MCCAA – Chairman u Executive Chairman – remunerazzjoni u perkaċċi
Question
B’referenza għat-tweġiba li tat fil-mistoqsija parlamentari 15607, tista’ l-Ministru tispeċifika l-ammonti konnessi mal-pakkett finanzjarju taċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorità ta’ Malta għall-Affarijiet tal-Konsumatur?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
aTista’ l-Ministru tgħid kemm huma l-każijiet ġodda li ġew imressqa quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur minn Jannar li għadda sal-lum? Tista’ tgħid kemm kien hemm każijiet pendenti mill-perjodu ta’ qabel u kemm hemm b’kollox pendenti sal-lum?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li kien hemm 146 każ ġdid minn Jannar 2015 sal-lum, filwaqt li kien hemm 84 każ pendenti mill-perjodu ta’ qabel. B’ kollox pendenti sal-lum hemm 96 (22 għas-sentenza).
MCCAA – livell ta’ pesticide residue għola mil-livell aċċettat
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk matul din is-sena kienx hemm każijiet fejn il-livell tal-pesticide residue kien daqs jew aktar mil-livell aċċettat? Jekk iva, tista’ tgħid kemm-il darba dan irriżulta, liema kienu l-prodotti involuti u x’azzjoni ttieħdet mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur (MCCAA)?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li mit-testijiet li saru din is-sena sa issa, irriżulta li kien hemm sample wieħed li kellu livelli ta’ pesticida daqs dawk permessi u ieħor li kellu livelli għola minn dawk permessi. Is-samples kienu ta’ frawli. Filwaqt li l-Awtorita’ ma tistax tieħu passi legali kontra l-operatur li poġġa l-prodott li kellu residwi daqs il-massimu permess, l-Awtorita’ qed tieħu passi skont il-ligi kontra dak l-operatur li poġġa il-prodott li qabeż il-livelli permessi fuq is-suq.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il każ ta’ kull għamla kienu rreġistrati mal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni sal-aħħar ta’ Ġunju 2015, taħt liema kategorija jaqgħu u kemm ilhom pendenti dawn il-każijiet?
Response (DALLI, HELENA)
Nirreferi lil Onorevoli Interpellant għar-risposta li nagħtat għal-mistoqsija numru 11583 fejn sal-24 ta’ Ottubru 2014 kien hemm 47 każ pendenti. Sal-aħħar ta’ Gunju 2015, daħlu 10 każijiet ġodda oħra.
Preżentament, il-każijiet pendenti nizlu għal 25 każ li minnhom 24 jikkonċernaw investigazzjonijiet dwar il-ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni jew/u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropeja u każ minnhon huwa nkjesta settorjali.
Fost dawn il-kazijiet li għadhom pendenti quddiem l-Uffiċċju hemm:
Każ wieħed li nfetaħ fl-2006
Żewġ każijiet li nfetħu fl-2007
Żewġ każijiet li nfetħu fl-2008
Żewġ każijiet li nfetħu fl-2009
Żewġ każijiet li nfetħu fl-2010
Erba’ każijiet li nfetħu fl-2011
Żewġ każijiet li nfetħu fl-2012
Każ wieħed li nfetaħ fl-2013
Ħames każijiet li nfetħu fl-2014
Erba’ każijiet li nfetħu fl-2015
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni impjegati mal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li għandhom it-teleworking? Kemm hemm talbiet pendenti għal teleworking u li ma ġewx milqugħa?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fl-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) hemm 27 impjeġati li għandhom it-teleworking. M’ hemmx talbiet pendenti li ma ġewx milqugħa.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – użu ta’ credit cards pubbliċi
Question
Tista’ l-Ministru tinforma jekk hi jew xi membri fis-Segretarjat tagħha jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi li nħarġu f’isimha jew f’isem xi ħadd fis-Segretarjat tagħha? Jekk fl-affermattiv min huma dawk awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards għal kull credit card minn Marzu 2013 u jelenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Jista’ jgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellanta li la jien u lanqas membri tas-Segretarjat ma jagħmlu użu min credit cards pubbliċi.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – entitajiet — użu ta’ credit cards pubbliċi
Question
Tista’ l-Ministru tinforma jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtha jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi? Jekk fl-affermattiv min huma dawk l-entitajiet li huma awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards pubbliċi għal kull entità minn Marzu 2013 u tista’ telenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Tista’ tgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – nefqa f’petrol u diesel
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm intefaq f'petrol u diesel mill-Ministeru tagħha, inkluż id-dipartimenti, awtoritajiet u entitajiet illi jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha, bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-aħħar ta' Ġunju 2015? Tista' tgħid mil-liema pompi tal-petrol inxtara l-fuel u tagħti break down skont il-pompi?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li l-uffiċjal li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ta’ entità regolatorja ma jridx jagħti kopja tal-firma tiegħu lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għall-konferma ta’ awtentiċità ta’ dokumenti ffirmati minnu stess, peress li dan l-aġir qed ifixkel il-kummerċ ma’ barra minn Malta?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-uffiċjal in kwestjoni ma rċeviex talba formali mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għall-konferma ta' l-awtentiċita' tal-firma tiegħu.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm uffiċjali professjonali jaħdmu full-time f’kull waħda mill-erba’ entitajiet tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fl-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur hemm uffiċjali professjonali jaħdmu full-time fl-erba’entitajiet kif ġej:
Technical Regulations Division: 20
Standards and Metrology Institute: 15
Office for Consumer Affairs: 7
Office for Competition: 7
MCCAA – uffiċjali – talba għal xogħol privat wara l-ħin tax-xogħol
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm uffiċjali fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-lum li talbu li jagħmlu xogħol privat wara l-ħin normali ta’ xogħol? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet ta’ dawn l-individwi kif ukoll jekk it-talba tagħhom intlaqatx u x’tip ta’ xogħol kien mitlub?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li kien hemm uffiċjal wieħed li talab li jagħmel xogħol privat wara l-ħin tax-xogħol. It-talba intlaqgħet u kien mitlub biex jagħmel xogħol ta’ surveys.
Tista’ l-Ministru tgħid minn min ġew mimlija dawn il-postijiet fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur:
(a) Chief Operating Officer;
(b) Head of Finance; u
(c) Head of HR?
Tista’ tgħid minn min hu kompost il-bord li għamel l-interviews u kemm-il applikazzjoni kien hemm għal kull ħatra? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta’ dawn il-ħatriet inkluż is-salarji u l-perkaċċi li jġorru magħhom? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-responsabilitajiet li se jġorru magħhom dawn il-ħatriet?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-postijiet fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ġew mimlija minn;
a. Chief Operating Office – Mr Jean Pierre Fava
b. Head of Finance – Din il-pożizzjoni għadha vakanti
c. Head of HR – Ms Pauline Vella
Il-bord li għamel l-interviews kien kompost minn;
a. Interviewing Board:
- Dr Phyllis Aquilina,
- Ing Mario Cassar (MCCAA Board of Governors’ members),
- Mr Anthony Azzopardi (MSDC)
B’kollox kien hemm ħames applikazzjonijiet li minnhom wieħed ma kienx eliġibbli u wieħed irtira l-applikazzjoni.
b. Interviewing Board :
- Mr Marcel Pizzuto (Executive Chairman),
- Ms Anna Spiteri (MCCAA Board of Governors’ member),
- Mr Anthony Azzopardi (MSDC)
B’kollox kien hemm sebgħa applikazzjonijiet li minnhom wieħed irtira l-applikazzjoni u erbgħa ma kienux eliġibbli.
Flimkien ma din l-informazzjoni qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tal-kuntratti ta’ dawn il-ħatriet.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16034, tista’ l-Ministru tgħid kemm mis-6,866 lift reġistrat, ġew spezzjonati skont il-liġi minn uffiċjali tal-Awtorità?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li sallum saru 646 spezzjonijiet fuq lifts mill-Awtorita' kompetenti.
Tista' l-Ministru tgħid kemm, tul is-snin 2013, 2014 u 2015 separatament ġew ingaġġati ħaddiema fil-Ministeru u fid-dekasteri varji fuq bażi ta' self-employed? Jista' jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – ħlas ta’ impjegati fis-Segretarjat
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk għandiex nies jaħdmu fis-Segretarjat tagħha iżda jitħallsu minn entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm huwa n-numru ta’impjegati li qed jaħdmu b’din il-kundizzjoni? Min huma l-persuni li qed jaħdmu b’dan il-mod? B’kollox kemm huwa l-ammont totali ta’ nies li jaħdmu fis-Segretarjat tagħha?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ħadd mis-segretarjat ma jitħallas minn entita' li taqa' taħt ir-responsabilta' tiegħi. L-ammont totali ta' nies li jaħdmu fis-segretarjat tiegħi huwa ta' tnejn u għoxrin persuna.
Technical Advisor to BICC Chairman – person of trust
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min hu/hi l-person of trust illi għandha r-rwol ta’ Technical Advisor to BICC Chairman? Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma s-salarju u l-perkaċċi illi tgawdi minnhom din il-persuna?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellanta li l-persuna li għaliha hi qed tirreferi huwa t-Technical Advisor taċ-Chairman tal-BICC. Is-salarju tiegħu huwa dak ta’ skala 5.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fuq kuntratt tax-xogħol definittiv fil-Ministeru u fid-dekasteru kollha tal-Ministeru, sal-aħħar tas-sena 2014? Tista’ tindika kemm kuntratti huma minn sitt xhur għal sitt xhur, kemm minn sena għal sena u kemm iktar? Tista’ tindika kemm kienu ta’ sess maskili u kemm ta’ sess femminili?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li sal-aħħar tas-sena 2014 kien hemm mija u ħames persuni li jaħdmu fuq kuntratt ta’ xogħol definittiv. Tlettax-il kuntratt li jvarjaw minn erbgħa xhur sa għaxar xhur.Tletin kuntratt li huma minn sena għal sena, filwaqt li hemm tnejn u sittin kuntratt ieħor. Tlieta u erbgħin minnhom kienu tas-sess femminili u tnejn u sittin minnhom tas-sess maskili.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà sal-aħħar tas-sena 2014 fil-Ministeru u fid-dekasteru kollha tal-Ministeru? Tista’ tindika kemm persuni kienu effettivament ingaġġati fuq dawn il-kuntratti u li ħadmu fil-Ministeru, u fid-dekasteri kollha inkluż l-Korporazzjonijiet?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li sal-aħħar tas-sena 2014 kien hemm ħames (5) kuntratti għal xogħol ta’ tindif u kuntratt wieħed għall-xogħol ta’ sigurta’. Kien hemm tnax-il (12) persuni li kienu effettivament ingaġġati fuq dawn il-kuntratti.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — ingaġġ ta' individwu
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk, u filkas liema, entitajiet, bordijiet, awtoritajiet, dipartiment u simili li għalihom huwa responsabbli fid-dekasteru tagħha, ħatrux, appuntawx jew innominaw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal xi kariga, uffiċċju, jew ħatra, hi liema hi, mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk fl-affermattiv, tista’ tgħid x’kienet il-ħatra, uffiċċju jew kariga? X’kien il-ħlas għaliha?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-21 t’April ipproponejt lill-individwu msemmi għall-ħatra bħala Chairman tal-Bord tal-Għażla tal-Premju Ħaddiema tas-Sena 2015. Din hija kariga li ma jitħallasx għaliha.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatru u Libertajiet Ċivili — konsulenza li individwu
Question
Tista l-Ministru tgħid l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru li hi tmexxi tawx xi forma ta' konsulenza lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ma ngħatatx l-ebda forma ta' konsulenza mill-Ministeru, inkluż kull entita’ jew dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tiegħi.