Legislature:
Category:
Reset
Active:

Produtturi tal-majjal

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li żdiedet bħala perċentwali l-kompetittivita' fil-produzzjoni tal-produtturi lokali tal-majjal minn wara l-1 ta' Mejju 2004 sal-lum abbażi tas-sussidji li ngħataw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għan tas-sussidji li ġew negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea jibqa’ jkun ta’ income support jew għajnuna finanzjarja lill-produtturi u mhux biex awtomatikament tiżdied il-kompetittività. Kif jaf sewwa l-Onorevoli Interpellant, il-kompetittività tiddependi minn fatturi oħrajn, inkluża l-effiċjenza ta’ operatur versus operator ieħor.

Produtturi taċ-ċanga

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li żdiedet bħala perċentwali l-kompetittivita' fil-produzzjoni tal-produtturi lokali taċ-ċanga minn wara l-1 ta' Mejju 2004 sal-lum abbażi tas-sussidji li ngħataw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 21684.

Attrazzjonijiet għall-għaddasa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-MEPA milli tiddeċiedi li tagħti l-go-ahead biex jiġu mgħarrqa żewġ biċċiet tal-baħar oħra barra ċ-Ċirkewwa u ħdejn Għawdex bħala attrazzjonijiet oħra għall-għaddasa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mill-informazzjoni li għandha l- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), ma jidhirx li hemm applikazzjonijiet pendenti għal dan it-tip ta’ żvilupp.

Akwarju fil-baħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-MEPA milli tiddeċiedi li tipproċessa iżjed malajr applikazzjoni biex isir akwarju fil-baħar bħala attrazzjoni turistika?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni rilevanti qegħda tiġi pproċessata u hu mistenni li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tieħu deċiżjoni dwarha fiż-żmien stipulat mil-liġi.

Biċċerija

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21643 u jgħid kemm intnefqu flus fil-biċċerija biex tiġi modernizzata u aġġornata għal-livell Ewropew matul l-2003, l-2004, l-2005 u sa Settembvru 2006?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 21670.

Urban Improvement Fund

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-urban improvement fund (UIF) għal kull belt u raħal separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni hija aċċessibbli mill-pubbliku minn fuq il-website ta’ l-istess Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Din l-informazzzjoni ilha aċċessibbli sa mill-20 ta’ Ottubru 2006.

Biċċerija tal-Marsa — Veterinarji barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' veterinarji barranin li telqu mix-xogħol tagħhom fil-biċċerija tal-Marsa minn wara l-1 ta' Mejju 2004 sal-lum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-lum telqu żewġ veterinarji barranin mix-xogħol tagħhom fil-biċċerija tal-Marsa.

Biċċerija tal-Marsa — Veterinarji Maltin u Għawdxin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' veterinarji Maltin u Għawdxin li telqu mix-xogħol tagħhom fil-biċċerija tal-Marsa minn wara l-1 ta' Mejju 2004 sal-lum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tliet (3) veterinarji Maltin telqu mix-xogħol tagħhom fil-biċċerija tal-Marsa mill-1 ta’ Mejju 2004.

Ta' Qali — Packing/Grading Station

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm sewa l-packing u l-grading station f'Ta' Qali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammonti mħallsin għall-Grading Station f’Ta’ Qali kienu Lm 272,838.77 (2004 – Lm 135,890.40 u 2005 – Lm 136,948.37). Dawn tħallsu minn fondi tal-Protokoll Taljan.

Ta' Qali — Packing/Grading Station

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu jitħaddemn il-packing u l-grading station f'Ta' Qali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-packing u l-grading station f’Ta’Qali tlesta fis-sena 2005 u minn dik is-sena beda jitħaddem mill-Għaqda tal-Produtturi Gomriża.

Ta' Qali — Ħaxix

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa t-total/tunnellaġġ ta' ħaxix li ġie ppakkjat u ggradjat fil-packing station ta' Ta' Qali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 21676.

Ta' Qali — Grading/Packing Station

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jsir mill-grading/packing station tal-patata għall-esportazzjoni f'Ta' Qali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalissa l-grading/packing station tal-patata għall-esportazzjoni ser tibqa’ fejn hi.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Kuntratti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar outsourcing u kuntratti simili jew anċillari għall-proviżjon ta' servizzi mill-ministeru, mid-dipartimenti u mill-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru tiegħu matul is-snin 2004, 2005 u 2006? Min kienu l-kumpanniji, individwi, firms, etc. li ħadu dan ix-xogħol (outsourcing u kuntratti ta' proviżjoni ta' servizzi )matul l-istess snin u perijodi? Kemm tħallsu kull individwu u/jew ente li rċeviet xogħol bħal dan mill-ministeru, dipartiment jew ente li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-istess perijodi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jista’ l-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku b’xi jfisser b’outsourcing u għal liema kuntratti simili qed jirreferi?

Mellieħa — Wied tal-Madonna

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra studju u d-dokumenti kollha li juru li l-Wied tal-Madonna, Mellieħa mhuwiex wied u allura jista' isir żvilupp ta' bini fuqu? Jista' il-Ministru jirriferi l-istudju idroloġiku privat li ġie ppreżentat lill-MEPA wara li dan hu attwalment wied u allura irid jobdi r-regoli kollha tal-MEPA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-area msemmija kienet fil-limiti ta' l-iżvilupp kif definiti mill-Parlament skond l-iskemi ta' l-iżvilupp ta' l-1988. Il-Pjan Lokali kif approvat jerġa’ jikkonferma din l-pożizzjoni. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra dawn id-dokumenti: Document Marked X - Submission of a study by an engineer entrusted by the applicant. Document Marked Y - An objection letter with attached the submission of a Hydrology Report by an engineer entrusted by the objectors. Document Marked Z - An orthophoto of Mellieha showing the site in question marked with an orange circle and the Area falling Outside Development Zone boundaries shaded in green.

Ċentru ta' riċiklaġġ ta' skart goff

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21459 tat-23 ta' Ottubru 2006, jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-site plan taċ-ċentru tar-riċiklaġġ ta' skart goff li se jitwaqqaf fl-Imrieħel u l-istudji li saru kif ġie mitlub f'din l-istess mistoqsija u b'konformita' mat-tagħrif li ngħata fit-tweġiba, fejn intqal: L-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għamlet numru ta' kondizzjonijiet biex taċċerta ruħha li l-iżvilupp ikollu l-inqas impatt possibbli f'din iz-zona industrijali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra id-dokumenti mitluba.

Marsa — Biċċerija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus għal immodernizzar tal-biċċerija tal-Marsa matul din is-sena? Kemm minnhom tħallsu u fiex intnefqu? Jista' il-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar snin sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-fondi li ntefqu għat-tagħmir u l-manutenzjoni fid-Diviżjoni ta’ l-Ikel u l-Affarijiet Veterinarji li sa Marzu 2005 kienet taħt it-tmexxija ta’ l-eks Direttur Ġenerali, u li l-lum tissejjaħ Diviżjoni ta’ l-Affarijiet Veterinarji u s-Sajd, matul l-2003, 2004, 2005 u 2006 huma hekk: 2003 - Lm247,945 2004 - Lm247,460 2005 - Lm369,620 2006 - Lm139,900

Marsa — Biċċerija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' rapporti u spezzjoniet li saru mill-esperti ta' l-Unjoni Ewropea fil-biċċerija tal-Marsa minn wara l-1 ta' Mejju 2004? Meta saru u min kienu l-persuni li għamlu dawn l-ispezzjonijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-ewwel ta' Mejju 2004 saru żewġ spezzjonijiet fil-biċċerija tal-Marsa min-naħa tal-Food and Veterinary Office (FVO) tad-DG Sanco ta' l-Unjoni Ewropea. L-ewwel waħda, li kienet biss tikkonċerna parti mill-operat tal-biċċerija, saret f'Diċembru 2004 u l-aħħar waħda saret matul Ottubru ta' din is-sena. Peress li l-uffiċjali nkarigati mill-ispezzjoni huma impjegati tal-Kummissjoni Ewropea mhijiex etika li jingħataw l-ismijiet tagħhom.

MEPA — Rave Parties

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA hijiex se tibqa' tagħti permessi għal rave parties jew attivitajiet tal-massa organizzati ġo postijiet koperti mill-ischeme nature 2000 fil-futur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) s' issa tipproċessa applikazzjonijiet għall-rave parties u attivitajiet oħrajn tal-massa f'żoni ambjentalment sensittivi fuq bażi ad hoc. Fl-ipproċessar ta' applikazzjonijiet ta' dan it-tip, jigi meqjus l-impatt li l-attività proposta jista' jkollha fuq l-ambjent tal-madwar u, fid-dawl ta' esperjenza li l-Awtorita' għandha dwar dan tul dawn l-aħħar snin, jitfasslu għadd ta' kundizzjonijet li taħtom tista’ ssir l-attività in kwestjoni. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu konfini speċifiċi li fihom tista' ssir l-attività, in-natura ta' strutturi li jinbnew għall-okkażjoni (li jridu jkunu ta' natura temporanja), kif ukoll l-iżmantellar ta' tali strutturi fi żmien speċifiku, il-kontroll fuq kalpestar ta' siti fl-inħawi waqt aċċess għas-sit minn nies jew vetturi, it-tindif tas-sit wara li ssir l-attivita' u l-limitu għal tniġġiż minn dawl (light pollution). Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu wkoll garanzija bankarja li tinżamm mill-Awtorità jekk tinkiser xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet mill-organizzaturi ta' l-attività. Għal dan il-għan, l-Awtorità' tibgħat spetturi li jżuru s-sit kemm qabel u kif wara l-attività. Hemm il-ħsieb li din is-sistema tkun riveduta billi jitfasslu linji gwida ġenerali għal attivitajiet bħal dawn.

Dairy Premium

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21260 u 21476 u jgħid kemm kienu l-pagamenti fl-2004 u l-2005 separatament tad-dairy premium? Meta saru dawn il-pagamenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li il-pagament tad-dairy premium għas-sena 2005 ammonta għal Lm99,735.95 li tqassam bejn 144 raħħal. Tħallsu wkoll Lm45,978.04 bħala additional payments fuq il-kwantità tar-referenza tal-ħalib. Dawn il-pagamenti saru fit-28 ta’ Gunju 2006. Ma kien hemm l-ebda ħlas ta' Dairy premium għas-sena 2004 għax dawn il-ħlasijiet huma nkorporati fil-pagamenti li saru fl-2005.