoli ta' laqgħat ma' dawk kollha kkonċernati u jibqgħu jsiru iktar fil-ġejjieni u skond l-ħtieġa tal-mument. L-Oppożizzjoni għażlet li ma tkunx rappreżentata fil-laqgħat tal-MEUSAC. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant m'hux infurmat tajjeb. Fil-fatt mhux minnu li l-levies ser jitneħħew mis-sena d-dieħla iżda qed jitħejja pjan sabiex il-levies jitnaqqsu gradwalment u l-produttur jiġi kompensat b'mod adekwat bla ma l-għajxien tiegħu jiġi mittiefes. L-Onor. Interpellant ikun jista' jakkwista aktar dettalji meta l-Oppożizzjoni tibda taħdem għall-ġid ta' Malta u tinnomina r-rappreżentanti tagħha fl-istituzzjonijiet ta' importanza nazzjonali.
Leg 9 PQ #27903 Sitting 601 2001-09-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Taqsima Land and Water

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-proġetti li qed tissokta bihom it-taqsima tal-land and water u li se jitlestew qabel tibda x-xitwa? Kemm hija n-nefqa għal dawn il-proġetti/xogħlijiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi l-uniku proġett, fost in-numru ta' progetti li qed tissokta bihom it-Taqsima tar-Raba' u ta' l-Ilma, li huwa progettat li jitlesta sa' qabel tibda x-xitwa, huwa t-tkomplija ta' hajt ta' l-ilqugh bis-sistema tal-gabjuni f'Tas-Slampa, limiti tar-Rabat. L-istima ta' dan ix-xoghol hija kkalkulata li tkun ta' Lm 9,000.
Leg 9 PQ #27905 Sitting 601 2001-09-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Poultry Processors Association

Question

Jista' l-Ministru jinformana bil-pożizzjoni tal-ministeru dwar l-aħħar statement tal-Poultry Processors Association (PPA) fejn fl-24 ta' Lulju l-PPA iddikjaraw uffiċjalment li huma mhux se jaċċettaw l-istrateġija proposta mill-Gvern dwar is-settur tagħhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Poultry Processors Association (PPA) taw opinjoni meta kienu għaddejin diskussjonijiet biex tinstab soluzzjoni bil-għan li l-istess settur jibqa' sostenibbli. Il-pożizzjoni tal-Ministeru hi li jkompli jiddiskuti ma' kull min hu konċernat.
Leg 9 PQ #27889 Sitting 599 2001-09-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Rabat — Valletta Road

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 27644 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': Jista' l-Ministru jinfurmani x'passi ttieħdu sabiex ikun magħruf x'ikkawża it-tkissir u l-qerda ta' siġar tal-Prinjol li hemm f'Valletta Road, Rabat, fejn qed isiru xogħlijiet estensivi fuq xi trinek?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-ħsara saret peress li sar tħaffir ta' trinek mill-kuntrattur f'sit mhux awtorizzat mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Intalbet spjegazzjoni mingħand id-Direttur tat-Toroq, id-Direttur għall-Ħarsien ta' l-Ambjent u c-Chairman ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #27890 Sitting 599 2001-09-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa/Sajjieda/Raħħala — Talbiet għall-għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet għall-għajnuna li l-bdiewa, sajjieda u raħħala ressqu matul l-1999, 2000 u l-ewwel sitt xhur tas-sena 2001? Kemm hija ċ-ċifra globali ta' flus li jirrikjedu dawn it-talbiet sabiex il-ministeru jkun jista' japprovahom?

Response (ZAMMIT, NINU)

Matul dawn l-aħħar sentejn u nofs, id-Dipartiment kellu dan in-numru ta' talbiet għal għajnuna finanzjarja bħala self issussidjat: 1999 37 2000 12 2001 12 (sa Ġunju) Dawn l-applikazzjonijiet diġa' ġew ipproċessati u bdew igawdu minn għajnuna bħala sussidju ta' 4.5% fuq l-interessi fuq self sa Lm 10,000 li jirrigwardjaw proġetti agrikoli jew tas-sajd.
Leg 9 PQ #27891 Sitting 599 2001-09-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Tneeħħija ta' Levies

Question

Jista' l-Ministru jinformana liema huma dawk il-levies ta' protezzjoni għas-settur tal-biedja lokali li se jibdew jitneħħew gradwalment minn Jannar li ġej, skond kif jirriżultalu mill-istudju li għamel matul l-aħħar tliet snin dwar din il-bidla?

Response (ZAMMIT, NINU)

Din l-informazzjoni tingħata meta jiġu konklużi d-diskussjonijiet li qegħdin isiru mal-għaqdiet tal-bdiewa dwar dan is-suġġett bħala parti mill-N.P.P. dwar il-Kapitlu tal-Biedja.