Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol sa l-aħħar ta' Ottubru 1998? Kemm min dawn kienu persuni li qed jirreġistraw għall-ewwel darba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig fl-aħħar ta' Ottubru 1998 kien ta' 7,288. Minn dawn kien hemm 510 persuna li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol għall-ewwel darba. L-aħħar figuri ppublikati huma ta' Settembru 1998. 2.12.98

Wied il-Għajn — Day centre

Question

Jista' l-Ministru jispeċifika taħt min suppost jaqgħu r-responsabilitajiet tad-dining room tad-Day Centre ta' Wied il-Għajn - tad-diriġenti tad-day centre jew tal-caterers? Rigward l-istess ċentru, jista' l-Ministru jgħid meta se tibda tintuża s-swimming pool diġa' fornuta? X'ammonti ta' care workers u residenti hemm f'dan iċ-ċentru ta' Wied il-Għajn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Meta nfetaħ iċ-Ċentru tat-Taħriġ ta' Wied il-Għajn, saru arrangamenti biex id-'dining room' taqa' taħt ir-responsabbilita' tal-'Catering Manager' li tieħu ħsieb il-kċina, waqt li d-'day centre' jaqa' taħt ir-responsabbilita' ta' l-'Acting Head' tad-'day centre'. Hemm ftehim ukoll li kull meta l-persuni b'diżabilita' jkollhom bżonn jagħmlu użu mid-'dining room', dawn jitħallew jużawha liberament. Qabel ma s-'swimming pool' tibda tintuża, din għandha bżonn li ssirilha tiswija minħabba xi konsenturi li għandha fil-qiegħ. M'hemmx dubbju li meta jkun il-waqt, is-'swimming pool' tiġi rranġata biex isservi l-bzonnijiet tal-persuni b'diżabilita' mhux biss taċ-Ċentru ta' Wied il-Għajn imma taċ-ċentri l-oħrajn. In-numru ta' persuni b'diżabilita li qed jattendu ċ-ċentru huwa 57 u dawn qed jieħdu ħsiebhom 12-il impjegat li l-gradi tagħhom huma dawn: 1 Acting Head taċ-Ċentru 1 Assistant Head 1 Care Worker 4 Assistant Care Worker 4 Casual Care Worker 1 Casual Social Assistant F'dan iċ-Ċentru hemm ukoll servizz ta' 'nurse'. 2.12.98

Abbuż ta' droga/qgħad — Studju

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk sarx xi studju dwar jekk hemmx xi korelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u l-qgħad?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Agenżija Sedqa qatt ma għamlet studju dwar jekk hemmx korrelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u l-qagħad. Iżda, mill-istatistika li tinġabar miċ-Ċentru ta' ditossifikazzjoni ta' l-Aġenzija Sedqa, wieħed jista' jasal għal stampa ċara ta' żviluppi f'dan ir-rigward. Fil-fatt, skond din l-istatistika, 48% (jew 362 individwi li użaw dan is-servizz fl-1997 (jiġifieri 741 persuna), kienu qiegħda. 2.12.98

Droga — Studju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju dwar jekk hemmx xi korelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u t-tip ta' xogħol li jagħmlu dawk li jabbużaw mid-droga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Aġenzija Sedqa qatt ma għamlet studju dwar jekk hemmx xi korrelazzjoni bejn l-abbuż u t-tip ta' xogħol li jagħmlu dawk li jabbużaw mid-droga. Iżda, fl-1996 ġie kkummissjonat studju mit-taqsima Riċerka w Evalwazzjoni fi ħdan l-Aġenzija Sedqa, fuq l-attitudnijiet ta' impjegati fi gradi maniġerjali lejn l-użu tad-droga u l-alkoħol fuq il-post tax-xogħol. Madwar 200 impjegat fi grad maniġeriali minn 666 kumpanija pparteċipaw f'dan l-istudju. Skond ir-rapport dwar dan l-istudju, 5% tal-parteċipanti qalu li kienu jafu b'ħaddiema li jużaw id-droga fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li 13.6% qalu li kienu jafu b'ħaddiema li jużaw id-droga barra mill-post tax-xogħol. 2.12.98

Droga — Studju

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk sarx xi studju u jekk hemmx xi korelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u l-lokalitajiet differenti f'Malta u f'Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Aġenzija Sedqa qatt ma għamlet studju dwar jekk hemmx korrelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u l-lokalitajiet differenti f'Malta u f'Għawdex. Iżda, ta' min jinnota li tinġabar statistika b'mod regolari miċ-Ċentru ta' ditossifikazzjoni ta' l-Aġenzija Sedqa, li fost l-oħrajn, tikkunsidra l-lokalita' tar-residenza ta' l-individwi li qed isegwu kura. Filwaqt li f'din l-istatistika hemm xi lokalitajiet li huma aċċentwati, jidher li l-lokalitajiet tar-residenza ta' l-individwi li qed isegwu kura f'dan iċ-Ċentru huma mifruxa prinċipalment fuq iż-żoni l-aktar urbanizzati ta' pajjiżna. Wieħed, iżda, irid iżomm f'moħħu li f'dan il-każ qed nitkellmu biss fuq individwi bi problema ta' dipendenza li qed jirċievu kura partikolari. M'hemmx dubju li hemm numru sinifikanti ta' dipendenti u nies li jużaw id-droga b'mod esperimentali li mhumiex f'kuntatt ma' l-ebda servizz terapewtiku. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jikkunsidra din l-informazzjoni bħala rappreżentattiva tas-sitwazzjoni totali. L-validita' ta' din l-informazzjoni hija fl-użu tagħha bħala indikatur ta' l-aspetti demografiċi tal-popolazzjoni ta' individwi li jabbużaw mid-droga. 2.12.98

Persuni b'Diżabilita' — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kif taħdem l-iskema li tgħin persuni b'diżabilita' li jkunu jixtiequ jingħataw sussidju biex jinstallaw lift f'darhom? X'inhuma r-rikjesti biex jingħata dan is-sussidju? Min iżur id-dar ta' l-applikkant meta ssir talba bħal din? Kemm bejn wieħed u ieħor idum l-applikant minn meta japplikaw sa meta jieħu s-sussidju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar għanda Skema - Skema Wieħed - biex persuni b'diżabilita' jistgħu japplikaw biex jaddattaw ir-residenza tagħhom għad-diżabilita' partikolari tagħhom (Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Iskema). Minn hu nteressat li jibbenefika taħt din l-iskema għandu jiġbor formola mill-uffiċju ta' l-Awtorita' tad-Djar, il-Furjana jew mill-Kummissjoni għall-Persuni b'Diżabilita', Sta Venera u jirritornaha lill-Awtorita' tad-Djar flimkien mad-dokumenti rikjesti. Din l-applikazzjoni tiġi proċessata minn Kumitat magħruf bħala 'Kumitat tal-Housing Authority għall-Persuni b'Diżabilita'' li jagħmel ir-rakomandazzjoni tiegħu liċ-Chairman ta' l-Awtorita' tad-Djar fuq il-każ. Normalment, iċ-Chairman jaġixxi fuq din ir-rakomandazzjoni. Fost dan il-proċess, żewġ Social Workers u l-Manager tal-Physiotherapy jagħmlu assessment dwar il-persuna b'diżabilita' u l-ambjent fejn tgħix din il-persuna. Kif l-Awtorita' tad-Djar tirċievi din ir-rakomandazzjoni tibgħat perit fuq il-post biex jagħti il-parir tekniku u anke jagħmel stima tax-xogħolijiet. Peress li dan il-Kumitat jiltaqa darba fix-xahar fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali, Sta Venera, l-applikazzjoni tieħu madwar xahrejn biex itġi finalizzata. Il-ħlas tas-sussidju isir hekk kif l-applikanti jipproduċu l-kontijiet tax-xogħolijiet li saru. 2.12.98

Persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-Gvern biex jassigura li kull bini pubbliku u tal-privat ikun aċċessibli għal persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern u s-Soċjeta' Maltija jridu jaħdmu fuq ħames (5) livelli biex jassiguraw li postijiet miftuħa għall-pubbliku, kemm dawk li huma tal-Gvern kif ukoll dawk li huma tal-privat, ikunu aċċessibli għal kulħadd, inkluż persuni li għandhom diżabilita'. Dawn ħames livelli huma: a) EDUKAZZJONI lill-periti u dawk li jaħdmu fl-industrija tal-bini. F'dan il-qasam għalkemm saru kuntatti, għad hemm ħafna aktar x'isir l-aktar mal-Faculta' tal-Arkitettura. Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ser terġa timpenja ruħha fil-futur qarib f'dan ir-rigward. b) INFURZAR tal-policies tal-Pjan ta' Struttura mill-Awtorita' tal-Ippjanar. c) REGOLAMENTI TAL-BINI li jassiguraw dan. Fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti kien twaqqaf kumitat biex jaħdem fuq dawn ir-regolamenti u l-abbozz tagħhom kien tlesta. Sfortunatament, dan il-proċess ma tkompliex u l-Kummissjoni ser taħdem biex dawn ir-regolamenti mportanti jingħataw is-saħħa legali u jibdew jiġu infurzati. d) Fi żmien l-amministrazzjoni Laburista preċedenti twaqqfet 'Accessibility Unit' fi ħdan il-Ministeru tax-Xogħolijiet Pubbliċi biex bini tal-Gvern miftuħ għall-pubbliku jsir aċċessibli għal kulħadd. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni din il-Unit għadha mhiex tiffunzjona sew u l-istess Kummissjoni ser taħdem biex dan ix-xogħol tal-'Unit' jibda jsir b'mod aktar effettiv. e) Fl-aħħar nett hi l-opinjoni tal-Kummissjoni li LIGI OPPORTUNITAJIET INDAQS (PERSUNI B'DIŻABILITA') li mistennija li tgħaddi s-sena d-dieħla ser tagħti aktar saħħa lill-persuni b'diżabilita', l-għaqdiet tagħhom u lill-Kummissjoni stess biex, sa fejn hu raġonevoli skond l-istess liġi, bini miftuħ għall-pubbliku ikun aċċessibli għal kulħadd. 2.12.98

Miżuri ta' health and safety

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel id-dipartiment biex f'bini pubbliku bħal skejjel, dipartimenti kif ukoll fi stabbilimenti privati jiġi assigurat li jkun hemm faċilitajiet li jipprovdu l-health and safety ta' dawk li jagħmlu użu mill-bini u stabbilimenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sallum l-ispetturi ta' l-'Occupational Health & Safety Unit' ma jagħmlux bħala regola żjarat f'postijiet tax-xogħol li jiffurmaw parti minn Dipartimenti tal-Gvern, għalkemm, kemm il-darba saru zjarat f'postijiet bħal dawn minħabba f'xi xogħol partikolari li jkun qiegħed isir fihom. Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni għandu EDUCATION OFFICER inkarigat mis-saħħa u sigurta' fl-iskejjel. Diversi Dipartimenti tal-Gvern għandhom ukoll uffiċjali inkarigati minn 'Health & Safety'. L-ispetturi ta' l-OHSU għandhom l-inkarigu bil-liġi li jispezzjonaw postijiet tax-xogħol. Postijiet residenzjali li m'humiex postijiet ta' xogħol ma jaqgħux taħt il-kontroll tagħhom. 2.12.98

SWDP — Telefonati fuq il-helpline

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu telefonati jitolbu l-għajnuna fuq il-helpline ta' l-SWDP minn Ottubru, 1997 sa Ottubru, 1998, xahar b'xahar? X'tip ta' għajnuna ntalbet f'dawn it-telefonati? L-għajnuna mitluba tiġi kklassifikata f'kategoriji differenti? X'inhi kull kategorija u kemm kien hemm każi f'kull kategorija? X'tip ta' għajnuna ngħatat bħala follow up għal dawn it-telefonati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. Bħal ma jista' jinnota l-Onor. Membru, din l-informazzjoni hija kklassifikata skond in-natura tat-telefonata. Irrid niċċara, iżda, li n-numru ta' telefonati mhux neċessarjament jindikaw numru ta' każi ġodda, imma jirreferu għal kull tip ta' telefonata ġenwina li tkun daħlet fis-'Supportline' 179. Ikun hemm persuni li jċemplu ripetutament. It-tip ta' għajnuna li ntalbet kienet tiddependi fuq il-każ li dwaru jċemplu l-klijenti fuq il-179. Il-voluntiera huma mħarrġa biex ma jagħtux pariri jew isolvu l-problemi tal-klijenti, pero' dmirhom hu li jisimgħu u jifhmu lil min iċempel, u joffru sapport psikoloġiku f'forma ta' 'empathy'. Il-voluntiera huma f'pożizzjoni li joffru nformazzjoni li tkun tista' tgħin lill-klijent isib soluzzjoni għall-problema tiegħu. Il-voluntiera jistgħu joffru nformazzjoni dwar servizzi ta' sapport offruti minn kważi kull għaqda volontarja li hawn f'pajjiżna, dwar agenziji tas-'social work', dwar servizzi mill-Isptar, dwar servizz ta' terapija għall-familja, dwar servizz legali bla ħlas, fost oħrajn. Il-voluntiera fis-'Supportline' 179 m'humiex f'pożizzjoni li jistgħu jagħtu għajnuna fit-tul (long-term) u, f'każ ta' persuni li jkollhom bżonn attenzjoni professjonali fit-tul, kif diġa għidt, dawn jiġu riferuti (jekk huma jaċċettaw) lil aġenziji partikolari skond il-każ, jew inkella jiġu mfiehma kif jistgħu jirreferu lilhom infushom fl-aġenziji partikolari. 2.12.98

Santa Venera — Ċentru Ħidma Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm mastrudaxxi, electricians u ħaddieda biex jipprovdu servizz ta' xogħol fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali, f'Santa Venera? Liema ħinijiet jaħdmu? X'xogħol għamlu fl-aħħar xahar? Min hu responsabbli biex jara li dawn il-persuni fil-fatt jidħlu għax-xogħol jaħdmu s-sigħat dovuti u jagħmlu x-xogħol mistenni minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-ħaddiema fit-Taqsima tal-Manutenżjoni fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali huma: Assistant Technical Officer - wieħed (1) Senior Tradesman - erbgħa (4) Tradesman - tnejn (2) General Hand - tlieta (3) TOTAL - għaxra (10) - Dawn il-ħaddiema jidħlu għax-xogħol fis-sebgħa ta' filgħodu (07.00) u jispiċċaw fil-ħamsa nieqes kwart ta' filgħaxija (16.45). - Fl-aħħar xahar, dawn il-ħaddiema għamlu xogħol għad-Dipartiment Ħarsien tal-Familja a bażi ta' 'requisition orders', u xogħol ieħor għall-'Adult Training Centres', għall-Ministeru tal-Politika Soċjali u għas-servizz tat- Telecare. - Dawn il-ħaddiema huma fuq il-kotba tad-Dipartiment Ħarsien tal-Familja u jinżamm kontrol fuq l-attendenza għax-xogħol skond ir-regolamenti. 2.12.98

Gudja — Ta' Xlejli - Project area

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-project area ta' Xlejli, fil-Gudja, fejn kien se jsir ġnien u bandli? Il-kuntrattur intgħażel? Jekk iva, għaliex il-proġett għadu ma bediex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li t-tender ingħatat u x-xogħol jinsab fl-idejn taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar. 2.12.98

Djar — Każ ta' housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-każ fuq housing li dwaru qed nibgħat informazzjoni u ritratti separatament li juru l-gravita' tal-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 2.12.98

Impiegi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imħarka persuni sena b'sena mill-1990 'l hawn li nqabbdu jaħdmu waqt li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni f'Malta u Għawdex sena b'sena mill-1990 l'hawn li nqabdu jaħdmu waqt li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol hu kif ġej: SENA TOTAL ____ _____ 1990 263 1991 80 1992 48 1993 133 1994 222 1995 533 1996 646 1997 575 1998 (sa Settembru) 168 1.12.98

Sigurta' Soċjali — Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jeżistu pensjonanti f'pajjiżna li għandhom eta' minn: a) 60 sena sa 65 sena; b) minn 66 sena sa 70 sena; c) minn 71 sena sa 75 sena; d) minn 76 sena 'il fuq? Kemm kien hemm pensjonanti, sena b'sena, mill-1990 'il hawn fl-1 ta' Jannar ta' kull sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed nipproduċi tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. TABELLA A Statistika dwar etajiet differenti ta' Persuni li jirċievu pensjoni kontributorja. Kategorija ta' Eta Pensjonanti Nisa Pensjonanti Rġiel __________________ ________________ _________________ 60 - 65 sena 3978 7587 66 - 70 sena 3446 6103 71 - 75 sena 3558 5002 'l fuq minn 76 sena 6874 5900 TOTAL 17856 24592 TABELLA B Statistika dwar in-numru ta' persuni li jirċievu xi Pensjoni Kontributorja. (figuri kif kienu f'Jannar ta' kull sena) SENA NUMRU TA' PENSJONANTI 1990 39073 1991 39700 1992 40680 1993 42184 1994 43541 1995 44705 1996 46559 1997 48327 1998 49949 1.12.98

Ministeru tal-Politika Soċjali — Area officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jeżistu area officers li joffru servizzi tad-dikasteru li għalih huwa responsabbli l-Ministru f'Malta u Għawdex? F'liema lokalitajiet jinsabu? Kemm hemm ħaddiema f'kull area office? Dawn huma skond il-complement ippjanat għal kull area office? Jekk fin-negattiv, x'diskrepanzijeżistu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hemm 22 Uffiċċji Distrettwali li joffru servizz lill-pubbliku li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-Ministru tal-Politika Soċjali. Id-dettalji ta' kif huma mqassmin il-ħaddiema hu kif indikat hawn taħt: Post Persuni fuq xogħol Ħaddiema Differenza mill- klerikali oħra mhux komplement idejali tal-Post Floaters* fuq xogħol ta' persuni fuq (xogħol klerikali) klerikali xogħol klerikali Balzan 2 - 2 xejn B'Kara 5(a) - 2 xejn Cospicua 4 - 1 xejn Ħamrun 3(b) - 2 -1 Luqa 3 - 2 xejn Marsa 3 - 2 xejn Mosta 4 2 2 xejn Msida 2 1 1 -1 Naxxar 2 - 1 xejn Paola 4 - 2 xejn Qormi 2 1 3(c) -2 Rabat 4(d) - 1 xejn St Pauls Bay 2 - 2 xejn San Gwann 1 1 1 -2 Sliema 3 1 1 -1 Valletta 3 1 1 xejn Zabbar 5(e) 1 2 +1 Zebbug 2 - 2 -1 Zejtun 3 - 1 -1 Zurrieq 5(f) - 3 +2 Victoria 10 - 3 +2 Nadur 4 - 2 +2 TOTAL 76 8 39 123 Ħaddiem _____ __ _ __ ___________ NOTA:- (a) B'Kara - Persuna klerikali qegħdha fuq 'maternity leave'. (b) Ħamrun - Hemm persuna fuq xogħol klerikali nieqsa, filwaqt li hemm messaġier żejjed, iżda dan hu persuna b' diżabilita'. (c) Qormi - Persuna minnhom b'diżabilita'. (d) Rabat - Persuna klerikali li dalwaqt tibda bil-'maternity leave'. (e) Żabbar - Persuna minnhom b'diżabilita'. (f) Żurrieq - Żewġ persuni b'diżabilita' fuq xogħol ħafif. *Floaters _________ Persuni li huma indikati bħala Floaters, għalkemm jirrapurtaw għax-xogħol fid-Distrett kif indikat, huma msejħa skond il-ħtieġa biex jagħmlu xogħol f'distretti oħra fejn ikun hemm xi nuqqas ta' staff. 1.12.98

Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif għandu l-ħsieb li jiċċelebra s-sena 1999 dedikata għall-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Naħseb l-Onor. Interpellant jaf li f'April, 1998, taħt l-amministrazzjoni preċedenti, fuq istruzzjonijiet tal-United Nations, twaqqaf kumitat jismu 'National Focal Point', bl-iskop li jħejji programm għas-sena 1999, dedikata għall-anzjani. Dan il-kumitat, li fih hemm ukoll kważi l-membri kollha li kien hemm qabel, fis-26 ta' Ottubru, 1998, ta press conference li fiha ġie ppreżentat dokument, intitolat 'Working Document and Proposed Activities' li kopja tiegħu ser inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. 1.12.98

Ministeru tal-Politika Sopċjali — Welfare services

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista sħiħa ta' Welfare Services offruti mill-Ministeru u d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu bħalissa? Kemm hemm persuni li qegħdin jibbenefikaw minn kull wieħed minn dawn is-servizzi bħalissa, sena b'sena, mill-1990 'il hawn? Kemm kienet/hija l-ispiża nvoluta għal kull benefiċċju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartimenti u l-Aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi u li joffru xi servizzi ta' 'welfare', kif ukoll it-tip ta' servizzi li joffru, huma dawk li jidhru hawn taħt: (i) Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja u Programm Ħidma Soċjali (Social Welfare Development Programme) 'Social Work' relatat ma problemi fil-familja, tfal abbużati, nisa msawwta, 'probation' u 'fostering', kif ukoll persuni b'diżabilita' u l-familji tagħhom; (ii) Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' Servizzi varji lill-persuni b'diżabilita' u l-familji tagħhom; (iii) 'Adult Training Centres' Taħriġ u servizz ta' 'respite' għal matul il-jum għall-persuni adulti b'diżabilita'; (iv) Aġenzija Sedqa Servizzi ta' prevenzjoni u kura fil-konfront ta' l-abbuż mill-alkoħol u d-droga; (v) 'Occupational Health and Safety Unit' tad-Dipartiment tax-Xogħol Servizz lill-ħaddiema għall-ħarsien tas-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol; (vi) Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali Servizzi fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, naħseb li l-Onor. Membru japprezza li x-xogħol meħtieġ sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba m'huwiex ġustifikat f'dan il-kuntest. 1.12.98

Anzjani — Home help

Question

Jista' l-Ministru jara li l-koppja anzjana li l-identita' tagħha qed tingħata separatament ma' din il-mistoqsija, tingħata l-home help minħabba ċirkostanzi ta' mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-koppja anzjana li l-identita' tagħha ingħatat separatament ma din il-mistoqsija ingħatat il-'Home Help Service' fis-16 ta' Novembru l998. l.12.98

Persuni b'diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-budget li jmissx hemmx il-ħsieb li jiġi allokat fond għal dawk in-nies li jsofru minn xi diżabilita' u li applikaw għal Home Help? Qabel din il-kategorija kienet tiġi moqdija mill-vot ta' l-anzjani.

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onor. Membru mhux korrett meta jgħid li 'qabel din il-kategorija kienet tiġi moqdija mill-vot ta' l-anzjani', għaliex jirriżulta li kien hemm diversi talbiet li ma ġewx moqdija fl-amministrazzjoni preċedenti u jirriżulta wkoll li kien hemm min kien qiegħed jirċievi dan is-servizz u twaqqaf b'mod irresponsabbli mill-Gvern preċedenti, tant li każ minnhom tressaq quddiem l-Ombudsman u ingħata r-raġun lill-familja konċernata. Jien nemmen u ser ninsisti li dan is-servizz jingħata skond il-bżonn u li talbiet minn persuni b'diżabilita' jingħataw l-importanza li jistħoqqilhom. 1.12.98