Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Safar
Question
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għas-safar tal-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew ta' xi tip ieħor lil għaqdiet jew clubs sportivi u kulturali matul is-sena 2006 mill-ministeru u enti li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min ibbenefika u kemm kien l-ammont għal kull każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk il-ħaddiema (il-grad) taċ-ċivil li huma ntitolati għal karozza? Kemm spiċċaw ħaddiema f'dan il-grad tul dawn l-aħħar ħames snin u kemm minnhom baqgħu jgawdu minn din il-karozza anke meta spiċċa? X'tip ta' karozza kienet f'kull każ u s-sena ta' reġistrazzjoni għal kull karozza?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għal manutenzjoni/repairs tal-karozza uffiċjali tiegħu u tas-second car tiegħu matul is-sena 2006?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-ispiża għall-manutenzjoni / repairs tal-karozza uffiċjali u tas-second car tiegħi matul is-sena 2006 kienet Lm868 u Lm593 rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpanniji joperaw fir-Ricasoli? Issa li l-post se jintuża għal skop ieħor, fejn intbagħtet kull kumpannija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ġo Ricasoli kien hemm 18-il Kumpanija.
Minn dawn, 11 ġew rilokati għal Bulebel
3 ġew rilokati għal Marsa
1 ġiet rilokata għal Ħal Far
1 ġiet rilokata għal Kordin.
Żewġ Kumpaniji oħra ma kienx hemm il-ħtieġa li jkunu rilokati.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar iż-żewġ impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ li wieħed minnhom, dak fl-inħawi tal-Mellieħa, diġa' qed jitwettaq, u l-ieħor li se jsir fin-naħa t'isfal ta' Malta? X'mistenni jkun l-investiment f'dawn iż-żewġ impjanti u kemm minnu se jkun finanzjat mill-Unjoni Ewropea? Barra minn dawn it-tnejn, jikkonfermax ukoll li se jsir xogħol infrastrutturali kbir biex tiġġedded il-pumping station tal-Marsa? Fiex jikkonsisti dan il-proġett, kemm se jiswa u jekk dan hux se jkun finanzjat mill-UE wkoll? Hemm xi upgrading ta' pumping stations oħra xi jrid isir b'konnessjoni maż-żewġ impjanti tat-tisfija msemmija qabel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Triq li tagħti minn Naxxar għall-Mosta — Street lighting
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex sal-lum it-triq prinċipali li tagħti minn Naxxar għall-Mosta min-naħa ta' Sta. Margerita l-Mosta għadha mingħajr street lighting fejn hija perikoluża, speċjalment in-naħa fejn hemm barriera miftuħa li tmiss litteralment mat-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-responsabbilta' ta' l-street lighting f'din it-triq taqa' taħt il-Kunsill Lokali u mhux taħt l-Enemalta għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 23436 u 23114 u jgħid kemm minn dawn is-substations ta' l-elettriku kien hemm il-bżonn tagħhom għal xi proġett partikolari nkluż l-isem tal-proġett?
F'każ li l-bżonn ta' substation hu minħabba konsum akbar ta' elettriku minħabba xi proġett partikolari, min iħallas għal din is-substation, jiġifieri l-Enemalta jew l-iżviluppatur?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li substations ġodda jiġu mħallsa jew mill-Enemalta jew mill-iżviluppaturi tal-proġetti ġodda, skond Avviż Legali 27/1999. L-ismijiet tal-proġetti fejn inbnew substations jew fejn kien hemm akkwist tal-artijiet għal substations matul is-sena l-oħra huma kif jidhru fuq il-lista li ser inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' sussidju fuq dawl u ilma ta' persuna li tgħix bil-pensjoni ta' l-invalidita' li qed jitlob li s-sussidju li kien jieħu fuq il-post fejn kien joqgħod jiġi trasferit għall-post ieħor?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23461 u jgħid:
(1) min għamel il-kuntratt għan-naħa tat-tarzna fuq il-fairmount ships?
(1a) Jista' jgħid min għamel dan il-kuntratt għadux it-tarzna?
(1b) Jista' jgħid kemm hu l-estimated profit fuq dan il-proġett tal-fairmount ships?
Response (GATT, AUSTIN)
1. Ninsab infurmat li minn naħa tat-Tarzna iċ-Chief Executive Officer iffirma l-kuntratt tal-Fairmount Ships.
1a. Iva din l-istess persuna għadha mpjegata t-Tarzna.
1b. L-informazzjoni hi ta' natura kummerċjali u ma naħsibx li nkun qed nagħmel ġid lit-Tarzna jekk nagħti l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid meta nbeda x-xogħol fuq l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f'Għawdex? Kemm ġej jiswa l-proġett u kemm tħallsu l-kuntratturi s'issa? Meta suppost tlesta l-proġett u meta fil-fatt hu maħsub li jitlesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
X'passi ħadet il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma rigward il-każ tal-persuna mill-Birgu li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha għal dawn l-aħħar tlett ġimgħat bl-ilma dieħel fid-dar tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, jidher li din kienet problema fis-sistema tal-plumbing interna tal-konsumatur.
Fil-fatt, il-konsumaturi msemmija kkonfermaw li l-ilma li kien qed inixxi fid-dar tagħhom waqaf xi ġranet ilu.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2006? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa mill-Gvern Malti dwar l-opinjoni motivata li l-Kummissjoni Ewropea bagħtet lil Malta għal nuqqas ta' osservanza tar-regoli dwar il-kabotaġġ marittimu fis-servizz tat-trasport bejn Malta u Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jitħallsu tal-grad il-ġdid il-ħaddiema tal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma li fis-sajf li għadda ħadu promotion?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fis-sajf li għadda nħareġ biss ir-riżultat ta' l-intervisti li saru lil min applika.
Madanakollu s'issa għadhom ma ngħatawx il-ħatriet offiċjali u allura ħadd għadu ma ġie appuntat fi grad ogħla li jġib miegħu żieda fis-salarju.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Safar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm qamet kull safra (spejjeż kollha nklużi) li saret matul l-2006 fejn kien involut hu , safra b'safra? Meta sar dan is-safar? Kemm damu ljieli? Fejn kienet id-destinazzjoni? Min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh u x'karigi għandhom? Ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom għal akkomodazzjoni f'kull safra separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22974 u jgħid min huma l-persuni barranin li għandhom top posts fil-Malta Shipyards? X'inhu s-salarju u l-benefiċċji l-oħra li għandhom? Jista' jgħid x'esperjenza għandhom u xi kwalifiki fis-CV tagħhom?
Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li ngħatat ittra lill-ħaddiema tat-Tarzna dwar possibbilta' ta' xogħol b'shift mis-7.00 a.m. sas-7.00 p.m. u mis-7.00 p.m. sas-7.00 a.m.?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22322 dwar il-Gozo Channel Co. Ltd, jista' jekk jogħġbu l-Ministru jgħidli jekk in-numri li tani taħt rati sussidjati jinkludux xi kategoriji ta' passiġġieri minbarra passiġġieri residenti f'Għawdex? Jekk fl-affermattiv, min huma dawn il-kategoriji u kemm kien in-numru tagħhom xahar xahar għall-istess perjodu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-figuri li ngħataw fil-PQ 22322 taħt rati sussidjati jinkludu biss il-passiġġieri residenti f’Għawdex.